Is-sejha socjali tal-Knisja Kattolika

Il-hajja tal-knisja ma tikkonsistix biss f’esperjenzi spiritwali. Dan kien ikun minnu li kieku kienet biss mixja ta’ fidi minn nies individwali. Imma l-knisja hija wkoll istituzzjoni ― kbira u kumplessa ― u dan ifisser li ghandha wkoll aspett politiku li jinfluwenzalha l-ezistenza u l-hajja taghha. Huwa dan l-aspett li jinteressana hawnhekk; u, partikularment, it-tbeghid tieghu mill-vizjoni socjali li garrab sa millanqas dawn l-ahhar tliet snin.

1. Liema sejha socjali?

L-analizi socjo-politika tal-hajja istituzzjonali tal-knisja hafna drabi tigi injorata mill-kattolici bhallikieku ma tezistix jew ma tinteressahomx. Però, hija fundamentali biex wiehed jibqa’ jifhem kif l-istituzzjoni tipprogetta lilha nnifisha fid-dinja kontemporanja u kif tfassal il-politika taghha, anki f’affarijiet li jmissu hwejjeg spiritwali jew duttrinali.

Fir-rigward tal-vizjoni socjali li l-knisja zviluppat f’dawn l-ahhar 120 sena, wiehed jista’ jilmah caqlieq konsiderevoli. Essenzjalment u fi ftit kliem, din il-vizjoni tista’ titfisser bhala ‘politika ta’ inkluzjoni’, jigifieri politika li tfittex aktar li thaddan, tenfasizza u tkabbar dawk l-oqsma duttrinali li bihom in-nies ihossuhom parti mill-knisja. Fi kliem iehor, hija politika li twettaq il-kliem ta’ Gesù (rappurtat fil-vangelu ta’ San Gwann, kapitlu 6, vers 37: ‘Min jigi ghandi ma nkeccihx ’il barra’.

Din hi politika li tfittex aktar dak li jghaqqadna milli dak li jifridna; politika li tfittex li tifhem il-kundizzjonijiet storici, socjali u psikologici tal-bniedem u twiegeb ghalihom b’mod evangeliku. Fi kliem iehor, hija aktar politika ta’ moghdrija u hniena milli ta’ formalità u ebusija.

2. Kif zviluppat

L-istorja ‘recenti’ ta’ din il-politika generalment tinzamm li bdiet fl-1891, meta l-Papa Ljun Tlettax xandar dokument importanti msejjah ‘Rerum Novarum’.

Wara, kompliet tizviluppa b’dokumenti ohra, l-aktar ‘Quadragesimo Anno’ (1931) tal-Papa Piju Hdax; ‘Mater et Magistra’ (1961) u ‘Pacem in Terris’ (1963) tal-Papa Gwanni Tlieta u Ghoxrin; ‘Gaudium et Spes’ (1965) u ‘Dignitatis Humanae’ (1965) tal-Koncilju Vatikan it-Tieni; ‘Populorum Progressio’ (1967) tal-Papa Pawlu Sitta; ‘Solicitudo Rei Socialis’ (1987) u ‘Centesimus Annus’ (1991) tal-Papa Gwanni Pawlu t-Tieni; u ‘Deus Caritas Est’ (2005) tal-papa prezenti, Benedittu Sittax.

Dawn id-dokumenti mhux kollha huma ta’ l-istess kalibru jew ghandhom l-istess importanza; u lanqas ma lkoll ihaddnu l-istess politika ‘inkluziva’ li semmejna. Ghalkemm huma kollha parti minn storja wahda (tat-taghlim socjali tal-knisja), xi whud jaghmlu passi kbar ’il quddiem, ohrajn passi izghar, u ohrajn sahansitra passi lura.
Ma’ dawn jehtieg insemmu wkoll dokumenti ohrajn ta’ importanza krucjali f’din l-istorja, ewlenin fosthom dawk mahruga mill-Konferenza Episkopali Latino-Amerikana f’Medellin (1968) u Puebla (1979); kif ukoll il-pubblikazzjonijiet privati tat-teologu dumnikan, Gustavo Gutiérrez, ‘Teologija tal-Liberazzjoni’ (1972), u tat-teologu gizwita, Sebastian Kappen, ‘Gesu u l-Helsien’ (1977).

