Eqreb?

Ghaddiet sena ohra minn fuqna. Dan huwa inevitabbli. Imma ninsabu eqreb lejn it-‘Tieni Repubblika’ taghna? Ninsabu eqreb, kollettivament, lejn qaghda meta l-ewwel Repubblika, bil-valuri provincjali u settarji taghha, tnin ftit iehor u tmut ftit iehor? Niddubita. Ghaddejna sena ohra fl-Unjoni Ewropea minghajr ma sirna mqar ftit aktar Ewropej. Ghaddejna sena ohra fis-seklu 21 minghajr ma mqar ersaqna ftit aktar lejh. Ghaddiet sena ohra minghajr ma ftahna ghajnejna ghar-realtà gdida li, b’mod persistenti, qieghda thabbat mal-bieb tal-gharfien taghna.

L-unika tama

L-unika tama taghna tinsab mhux f’dak li gej ‘minn fuq’, imma f’dak li gej ‘minn isfel’; mill-ilhna li mhumiex jinstemghu; mill-personalitajiet li qeghdin jigu injorati; minn nies komuni li m’ghandhom ebda setgha politika; minn Maltin u Ghawdxin li qed jimxu triqathom minkejja l-hrafa ‘officjuza’ li jibqghu jghixu l-hekk imsejjha ‘mexxejja’ taghna.

Fil-fatt, dal-‘mexxejja’ m’huma qed imexxu lil hadd (ghajr l-ambizzjonijiet taghhom, jew imexxuhom huma) qed jimxu wehedhom. Il-hrafa li qed jghixu―ta’ Malta u Ghawdex li ghadhom bl-istess valuri ta’ dari―mhux biss saret illuzorja, imma anki redikola. Dawn l-hekk imsejjha ‘mexxejja’ ghaddew sena ohra b’rashom fir-ramel, jisthajjlu li ma hu qed jigri xejn; li ma hemm ebda kitba fuq il-hajt.

Imma minn taht, minghajr deher, minghajr storbji, il-Malta u Ghawdex godda digà twieldu u qed jikbru. Il-‘mexxejja’ dan ma jirrikonoxxuhx; jaghzlu li jichduh; jippreferu jinjorawh. Imma t-transtu taghhom qed tindaqq. Ghalxejn isoddu widnejhom. Ghalxejn jibqghu joholmu.

L-unika tama taghna hija li l-mixja ’l quddiem tat-‘Tieni Repubblika’ taghna―imsejjsa fuq valuri ta’ diversità u ugwaljanza―ma jista’ jwaqqafha hadd u xejn. Ghada jew pitghada se ttella’ rasha u titlob il-hlas taghha.

Mexxejja taparsi

Ghal hafna minna, dan l-avvent gej bil-mod wisq. It-taparsi ‘mexxejja’ taghna jinsabu kollha jilaghbu l-loghba ta’ ‘rajt ma rajtx u smajt ma smajtx’. Ebda ‘mexxej’, fil-fatt, ma jidher li jrid ikun tabilhaqq mexxej. Jigifieri xi hadd li jhares ’il quddiem, flok lura; li jirrikonoxxi u jhaddan il-valuri l-godda tas-sub-kulturi; li jxandar, saflahhar, vizjoni ta’ Tieni Repubblika.

Il-‘mexxejja’ kollha jibzghu minn xulxin. Xi whud jidher li ddecidew li jmutu mewta naturali (u igri ssehh!); ohrajn m’ghandhomx il-kuragg li jtellghu l-istandard u jmorru fejn hadd minnhom ma jrid imur. Hadd minnhom m’ghandu dik id-doza mehtiega ta’ ‘Mintoffizmu’ f’demmhom li jaghzilhom minn haddiehor u jaghmilhom specjali.
It-Tieni Repubblika―jigifieri t-thaddin ufficjali tal-moviment popolari digà ezistenti―se titwieled minghajrhom. Imbaghad, bla dubju, jibdew jirkbu. U anki jilaghbuha li minn dejjem kienu fuq quddiemnett. Imma sadattant, f’din it-tqala mortifikanti u interminabbli, jibqghu jirrextaw bil-valuri dekaduti u skaduti taghhom.

Fil-fatt, hadd ma jaghtihom widen. Li kieku m’ghandhomx ir-riedni tas-setgha f’idejhom, kieku ilhom li gew injorati u minsija ghal kollox. (Kif, fil-fatt, ghad jigrilhom.) Il-widnejn tal-generazzjonijiet il-godda jinsabu mdawwrin lejn ilhna ohra, differenti; qed jaghtu widen ta’ ilhna isbah u ahjar. Jekk l-hekk imsejha ‘mexxejja’ ghandhom widnejn zghar, ghajnejn ghomja u hluq kbar, fortunatament m’ghandhomx lehen li jwassal.

It-tama ma tmutx

L-2009 tintemm, bhalma ntemmu is-snin ta’ qabilha, imma maghha ma ntemmitx it-tama. Tassew, aktarx kienet sena li tawwlet it-turment. Imma ma qatlitx it-tama. Ghax it-tama ma tmutx. Bil-mod il-mod, anki tul is-sena l-gdida, nibqghu mixjin lejn it-twelid ta’ socjetà li, ghall-grazzja t’Alla, tkompli twaqqa’ l-fruntieri u l-bizghat. Tabilhaqq: bil-mod il-mod.

Ghallanqas inkunu eqreb. Dejjem eqreb. Dejjem aktar eqreb.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?