Il-helsien li ghad irid jigi

It-tifkira ta’ Jum il-Helsien m’ghandux ikun biss celebrattiv. Ghandu jkun mument li fih, filwaqt li nirriflettu fuq l-imghoddi, naghmlu l-kontijiet mal-prezent, u nfittxu li naraw nilmhux gejjieni ahjar milli kellna jew ghandna. B’dawn il-ftit kelmiet, nixtieq li nghinek taghti harsa hafifa lejn il-mixja socjali u politika taghna u wkoll li noffrilek ftit ideat ghar-riflessjoni tieghek dwar fejn sejrin.

It-tnissil tal-Istat Sekulari Malti

Fil-31 ta’ Marzu tal-1979 intemm b’mod definittiv il-ftehim tal-prezenza tal-Qawwiet Militari Britannici f’Malta wara kwazi 180 sena li kienu ilhom fostna. Skont ma kien gie miftiehem fil-21 ta’ Settembru tal-1964, dan il-ftehim kellu jintemm tmien snin qabel, fl-1971. Izda l-kolonizzaturi Inglizi taghna, skont ma kienu ftiehmu mal-gvern Malti ta’ dak iz-zmien, hasbu li jistghu jaqbdu u jirtiraw il-Qawwiet Militari taghhom minghajr wisq obbligazzjonijiet lejn il-poplu Malti. Wara kollox, kien ghalhekk, u ghalhekk biss, li, qabel l-Elezzjonijiet Generali tal-1962 u l-1966, l-aktar permezz tal-Arcisqof Mikiel Gonzi, kienu holqu ferment shih sabiex jevitaw li jinnegozjaw mal-Perit Dom Mintoff il-ftehim tal-Indipendenza u t-tluq tal-Qawwiet Militari taghhom minn Malta. Izda fl-ahhar mill-ahhar gharralhom. Ghax xorta wahda kellhom jigu wicc imb’wicc mieghu fl-1971, wara li rebah il-gvern f’Gunju ta’ dik is-sena. Il-Perit Mintoff millewwel haseb biex iregga’ l-arlogg lura u, dak li ma kienx thalla jaghmel fl-1962 u fl-1966, ghamlu snin wara. Il-ftehim tat-tluq definittiv tal-Qawwiet Militari Britannici minn Malta tal-1964 gie rivedut u, sad-data l-gdida tal-1979, l-Inglizi kellhom ihallsu qares tal-insolenza taghhom u tal-isfregju li kienu ghamlulna fil-180 sena ta’ qabel.

Imma din ma kinetx l-istorja kollha. Sa mill-1960 ’il quddiem, bdiet issehh bidla fostna li l-Inglizi ma kinux interessati fiha, li l-Arcisqof Gonzi lanqas xammha gejja u li l-Perit Mintoff sab ruhu protagonist taghha kwazi kwazi minghajr ma jaf: is-sekularizzazzjoni tas-socjetà Maltija. Mintoff, ta’ opportunist li kien, ma tilifx l-okkazjoni. Malajr rikeb fuq il-mewg taghha. Bl-Arcisqof Gonzi jilghab f’idejh, sfrutta b’hila politika u b’sengha strategika kull sitwazzjoni li giet ghal ghonq triqtu halli jghaggel jibda jnissel l-Istat sekulari Malti. Tassew, dan il-hsieb ma kienx l-ghan ewlieni f’mohh il-Perit Mintoff. L-ideal tieghu kien li jsahhah l-ekonomija ta’ Malta, li fuq is-sisien taghha biss seta’ pajjizna jkollu gejjieni garantit. Bl-iskop ta’ dan, ghal millanqas ghaxar snin qabel tela’ fil-gvern, huwa zarma lill-Knisja, l-iprem kenn tal-konservattizmu, mis-setgha morali li kellha ghal sekli shah u, wara r-rebha elettorali tal-1971, zarmalha wkoll il-bazi legali u ideologika li fuqha kienet isserrah dik is-setgha.

Xi jfisser ‘Stat Sekulari’?

Ghaddew aktar minn tletin sena mill-gvern tal-Perit Mintoff ta’ bejn l-1971 u l-1976, jigifieri mill-aktar gvern ta’ success mill-Indipendenza ’l hawn. Minkejja dan, l-Istat Sekulari li beda jitnissel fis-sittinijiet fil-fatt ghadu ma twelidx ghal kollox. Sallum, wiehed ghadu jista’ jinnota tensjoni qawwija fis-socjetà taghna tallum bejn realtajiet konservattivi li jibqghu jirrezistu l-valuri tal-Istat Sekulari u bejn realtajiet ohrajn li ghadhom jahdmu sabiex dawn il-valuri jissahhu, jitferrxu u jsiru parti mill-kultura dominanti.

Xi jfisser, ezattament, ‘Stat Sekulari’ (jew ‘Stat Lajk’)? Hemm zewg suriet ewlenin ta’ kif gie mifhum storikament. L-ewwel sura hija dik li kienet karatterizzata mic-cahda ta’ kull indhil religjuz fi hwejjeg tal-Istat. Din is-sura aktar kienet tishaq fuq x’ma jridx l-Istat Sekulari milli xi jrid. It-tieni sura, infatti, hija aktar pozittiva: tishaq fuq li l-Istat Sekulari jhaddan id-drittijiet tal-bniedem irrispettivament ghas-sess, ir-razza, il-lewn, l-ilsien, ir-religjon, il-fehma, it-twemmin politiku, l-origini socjali jew nazzjonali, l-orjentament sesswali jew kull kundizzjoni ohra tan-nies. Huwa b’din it-tieni sura li l-Istat Sekulari hu mifhum illum.