3. Fejn wasalna

L-akbar zvilupp pozittiv fit-taghlim socjali tal-knisja kattolika kien fl-ghoxrin sena bejn l-1963 u 1983, meta ― mill-art ghammiela tad-dokumenti tal-Papa Gwanni Tlieta u Ghoxrin u tal-Koncilju Vatikan it-Tieni ― zviluppat teologija socjali progressiva li sahqet fuq l-inklussività tal-vizjoni ta’ Gesù u tal-knisja tieghu. Imma dan l-izvilupp gie milqugh b’oppozizzjoni xi ftit jew wisq harxa min-naha tal-Vatikan.

Din l-oppozizzjoni mill-Vatikan lahqet il-quccata taghha bejn wiehed u l-iehor bejn l-1984 u l-1987. Tul dawn is-snin, il-Prefett tal-Kongregazzjoni ghad-Duttrina tal-Fidi, il-Kardinal Ratzinger (illum il-Papa Benedittu Sittax) darbtejn ikkundanna l-interpretazzjoni radikali tat-taghlim socjali tal-knisja (fl-1984 u l-1986); u anki kkundanna teologi prominenti f’din il-linja ta’ hsieb, fosthom Gutiérrez (fl-1984) u l-eks frangiskan, Leonardo Boff (fl-1985).

Bazikament, it-taghlim socjali tal-knisja mill-Papa Ljun Tlettax ’il hawn jishaq fuq ir-rabta qawwija u intrinsika bejn l-imhabba nisranija u l-hidma ghall-gustizzja. Huwa f’dan il-kuntest li taghmel sens il-‘politika inklussiva’ li semmejt aktar ’il fuq. Izda, bhalma se naraw nhar il-Hadd, bid-dokument ‘Deus Caritas Est’ il-Papa Benedittu Sittax fired l-imhabba mill-gustizzja; u jghid espressament li ‘l-gustizzja mhijiex, proprjament, ix-xoghol tal-knisja, imma (biss) tas-socjetà politika’.

Din il-pozizzjoni ghandha implikazzjonijiet teologici serji u wkoll effetti konkreti devastanti ghall-impenn socjali tal-knisja kattolika.

Il-Hadd li ghadda rajna x’nifhmu ezattament meta nirreferu ghall-vizjoni socjali tal-knisja; kif storikament zviluppat din il-vizjoni; u fiex jinsab l-istat attwali ta’ dan l-izvilupp. L-istorja taghha tixbah xi ftit ‘roller coaster’: kellek wita, biex nghid hekk, bejn l-1891 u l-1961; imbaghad binja ’l fuq sa l-1984; imbaghad waqa’ ’l isfel fiz-zmien li gie wara sal-lum.

4. L-enfasi llum

Hemm zewg elementi krucjali u fundamentali fil-kunsiderazzjoni ta’ din il-vizjoni. L-ewwel wahda hi r-rabta bejn il-messagg evangeliku ta’ Gesù u l-hidma ghall-gustizzja; u t-tieni hi n-natura ta’ din il-hidma (jigifieri x’tip ta’ hidma ghall-gustizzja hija implikata fil-messagg evangeliku).

Rigward l-ewwel element, it-taghlim socjali kollu tal-magisteru tal-knisja kattolika mill-1891 sa l-2005 ― jigifieri ghal aktar minn mitt sena ― xi ftit jew wisq issejjes fuq il-principju li l-hidma ewlenija ta’ l-imhabba nisranija hija l-gustizzja. Il-kitbiet messjanici kollha tal-Bibbja jishqu fuq dan il-principju u Gesù nnifsu kemm-il darba jigbor il-hidma messjanika tieghu bil-kelma ‘gustizzja’. Imma fid-dokument ‘Deus Caritas Est’ tal-Papa Benedittu Sittax dan il-principju mhuwiex mizmum. Il-papa jghid li l-politika hija primarjament l-hidma tal-politici, mhux ta’ l-insara. Ghaldaqstant, jifred l-imhabba mill-gustizzja; u l-gustizzja mill-imhabba.

Dan il-ferq idghajjef il-vizjoni ta’ gustizzja li l-hidma nisranija kattolika dejjem haddnet u, ghaldaqstant, idghajjef ukoll il-mod kif in-nisrani ghandu jifhem in-natura tal-hidma tieghu ghall-gustizzja. Din il-hidma ghall-gustizzja, skond il-papa prezenti, m’ghandhiex ikollha l-ghan li tisfida u tfittex li tibdel l-istrutturi ta’ ingustizzja li jezistu fid-dinja (u forsi wkoll fi hdan il-knisja stess), imma biss li tezercita l-kmandament ta’ l-imhabba fi hdan l-istrutturi politici u socjali ezistenti.

