Soluzzjoni ‘loġika’ għas-Sirja

Ftit tal-ġimgħat ilu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Dr George Vella, bħala rappreżentant tal-gvern Malti fil-qasam tiegħu fl-Unjoni Ewropea, kien parti minn deċiżjoni li ttieħdet li, fl-aħħar tax-xahar li għadda, ma jiġġeddidx l-embargo tal-armi li kien hemm fil-konfront tas-Sirja u li kull pajjiż individwali tal-Unjoni seta’ jiddeċiedi għal rasu jagħtix l-armi li ‘xi wħud’ mir-ribelli Sirjani jew le.

Appoġġ għall-armi

Fil-Parlament, Dr Vella ġġustifika din il-pożizzjoni bħala waħda li evitat deċiżjonijiet agħar, ċjoè evitat li l-embargo jitneħħa għal kollox mingħajr ma jinħaseb xejn floku jew li l-Unjoni nnifisha tibgħat l-armi lil ‘xi wħud’ mir-ribelli ta’ kontra l-gvern ta’ Baxar Al-Assad.

Wieħed jista’ jiddiskuti jekk din il-ġustifikazzjoni hijiex valida jew le. Ngħidu aħna, Malta dejjem setgħet tieħu l-pożizzjoni li tibqa’ bħal qabel tinsisti fuq l-embargo totali tal-armi lis-Sirja. Minflok, għażlet li, minkejja l-istat kostituzzjonalment newtrali tagħha (jiġifieri li ma tagħżilx bejn ġellied u ieħor), iddeċidiet li tieħu naħa u mhux oħra. Hekk ġabet fix-xejn il-vantaġġ morali li jagħtiha l-istat newtrali tagħha li timmedja bejn il-partijiet. Barra minn hekk, ħadet ukoll il-pożizzjoni li tiġġudika l-moralità tal-ġellieda (jiġifieri li l-vjolenza tar-ribelli hija moralment aktar ġustifikata mill-vjolenza tal-gvern ta’ Assad).

Ta’ min jgħid li pajjiżi newtrali oħra fi ħdan l-Unjoni Ewropea, bħall-Awstrija, il-Finlandja, l-Irlanda u l-Iżvezja, ħadu pożizzjoni differenti minn Malta. Sabiex ikollhom il-libertà meħtieġa li jwaqqfu l-ġlied (u mhux iżiduh), huma ċaħdu li jiġu mġiegħla minn Franza u l-Ingilterra (bil-pressjoni Amerikana warajhom) jieħdu naħa fil-konflitt.

Loġika żbaljata

Minkejja l-istat kostituzzjonalment newtrali tagħna u minkejja l-possibbiltà li Malta tibqa’ libera li tilgħab il-parti ta’ medjattriċi fil-konflitt, għal xi wħud l-appoġġ ta’ Malta għall-għoti tal-armi lil ‘xi wħud’ mir-ribelli kienet waħda ‘loġika’ ... ukoll jekk dan qiegħed iżid il-ġlied u wkoll qiegħed iżid il-qerda u l-imwiet tal-popolazzjoni ċivili. ‘Loġika’ għal dawn tfisser li twieġeb vjolenza bi vjolenza akbar.

Qabel xejn, aktarx irid jingħad li dawn in-nies donnhom ma tgħallmu xejn mill-gwerra Libjana ta’ ftit ilu. F’dik l-okkażjoni, l-armi li ngħataw lir-ribelli ma setgħux jinġabru lura wara. Illum għandna s-sitwazzjoni fejn, ħtija ta’ dawn l-armi fl-idejn, il-vjolenza effettiva fi ħdan il-popolazzjoni ċivili għadha għaddejja u ma jista’ jwaqqafha ħadd.

Imma apparti dan, l-għoti tal-armi lil ‘xi wħud’ mir-ribelli u mhux lil oħrajn hija idea fantastika. Għax hu prattikament impossibbli li l-armi ma jinxterrdux fl-idejn jew li ma jintużawx minn dawk ix-‘xi wħud’ fuq xi wħud oħrajn fost ir-ribelli stess. Dan l-eventwalità mhijiex fantasija, għax dan diġà qiegħed jiġri. Mhux biss, iżda x-‘xi wħud’ li għandhom l-armi wżawhom ukoll fuq il-popolazzjoni ċivili stess għal raġunijiet mhux biss politiċi iżda wkoll reliġjużi (li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-kwestjoni).

Intervenzjoni għall-paċi

Żball ieħor kbir li qegħdin jagħmlu dawk li jaċċettaw li Malta tapprova l-għoti tal-armi lil ‘xi wħud’ mir-ribelli huwa li qegħdin jidentifikaw in-newtralità man-non-intervenzjoni. Dan juri d-djuq li għandhom fir-rigward tal-konċett tan-newtralità.

In-newtralità ma tfissirx non-intervenzjoni. Dan wieħed jista’ jarah mill-azzjonijiet li jibqgħu jieħu pajjiżi bħall-Awstrija u l-Finlanda, fost oħrajn (bħall-Vatikan), sabiex isibu soluzzjoni paċifika u mhux beliġeranti għall-problema Sirjana. Fir-rigward tal-paċi, huwa fil-fatt it-tkabbir tal-ġlied li huwa non-intervenzjonista, għax flok jintervjeni sabiex jiġġenera l-paċi, kemm issa (li għaddejja l-gwerra) u kemm wara (meta tirbaħ xi naħa, jekk tirbaħ), qiegħed jintervjeni sabiex ikabbar il-firda u l-inkwiet, kemm issa u kemm wara.

Din mhijiex ‘loġika’. Il-loġika tgħidlek li jekk trid il-paċi trid taħdem għall-paċi, mhux għall-gwerra. Il-mezzi huma parti mill-objettiv; ma jistax ikollok mezzi mod u objettiv mod ieħor. Dan tgħallimhulna l-istorja: għax kulmin uża l-vjolenza biex iwaqqaf il-vjolenza, dejjem spiċċa fl-użu tal-vjolenza biex jikkonserva l-pożizzjoni tas-suppost non-vjolenza.

Il-kwestjoni ewlenija

Il-kwestjoni kollha mhijiex Assad għadux igawdi appoġġ wiesa’ mill-poplu Sirjan, għax kulħadd jammetti li m’għadux. Lanqas ma hi kwestjoni jekk Assad tilifx il-jedd morali li jiggverna, għax kulħadd jammetti li tilfu. Trid tkun superfiċjali biex taħseb li huma dawn il-kwestjonijiet ewlenin. Il-kwestjoni ewlenija hija li l-poplu Sirjan ma jkomplix iħallasx b’ħajtu għall-waqa’ ta’ Assad u li l-vojt li jħalli warajh ma jkunx agħar mir-reġim brutali tiegħu.

Min jagħżel li jappoġġja l-miżura li jingħataw armi lil ‘xi wħud’ mir-ribelli qiegħed jara biss sa mnieħru.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?