Il-ġlieda kontra d-djuq

Jekk toqgħod tinnota, kulmeta tiltaqa’ ma’ argumenti ġejjin minn persuni konservattivi, wieħed mid-difetti ewlenin tagħhom ikun li l-kunċetti u d-definizzjonijiet jintużaw b’tifsira dejqa. Dak li dejjem jipprova jagħmel persuna ta’ mentalità aktar liberali biex jirribatti dawn l-argumenti huwa li jwessa’ t-tifsira tal-kunċetti u d-definizzjonijiet mogħtija. Dan hu meħtieġ għal viżjoni aktar inklużiva u komprensiva.

Tifsiriet dojoq u wiesa’

Hija ħaġa kurjuża kif il-kliem għandhom it-tendenza li jidjiequ maż-żmien. Jibdew minn tifsira wiesa’, imbagħad, ftit ftit, it-tifsira tagħhom tagħhom tidjieq; min jużahom jibda jifhem bihom ħwejjeġ aktar speċifiċi u partikulari. Il-kelma ‘blat’, ngħidu aħna, kienet tirreferi għall-muntanji fi żmien il-qedem, iżda issa tirreferi biss għall-materjal li jagħmel muntanja jew għolja. It-tifsira tagħha djieqet u hekk ħafna drabi jiġri minn kliem ieħor.

Dan jgħodd ukoll għall-kunċetti u l-ideat. Jibdew b’tifsiriet li jħaddnu fihom ħafna ħwejjeġ u jispiċċaw jirreferi għal ftit affarijiet jew għal ħaġa waħda biss. Ngħidu aħna, il-kelma ‘ħobż’ fil-qedem kienet tirreferi għal kwalunkwe biċċa ikel imsajra, iżda maż-żmien bdew jużawha biss għall-ikel magħmul mill-qamħ jew mix-xgħir.

Naturalment, kull kelma jista’ jkollha tifsiriet simboliċi, metaforiċi u l-bqija—u dan iwessa’ t-tifsir tagħhom—iżda bl-użu normali u komuni tagħhom, il-kliem, bħall-kunċetti, ħafna drabi jieħdu tifsiriet dejjem aktar dojoq, speċifiċi u partikulari. Hekk, maż-żmien il-kelma titfaqqar; titlef tifsiriet sbieħ li kellha qabel, u tispiċċa tirreferi għal ħaġa waħda jew għal ftit affarijiet biss.

Il-ħsieb konservattiv

Il-mentalità konservattiva tisfrutta dan it-tidjieq tal-kliem u l-kunċetti. Ir-raġuni għala tagħmel dan tidher li hi minħabba li l-konservattiv isibu skomdu jkollu x’jaqsam ma’ tifsiriet li huma fluwidi żżejjed jew li jħallu lok għal aktar minn interpretazzjoni waħda. Il-konservattiv jidher li jħossu aktar komdu b’tifsiriet univoċi milli ekwivoċi. Ma jħobbx kumplikazzjonijiet. Għaldaqstant, ifittex dejjem li jissimplifika l-affarijiet kemm jista’ jkun, ukoll akkost li jsiru kważi kważi banali.

Il-konservattiv irid ikun dejjem ċert minn kollox. Mhuwiex kapaċi jgħix fejn jeżistu ħafna possibbiltajiet. Ma jistax iġerraħ sitwazzjonijiet li jistgħu jkunu validi b’ħafna modi. Id-dinja tal-mentalità tiegħu hija, mhux biss sempliċi, iżda saħansitra simplistika. Imma huwa f’din id-dinja li jħossu ċert u żgur minnu nnifsu.

Hi aktarx għal din ir-raġuni li l-viżjoni tiegħu hija dejqa, restritta u limitata ... bħall-kunċetti u t-tifsira tal-kliem li juża. Il-konservattiv hu dejjaq fil-ħsieb daqskemm fit-terminoloġija u l-aġir tiegħu. Aktar minn hekk, qajla jittollera tifsiriet u interpretazzjonijiet li mhumiex ta’ din l-għamla. Il-ħarsa tiegħu lejh innifsu u lejn id-dinja ta’ madwaru mhijiex imlewna, iżda biss iswed u abjad. Kull ħaġa hija għalih ta’ sura waħda u mhux oħra, iżda qatt ta’ żewġ suriet flimkien, u wisq anqas ta’ tlieta, erba’ jew aktar suriet.

Il-ġlieda perenni

Mentalità li hi aktar liberali minn hekk tilmaħ ilwien u sfumaturi f’dak kollu li jiżisti, inkluż fil-kliem u fl-interpretazzonijiet. Kull ħaġa jista’ jkollha ħafna suriet ... skont kif tħares lejha, skont kif tqisha u skont iċ-ċirkustanzi storiċi tagħha. Il-biċċa l-kbira tal-affarijiet, il-liberali ma jarahomx univoċi.

Għaldaqstant, ħafna mix-xogħol tal-liberali huwa li jopponi d-dinja simplistika tal-konservattiv; jopponi d-dinja tal-abjad u l-iswed biss. Xogħlu huwa li jibqa’ jindika l-implikazzjonijiet, il-komplikazzjonijiet u l-kumplessitajiet tal-affarijiet daqskemm tal-kliem u l-kunċetti. Xogħlu hu li jwessa’ l-viżjoni u joħroġha mill-għeluq speċifiku u partikularistiku li tkun daħlet fih.

Il-ġlieda perenni tal-liberali huwa kontra d-djuq tal-mentalitajiet, tal-perspettivi u tat-twemmin. Huwa jeħodha kontra l-mentalitajiet u l-viżjonijiet li jridu dejjem jiċkienu u jċekknu; li dejjem iridu jingħalqu fuqhom infushom u jagħlqu lil ħaddieħor; li jridu dejjem iħossuhom żguri biss f’irqajja’ żgħar ta’ ħsieb u azzjoni.

Moħħ il-bniedem mhuwiex magħmul għad-djuq, u lanqas qalbu għall-għeluq.


Comments

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?