5. Implikazzjonijiet teologici

Fi kliem differenti, dan ifisser li, mill-aspett socjali, l-imhabba nisranija tnezzghet mill-aspett politiku u, nistghu nzidu, mill-aspett revoluzzjonarju taghha; u nghatat xejra spiritwalistika biss. L-imhabba ma baqghetx ‘perikoluza’ jew ‘sfidanti’ socjalment jew politikament, imma saret biss sentiment religjuz.

Teologikament, din il-pozizzjoni aktarx tikkontradixxi l-Iskrittura Mqaddsa, fejn il-bidla ta’ l-istrutturi ngusti tad-dinja (jew, kif gieli ssemmew, anki mill-papiet infushom, l-‘istrutturi tad-dnub’) hija wahda mill-ghanijiet ewlenin tal-hidma tal-bniedem tal-fidi. Gesù hu l-aqwa ezempju ta’ dan, fejn bosta drabi jattakka d-dnub, mhux biss fuq lat personali u individwalistiku, imma wkoll fil-kontest ta’ l-istrutturi socjali u politici li spiss johloquh.

Imma l-implikazzjoni teologika principali tal-firda bejn l-imhabba u l-gustizzja hija li n-nisrani hu msejjah li jhaddam il-virtù ta’ l-imhabba minghajr ma jidhol fil-mertu tal-hazen strutturali li jista’ jezisti fis-socjetà politika. Fi kliem iehor, hu msejjah li jhobb minghajr ma jfittex li jibdel dawk l-istrutturi.

Fuq livell teologiku u duttrinali, din l-interpretazzjoni ma tistax titqies li taqbel mat-taghlim socjali tal-knisja hekk kif imxandra ghallanqas mill-Koncilju Vatikan it-Tieni ’l quddiem.

6. Effetti konkreti pastorali

Pastoralment, din il-perspettiva xxejjen il-qawwa socjali ta’ l-imhabba. Bil-firda ta’ l-imhabba nisranija mill-hidma konkreta ghal strutturi politici, ekonomici u socjali aktar gusti, il-pastorali kattolika regghet ittiehdet lura ghal dik l-attitudni sielma u kompjacenti li, mhedija bi hwejjeg purament religjuzi, tinjora dawk il-fasliet ingusti fis-socjetà li jgharrqu lin-nies u l-hajja taghhom.

Ghaldaqstant, flok fuq hidma pozittiva u konkreta ghall-bidla ta’ dawk il-fasliet hziena, ghal darba ohra t-tishiq pastorali huwa fuq dawk il-virtuwijiet personalistici ― bhas-sabar, il-karità, il-kompassjoni u l-bqija ― li jridu jfarrgu lill-bniedem minghajr ma jibdu d-dinja li jghix fiha. B’hekk il-hidma pastorali tal-knisja saret aktar religjuza fis-sens dejjaq tal-kelma u anqas impenjata socjalment, ekonomikament u politikament.

F’dan kollu, id-dnub hu mifhum kwazi esklussivament bhala nuqqas personali milli wkoll bhala hazen socjali. F’dan il-kuntest, il-pastorali kattolika regghet inghalqet fl-interess religjuz, sagramentali u parrokkjali taghha u, konsegwentement, regghet bdiet taljena lilha nnifisha mid-dinja politika, ekonomika u socjali li fiha tezisti.

7. Vatikan II

Il-Koncilju Vatikan it-Tieni gie msejjah mill-Papa Gwanni Tlieta u Ghoxrin bl-iskop ewlieni li jaghmel il-knisja kattolika aktar accessibbli ghall-bniedem kontemporanju. Mhux billi jibdel id-duttrina, imma billi juza lingwagg u, fl-ahhar mill-ahhar, simbolzmu differenti li jinftiehem fid-dinja tal-lum.

Izda l-ewwel u qabel kollox ― u aktar fundamentali minn dan kollu ― il-koncilju ried jibdel l-attitudni bazika li biha l-knisja kienet tipprogetta lilha nnifisha. Mhux aktar bhala knisja trijunfalista, maghluqa u awtoritarja, imma aktar bhala komunità ta’ fidi, ta’ djalogu u ta’ servizz lejn il-bniedem li qed ibati.

Fis-snin ta’ wara l-koncilju, l-aqwa espressjoni ta’ din l-attitudni gdida kienet dik li ssejhet it-‘teologija tal-liberazzjoni’. Din harset lejn il-bniedem fil-kundizzjonijiet socjali, ekonomici u politici tieghu u, fid-dawl tal-kelma ta’ Alla, fittxet li tqawwilu l-hila u ssahhahlu s-sengha sabiex jibni dinja isbah, ahjar u aktar gusta.

