Il-‘lock-up’ inuman tal-qorti

Kuljum ghadd ta’ prigunieri jitnizzlu l-qorti tal-Belt. Dan generalment isir kmieni filghodu. Il-prigunieri jitnizzlu ghax ikollhom xi smigh tal-kaz taghhom. Jitnizzlu fil-van tal-habs, jiddahhlu minn Strada Stretta u jitqieghdu fil-‘lock-up’ ta’ taht il-bini tal-qorti. Hemmhekk iqattghu diversi sighat, li mhux dejjem ikunu sighat felici. Certament, il-‘lock-up’ jehtieg rangatura sew.

Gagga dipressanti

Il-‘lock-up’ ta’ taht il-bini tal-qorti jigi sewwasew livell ma’ Strada Stretta lejn in-naha ta’ Triq San Gwann. jikkonsisti l-aktar f’zewg taqsimiet ewlenin ta’ qies differenti: hemm parti riservata ghall-prigunieri u parti akbar riservata ghall-pulizija. Minn hawnhekk, il-prigunieri jistghu jittellghu jew jitnizzlu bil-lift mis-swali tal-qorti li jinsabu fis-sulari ta’ fuq.

Il-parti tal-prigunieri prattikament tikkonsisti f’gagga twila: hajt fuq wara u zewg hitan fil-gnub, u faccata kollha sbarri weqfin. Il-gagga hi battala ghal kollox ghajr ghal twavel imwehhlin mal-hajt biex il-prigunieri jpoggu fuqhom. Rari jkun hemm post ghal kulhadd u, sakemm idumu hemmhekk, bosta prigunieri jkollhom joqoghdu bil-wieqfa.

Generalment, il-prigunieri jqattghu hafna sighat f’din il-gagga jistennew il-waqt li jittellghu fis-swali tal-qorti. Huwa komuni li xi kultant is-seduta taghhom tigi diferita hesrem u l-prigunieri jispiccaw ma jittellghu xejn.

Jittiehdu lura l-habs bil-van mhux wiehed wiehed, imma grupp grupp. Ghalhekk, jibqghu jistennew hemm isfel sakemm, sighat wara, jasal il-hin sabiex jinzlu Kordin.

Servizz tal-qamel

Din il-gagga tal-prigunieri ta’ taht il-qrati tal-gustizzja mhijiex biss dipressanti, imma fuq kollox inumana. Ventilazzjoni m’ghandhiex. It-tipjip esagerat li jsir go fiha u mill-pulizija jistagnaw l-arja u l-pulmuni ta’ kulhadd, specjalment ta’ min ma jpejjipx. Barra minn hekk, arja kondizzjonata mhemmx. Allura tingazza fix-xitwa u taqtaghlek nifsek fis-sajf.

Kemm idumu msakkrin go dil-gagga, il-prigunieri ma jinghataw ebda ikel, idumu sighat kemm idum hemm isfel, anki, xi kultant, sa wara nofsinhar. Il-pulizija joffrulhom xi ftit kafè, tassew. Imma ebda ilma ma jinghatalhom hlief mill-vit. Ghalkemm hemm dispensatur tal-ilma, dan mhuwiex ghall-prigunieri, imma ghall-pulizija biss.

Naturalment, it-tensjoni li jkollhom il-bicca l-kbira tal-prigunieri waqt li jkunu fil-gagga jistennew ma tkunx zghira. Dawn il-kundizzjonijiet pessmi tal-post ma jghinu xejn sabiex il-qaghda taghhom hemmtaht tkun wahda aktar umana u aktar adatta ghan-nies.

Irresponsabbiltà grassa

Il-magistrati u l-imhallef ma jinzlu qatt izuru l-gagga u probabbilment lanqas l-amministratur tal-qorti. Generalment, lanqas ma jinzlu l-avukati. Il-post hu mistur minn kulhadd u allura minsi minn kulhadd. Il-prigunieri qajla ghandhom mezz ta’ kif iwasslu l-ilmenti taghhom dwar dan it-trattament. U l-pulizija donnhom mhumiex responsabbli ghal din is-sitwazzjoni.

Dan, però, ma jixraqx lil pajjizna. Mhux biss igib nuqqas ta’ rispett lejn id-dinjità tal-persuni, imma wkoll jaghtina isem hazin hafna, specjalment mal-prigunieri barranin, li jitkazaw bina. Jiena jidhirli li, bhala pajjiz li jiftahar li hu ccivilizzat, din il-qaghda mwieghra tal-‘lock-up’ ta’ taht il-qorti ghandha tigi rrimedjata minnufih.

Il-qorti―u, indirettament, il-gvern―ghandu jgib ruhu b’mod aktar responsabbli, kemm lejn is-sahha fizika tan-nies li jinzammu fil-kustodja tieghu u kemm lejn is-sahha mentali taghhom. It-trattament kurrenti ma jixraqx lin-nies. Lanqas lill-bhejjem ma zzomm f’kundizzjonijiet bhal dawn, ahseb u ara n-nies.

Nahseb wasal iz-zmien li l-amministrazzjoni tal-qorti jew il-Ministru tal-Gustizzja jiehdu l-affarijiet bis-serjetà u jfittxu li jaghmlu l-‘lock-up’ ta’ taht il-qorit aktar xierqa ghaz-zamma tal-persuni. Dan hu dmir taghhom u m’ghandhomx jittraskurawh bhalma ghamlu s’issa.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?