Il-pjanijiet ta’ Piano

Jien ma nistax nifhem! Skond il-gazzetti tista’ tghid kollha, ta’ kull naha, Nazzjonalisti u Laburisti, l-ammirazzjoni, il-fohrija u s-sodisfazzjon kbir ghal dak li hazzilna l-Arkitett Renzo Piano ghad-dhul tal-belt Valletta (li ghalihom dahhal fil-but kemxa flus gmielha!) huma universali. Il-pjanijiet tieghu ghogbu lil kulhadd. Ingibed lejhom kulhadd. Habbhom kulhadd. Iridhom kulhadd. Jien ma nistax nifhem, nerga’ nghid. Mela dan-nies kollha ghajnejhom mhux f’wicchom qeghdin!?

Il-krizi spiccat?

Ibda biex, mela issa m’ghadniex fi zmien ta’ recensjoni serja!? Sa din il-gimgha stess li fiha l-gvern wera r-rieda tieghu li jberbaq miljuni ta’ Ewro fuq dan Piano u fuq it-twettiq tal-pjanijiet tal-ghageb tieghu, il-Ministru tal-Finanzi ghadu kemm stqarr ma’ Brussell li huwa impossibbli li sas-sena d-diehla nnaqqsu d-deficit b’mod sodisfacenti u accettabbli. Allura qed niggennu, x’qed naghmlu!? Jew qed niggennen jien!?

Donnu kulhadd nesa li dat-tberbiq mhuwiex mehtieg. Huwa kapricc li l-gvern irid jaghmlu biex jikkancella l-kruha li holoq gvern nazzjonalista precedenti. Aktar minn hekk, did-diskussjoni zejda tal-pjanijiet ta’ Piano huwa evidentement divergent mid-diskussjonijiet vera li jehtieg li jsiru, fosthom il-pizijiet finanzjarji enormi li nxtehtu fuq spallejn in-nies f’dawn l-ahhar snin. Il-kontijiet tad-dawl u l-ilma huma aktar importanti mill-pjanijiet ta’ Piano, ghax bih u minghajru xorta se jibqghu jigu ma’ wiccna!

Min hu komdu jista’ jiddiskuti l-pjanijiet ta’ Piano minghajr ma joqghod jinkwieta fuq hwejjeg aktar essenzjali. Imma aktarx il-bicca l-kbira tal-poplu ghandu bizzejjed fuq xiex jinkwieta biex joqghod jinhela fuq kapricci li mhumiex mehtiega. Il-gvern aktarx qed jipprova jipprogetta lilu nnifsu u s-sitwazjoni finanzjarja u politika prekarja li qieghed fiha billi jaghti l-impressjoni li huwa paxxut bizzejjed biex iberbaq ftit flus ghall-pjacir. Hija nasba qadima daqs Gesù Kristu!

Teatru tal-pajpijiet

Imma barra dan l-aspett finanzjarju, hemm kunsiderazzjonijiet ohra li stennejt li jsiru aktar dwar dawn is-sbieh pjanijiet ta’ Piano. Nghidu ahna, m’ghandniex digà hafna teatri miftuhin biex issa se noholqu iehor? La darba digà ghandna hafna teatri, ghala ghandna bzonn iehor? Centri ta’ arti, inkluz ta’ San Gakbu (li ghalih berbqu miljuni ta’ liri!), mhux digà ghandna? Parlament mhux l-istess, mela x’nambuh iehor? Il-bieb tal-Belt mhux digà jezisti biex issa qed noholmu b’iehor?

Li kieku qed noholmu li noholqu xi haga bzonnjuza u gdida, haga li m’ghandniex digà, nghid pacenzja. Imma kull haga li giet proposta minn Piano ghandna digà! Mela ghalfejn tberbiq inutli!?

Mill-lat estetiku hemm x’wiehed jghid ukoll. Dan Piano ppropona teatru li d-dehra tieghu taghtik l-impressjoni li qatt mhu lest. Id-dehra tat-Teatru Rjal il-gdid b’hafna ‘scaffolding’ permanenti se jkun qisu dejjem ninsabu f’nofs lehja. U dan fid-dahla tal-Belt! Hawnhekk, Piano holoq xi haga simili ghal dak li ghamel Parigi bic-Centru Georges Pompidou li, l-istess, hu bini f’faccata mizghuda pajpijiet u tubi.

Il-punt hu li l-lokalità taz-zewg binijiet hija totalment differenti. Filwaqt li l-post fejn qieghed ic-Centru Pompidou jippresta ghal struttura arkitettonika bhal din, id-dahla tal-Belt le. Kien ikun ahjar li kieku Piano nehha l-fdalijiet li ghad baqa’ mit-teatru l-antik u johloq xi haga aktar xierqa ghall-post.

Spazju meqrud

Meta nigi ghall-bini l-gdid tal-parlament li ppropona Piano ghandhom jidhlu kunsiderazzjonijiet ohra. Jigifieri f’Tas-Sliema, fejn kien hemm il-Magic Kiosk, ghamlu plejtu shih ghal kien hemm spazju miftuh u qalu li gie rrovinat u li mhux sew u li f’Malta l-ispazji miftuha ghandna bzonnhom … u fid-dahla tal-Belt ghandhom spazju miftuh u jridu jirrovinawh! Tifhimha din!?

Jekk ghandek il-fortuna ta’ spazju miftuh, specjalment f’post daqshekk prominenti, ghala teqirdu? Mhux bizzejjed li anki n-naha l-ohra wkoll suppost hemm spazju miftuh … u gie meqrud biex isir post ghall-hwienet … issa se teqred il-ftit li baqaghlek!? Dan x’genn hu!?

F’din il-parti tal-pjanijiet tieghu, Piano ippropona xi haga simili bhalma ghamel bil-Whitney Museum f’New York. Kemm hemmhekk u kemm hawnhekk holoq speci ta’ fortizza moderna. Iddawwar kemm iddawwar, fortizza tibqa’ tidher. Din hi l-impressjoni li rridu naghtu tal-parlament taghna? Li hu xi tip ta’ fortizza? Il-‘bad taste’ ta’ din l-ghazla hija tassew tal-ghageb!

‘Gunposts’ flok bieb

Imbaghad xi nghid ghal Bieb il-Belt li, skond il-pjanijiet ta’ Piano, ma hu bieb xejn!? Il-pjanijiet il-godda huma ‘rehash’ u ‘downscaling’ tal-pjanijiet l-ohra li l-istess Piano kien ippropona snin ilu (u li ghalihom ukoll dabbar kemxa flus ohra mhux hazin!) u gew irrifjutati. Issa se jkollna qishom zewg ‘gunposts’ surreali biex nghaddu minn bejniethom! Perfetti ghal xi zewg ‘snipers’!

Dawn il-pjanijiet famuzi tghidx kemm ghogbu lil hutna Maltin li jifhmu fl-arti u l-kultura daqsna kollha f’salt! Tghidx kemm ghoxew bil-paroli fil-vojt li ntqal dwar li, bil-pjanijiet li pproponielna Piano, il-Belt Valletta qed tintraddilha lura d-“dinjità”, “is-sens ta’ storja” u “identità”. Sens ta’ storja zgur, ghax fortizzi u ‘gunposts’ huma ta’ zmien in-nanna Venut u l-buznanna taghha! U x’dinjità hi meta ghandek teatru li qisu dejjem fi stat ta’ kostruzzjoni!?

Mhux ahjar taraw kif se tnaqqsu dak is-‘surcharge’, Sur Prim Ministru!

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?