8. Ic-centralizzazzjoni politika

Fil-qiegh ta’ dan, il-koncilju ried li jiddecentralizza l-knisja kattolika; li jibdel il-politika Vatikana li Ruma tiddetta kollox billi tikkontrolla l-isqfijiet u d-djocesijiet tad-dinja. Dan il-moviment ried li jaghti siwi, smiegh u sehem akbar lill-insara fil-postijiet u s-sitwazzjonijiet differenti li fihom kienu qed jghixu.

Imma l-kilba ghac-centralizzazzjoni tal-burokrati ta’ Ruma ma setax jingheleb daqshekk facilment. Dawn kienu ilhom jistinkaw ghall-kontroll ghallanqas sa minn nofs is-seklu dsatax u l-Koncilju Vatikan it-Tieni nhass minnhom bhala tnehhija tas-setgha u l-hakma effettiva taghhom. Ghalihom kien aktar konvenjenti li jkunu korp ta’ strategi politici milli qaddejja umli ta’ servizz.

Sakemm sar il-koncilju u l-implimentazzjoni tieghu, dawn in-nies baqghu wara l-kwinti jistennew li terga’ tigi s-siegha taghhom. Wara l-1978, il-Papa Gwanni Pawlu t-Tieni ghenhom jergghu jiksbu l-arja li kellhom qabel u l-Papa Benedittu Sittax wettaq dan ir-ritorn ghac-centralizzazzjoni politika tal-Vatikan u l-attitudni li ggib maghha. Fl-ahhar mill-ahhar, il-perspettiva l-gdida tal-Koncilju Vatikan it-Tieni kien biss avventura relattivament qasira li damet mal-hmistax-il sena biss.

9. Esklussivizmu

Bl-iskuza li jigu mrazzna l-eccessi li, fil-fehma tal-Vatikanisti, kien ipprovoka l-koncilju, mid-disghinijiet tas-seklu l-iehor sal-lum l-attitudni esklussivista ta’ qabel regghet irritornat u baqghet titkabbar dejjem aktar. Sa wasalna fil-punt li aktar hemm interess li neskludu mill-knisja milli li ninkludu; li aktar naghalqu l-bibien milli li nifthuhom. Il-kontroll ta’ l-isqfijiet fid-djocesijiet taghhom issahhah dejjem aktar u s-smiegh tal-komunitajiet lokali tista’ tghid li xxejjen ghal kollox. Ruma regghet saret il-fus u l-qalba tal-knisja. Anzi, saret HI l-knisja.

Dan kellu effett qawwi fuq it-taghlim socjali tal-knisja kattolika. Dan it-taghlim ma baqax aktar djalogali u konciljatorju, imma rega’ assuma l-arja ta’ impozizzjoni u ddettar. Il-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa, hekk kif kibru u tferrxu minn wara l-Koncilju Vatikan it-Tieni ’l hawn, ma ntuzawx sabiex isostnu l-politika ta’ decentralizzazzjoni li ried il-koncilju, imma bhala mezz ta’ kontroll, influwenza minn fuq ghal isfel, dixxiplina u restrizzjoni.

Bil-hidma tal-burokrati tal-Vatikan mill-1978 ’il hawn, illum l-isqfijiet aktarx regghu saru sempliciment funzjonarji ta’ Ruma. Mhux kollaboraturi ta’ l-awtorità centrali, imma biss ezekuturi ta’ dak li l-awtorità centrali tiddettalhom. Il-kundizzjonijiet socjali, ekonomici u politici tad-djocesijiet taghhom ma baqghux fic-centru tal-kunsiderazzjonijiet pastorali taghhom, imma gew sottomessi ghal awtorità barranija li tfittex li tippromwovi l-interessi politici taghha minkejja dawk il-kundizzjonijiet.

10. Sagramentalizzazzjoni

L-effetti pastorali ewlenin tat-tishih tac-centralizzazzjoni fil-knisja mill-1978 ’il hawn aktarx kienu primarjament tnejn: l-ewwelnett, rega’ beda jsir tishiq kwazi esklussiv fuq l-aspett purament religjuz u spiritwalistiku tal-fidi nisranija kattolika. B’hekk, regghet issahhet is-sistema sagramentali tal-pastorali kattolika fil-parrocci kollha. Fi kliem iehor, is-sacerdot rega’ ma baqax dak li jmur ifittex in-naghag il-mitlufa fl-ambjenti u l-kundizzjonijet socjali, ekonomici u politici li fihom jinsabu, jisma’ l-karba taghhom u, fi djalogu imdawwal mill-messagg evangeliku, jimxi maghhom lejn forom ta’ liberazzjoni umana.

