Id-dmir li nitkellem (2)

Jista’ jew ma jistax sacerdot Kattoliku jesrimi fil-pubbliku fehmiet differenti minn dawk tal-awtoritajiet ekklezjastici? It-twegiba tieghi hi din: Mhux biss jista’, izda ghandu. U f’dawn il-ftit paragrafi li gejjin nixtieq nghid ghala l-wahda u ghala l-ohra. Din hija kwestjoni fundamentali, mhux biss ghax tmiss il-qalba ta’ xi jfisser li tkun sacerdot, imma wkoll tan-natura nnifisha tal-Knisja.

Qabel xejn, nixtieq naghmel erba’ punti bazici preliminari. L-ewwel, jehtieg li jinghad li, jekk qatt kien jezisti xi nuqqas ta’ qbil bejni u bejn xi awtoritajiet ekklezjastici, dan la qatt kien, u lanqas ma huwa, ta’ natura duttrinali, jigifieri dwar il-fundamenti tal-fidi shiha, vera u Kattolika li ghaddewlna l-Appostli.

It-tieni, lanqas ma qatt kien, jew hu, dwar il-legittimità tal-awtoritajiet ekklezjastici―inkluz il-Papa, l-Isqfijiet jew xi awtorità ekklezjastika legittima ohra―jew dwar il-prerogattiva legittima taghhom li jikkmandaw. Jiena nistqarr hawnhekk (anki jekk m’hemmx bzonn) l-gharfien tal-legittimità taghhom ilkoll.

It-tielet, in-nuqqas ta’ qbil ma jfisser b’ebda mod li jien korrett u l-awtoritajiet zbaljati (u nahseb lanqas m’ghandu jfisser bil-kontra). Ifisser li apparentement ghandna suriet differenti ta’ kif inharsu lejn certi affarijiet u kif nesprimu din il-harsa taghna.

Ir-raba’, m’ghandi ebda dubju mir-rieda tajba tal-awtoritajiet ekklezjastici f’Malta, mill-lealtà taghhom ghall-Knisja, jew mill-imhabba li ghandhom lejha. (U nittama li lanqas huma m’ghandhom dubju minn dan kollu fil-konfront tieghi).

In-nuqqas ta’ qbil ta’ bejnietna aktarx ghandu x’jaqsam l-aktar mal-filosofija li fuqha l-awtoritajiet jidhru li qed isejjsu l-istrategija operattiva taghhom quddiem ir-realtà tal-socjetà kontemporanja Maltija. Dan hu importanti ghax jorbot, mhux biss mal-izvilupp tas-socjetà Maltija nnifisha, imma wkoll mal-gejjieni tal-Knisja fi hdan din is-socjetà.

Jien ma nahsibx―u hawn fejn m’ahniex naqblu―li l-filosofija li fuqha qed tissejjes l-istrategija operattiva tal-awtoritajiet ekklezjastici tallum fic-cirkustanzi kontemporanji hija xierqa. Dan ma jfissirx li l-filosofija mhaddna prezentement hija hazina fiha nnifisha. Ifisser biss li ma nahsibx li hija xierqa ghas-socjetà kontemporanja taghna.

L-ewwelnett, ma nahsibx li l-filosofija ta’ ‘min hu barra barra u min hu gewwa gewwa’ (jew ta’ ‘ahna u huma’) tista’ taghmel il-gid, la lil min hu ‘gewwa’ u lanqas lil min hu ‘barra’. Il-grazzja t’Alla qieghda kemm ‘gewwa’ u kemm ‘barra’, u l-Knisja trid taghraf, ticcelebra u xxandar il-grazzja t’Alla kulfejn tinsab, kemm jekk hi ‘gewwa’ u kemm jekk hi ‘barra’.

It-tieni, ma nahsibx li l-filosofija li thaddan il-kuncett socjologiku (gej minn Émile Durkheim) tal-‘kuxjenza kollettiva’ jghinna bizzejjed sabiex nifhmu n-natura pnewmatika tal-istituzzjoni ekklezjastika. Il-kuncett mhuwiex identiku ghal dak li jissejjah ‘sensus fidelium’, u lanqas ma jhalli lok ghall-kuxjenza u t-tnebbih individwali. Barra minn hekk, hu kuncett meqjus perikoluz, specjalment wara li gie wzat minn diversi tiranni (fosthom in-Nazisti u l-Faxxisti) biex jippersegwitaw individwi u minoranzi li ma qablux maghhom.

It-tielet, ma nahsibx li l-filosofija li theggeg mentalità ta’ assedju timposta b’mod xieraq ir-realtà divina tal-Knisja f’socjetà sekulari. Din il-mentalità tqis lin-nisrani fis-socjetà tallum bhala xi hadd b’qalbu maqtugha, vittimizzat u indefiz, meta fil-fatt m’ghandux ikun hekk. Barra minn hekk, filosofija bhal din kapaci taghti dehra kerha tal-Knisja, ghax jista’ jigi mfakkar li diversi dittaturi heggew din il-mentalità sabiex jiggustifikaw, isahhu u jtawwlu l-hakmiet taghhom.

Ir-raba’, nahseb li l-filosofija li tiddemonizza s-sekularizzazzjoni, mhux biss ma taghmilx gid lill-Knisja, imma tinjora l-gherq nisrani tal-attitudni sekulari. Essenzjalment u storikament, is-socjetà sekulari f’din il-parti tad-dinja tghallmet l-isbah valuri taghha―fosthom id-diversità u l-ugwaljanza―mit-twemmin nisrani.

F’dan il-kuntest kollu (biex nerga’ nigi ghal dak li bdejt bih), sacerdot huwa dak li, bhall-Knisja, jaghraf, jiccelebra u jxandar il-grazzja ta’ Alla kulfejn> tinsab. Mhux biss, bhala ufficjal tal-Knisja, ghandu l-mandat u r-responsabbiltà li jaghmel dan, imma wkoll, bhala mexxej tal-komunità nisranija, ghandu d-dritt u d-dmir li jigbed l-attenzjoni tal-Knisja nnifisha biex taghmel dan bl-aktar mod effikaci fic-cirkustanzi storici tallum.

Comments

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?