Issa rega’ sar funzjonarju sagramentali li, mill-ispazju parrokkjali tieghu u fi hdanu biss, joffri prodott religjuz ghal kulmin ifittxu. Dan ifisser li min ma jistax isibu jew ma jhossx il-htiega li jfittxu, jibqa’ mbieghed u mitluf.

Ma’ dan, id-diskors ta’ l-operaturi pastorali rega’ tilef id-dimensjoni socjali, ekonomiku u politiku tieghu, u rega’ assuma x-xejra moralistika u spiritwalistika li kellu qabel. Fi kliem iehor, l-attitudni pastorali kollha regghet imghalqet fiha nnifisha u saret taqdi, mhux lill-bniedem li jitqabad mal-mewg tal-hajja, imma biss lill-fidili ta’ l-istituzzjoni.

11. Religjosità

It-tieni effett pastorali ewlieni tat-tishih tac-centralizzazzjoni ekklezjastika hu li l-operaturi civili, ekonomici u politici jithallew joperaw bil-libertà akkost li jghakksu n-nies u jghaffgu liz-zghir. Ghaldaqstant, dak li jigri fl-oqsma tal-politika, l-ekonomija u l-hajja socjali ma baqghux ta’ interess ghall-operaturi pastorali kattolici.

Dan qieghed ifaqqar il-pastorali kattolika daqskemm qed jikkonvjeni l-politici, l-ekonomisti u l-amministraturi socjali, li qed jithallew joperaw minghajr l-oppozizzjoni tal-knisja. Fi kliem iehor, l-ingustizzja socjali ma baqghetx ta’ interess ghall-operaturi pastorali kattolici. L-interess esklussiv taghhom huwa li jaraw li l-libertà religjuza taghhom ma tigix mittiefsa u li joholqu forom sagramentali u parrokkjali aktar sofistikati u kkontrollati.

Teologikament u pastoralment, inhallet ir-rabta bejn l-oqsma tal-politika, l-ekonomija u l-amministrazzjoni socjali, u bejn l-ispiritwalità. Dawn tqieghdu f’kompartamenti ghalihom maqtugha minn xulxin. Ghal darba ohra, dak li hu meqjus bhala ‘profan’ rega’ gie ghal kollox mifrud minn dak li hu meqjus ‘sagru’; dak li hu meqjus ‘religjuz’ rega’ beda jkollu x’jaqsam biss mar-ruh u mhux mal-gisem.

12. Teologija ta’ Inkluzjoni

Dawn iz-zewg effetti pastorali (u teologici) ewlenin tac-centralizzazzjoni ekklezjastika mhaddna ghal darba ohra mill-1978 ’il hawn kulma jaghmlu huwa li jippromvowu attitudni ta’ prohibizzjonizmu, segregazzjoni u eskluzjoni: Ta’ gewwa, gewwa u ta’ barra, barra; min hu maghna, maghna u min mhux maghna, mhux maghna.

L-alternattiva hija teologija ta’ inkluzjoni. Hija teologija mxandra minn Gesù u mhaddna mill-appostli u d-dixxipli tieghu. Gesù kien il-hin kollu jxandar l-eliminazzjoni tal-fruntieri u l-barrieri minn bejn in-nies. Xandar spiritwalità ta’ rispett profond lejn kulhadd u djalogu sincier ma’ kulhadd. Fuq kollox, fisser il-missjoni tieghu ta’ mhabba bhala missjoni ta’ gustizzja, fis-sens l-aktar wiesgha taghha.

Il-pastorali li ried u heggeg Gesù ma kinetx wahda sagramentali, moralistika jew dommatistika. Imma kienet wahda ta’ servizz disinteressat lejn il-bniedem li qieghed ibati minhabba strutturi socjali, ekonomici u politici ingusti. Sa ftit snin ilu ’l hawn, din is-sejha meraviljuza tieghu giet fedelment riflessa fit-taghlim socjali kollu tal-knisja kattolika. Imma sfortunatament dan m’ghadux il-kaz illum.

Bil-grazzja tieghu, huwa ghal din is-sejha qaddisa tieghu li jehtieg li nergghu nirritornaw.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?