Tipikament, fir-rigward tar-religjon, l-Istat Sekulari:

• Ihaddam il-libertà religjuza
• Ma jkollux religjonijiet tal-Istat
• Ma jaghti ebda privileggi Statali jew sussidji lir-religjonijiet
• Ma jhallix li xi religjon tindahal fi hwejjeg tal-Istat
• Ma jhallix religjonijiet juzaw istituzzjonijiet Statali jew gvernattivi
• Ma jhalli ebda religjon tikkontrolla l-Gvern jew tezercita setgha politika
• Jehles is-sistema legali mill-kontroll jew l-influss religjuz
• Ma jhalli lil ebda setgha ta’ xi religjon fuq is-sistema edukattiva jew fuq il-kurrikulu edukattiv
• Ma jrazzan lil ebda cittadin milli jibdel ir-religjon tieghu jew li ma jkollu ebda religjon
• Ma jrazzan lil ebda tmexxija politika u lil ebda politiku milli jkollhom is-setgha ikun xi jkun it-twemmin religjuz taghhom

B’mod generali, l-Istat Sekulari:

• Jirrispetta l-individwu profondament
• Jghin sabiex kull persuna tkun tista’ tizviluppa l-hiliet kollha taghha
• Jippromovi r-rispett u t-tolleranza fuq kull kull livell socjali u politiku
• Japprova, jinkuraggixxi u jipromovi l-pluralizmu, id-diversità u l-ugwaljanza
• Jahdem sabiex jelimina d-diskriminazzjoni
• Jeqred il-barrieri ta’ klassi u kasti
• Ihares u jipprotegi l-firxa kollha tad-drittijiet umani

Minfejn gej l-Istat Sekulari?

Huwa generalment accettat li l-ewwel gvern maghruf b’sistema sekulari kien dak tal-Kbir Imperu Seljuc fil-11 u t-12-il sekli. Dan l-imperu kien twaqqaf mit-Torok Oghuz u l-firxa tieghu kienet mill-Kux Indu fl-Orjent sa Anatolja, fit-Turkija, u ’l isfel sal-Golf Persiku.

Min-naha l-ohra, il-kuncetti filosofici tas-separazzjoni bejn il-fidi u r-raguni, li fuqha hija bbazata s-separazzjoni moderna tal-Knisja u l-Istat, l-ewwel li dehru kienu fit-taghlim u l-kitbiet tal-filosfu Gharbi Ibn Rushd (maghruf fil-Punent bhala Averroes; ghex bejn l-1126 u l-1198), kif ukoll fl-Iskola filosofika Averroista tas-seklu 13.

Minkejja dawn il-precedenti, il-mudel tas-sekularizzazzjoni fil-Punent hu generalment assocjat maz-Zmien Illuminista fl-Ewropa. Jigifieri, mal-Filosofija Illuminista ta’ tmiem is-seklu 18 u l-bidu tas-seklu 19. Din il-filosofija bdiet minn Franza, lahqet il-quccata fir-Rivoluzzjoni Franciza tal-1789 u nfirxet fl-Ewropa kollha permezz tal-gwerer Napoleonici. It-terminu ‘sekularizmu’, però, beda jintuza ghall-ewwel darba fl-Ingilterra mill-kittieb George Holyoake fl-1851 (fis-sens tal-ewwel sura li semmejna aktar ’il fuq).

Originarjament, ghall-bidu s-sekularizmu ha xejra li kienet bla dubju militanti u anki vjolenti. Kienet xejra assolutament ostili ghar-religjon. Biex jara dan, wiehed ghandu biss ihares lejn il-konsegwenzi tar-Rivoluzzjoni Franciza (1905), ir-Rivoluzzoni Messikana (1910), ir-Rivoluzzjoni Bolxevika (1917) u l-Kostituzzjoni Spanjola tal-1931.

Maz-zmien, specjalment minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija ’l quddiem, zviluppat xejra aktar pozittiva tas-sekularizzazzjoni. Din iffukat aktar fuq il-kwalitajiet sustantivi tas-sekularizmu aktar milli fuq dak li twarrab, teskludi jew tichad. Din ix-xejra giet imwettqa fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948. Kull mudel ta’ sekularizmu, specjalment fil-Punent, minn dak iz-zmien lil hawn jissejjes fuq dan id-dokument ta’ importanza bla qjies u fuq il-principji bazici li jhaddan.

Il-bini tal-Istat Sekulari Malti

F’Malta u Ghawdex illum, filwaqt li predominantement ghandna socjetà sekulari, ghad m’ghandniex ghal kollox Stat Sekulari. Dan ifisser li, filwaqt li l-bicca l-kbira tal-poplu jidher li qed jghix il-valuri tas-sekularizzazzjoni, l-Istat Malti ghadu ma haddanx dawk il-valuri fil-fasla kostituzzjonali, legali u amministrattiv tieghu. Tassew, l-Istat Malti beda jiehu xejra sekularizzata, imma hu bidu biss. Ghad fadal x’jaqdef sakemm isir tabilhaqq u ghal kollox Stat Sekulari.

Jidher li fl-imghoddi taghna ghandna erba’ mumenti storici importanti li fih nistghu nilmhu t-tqeghid tas-sisien tal-Istat Sekulari Malti. L-ewwel mument huwa dak assocjat mal-filosfu Gann Nikol Muscat. It-tieni, ma’ Napuljun. It-tielet, ma’ Manwel Dimech. U r-raba’, mal-Perit Mintoff.

Il-filosfu Illuminista Malti Gann Nikol Muscat (1735–c.1800) aktarx kien l-ewwel wiehed li pubblikament u b’qawwa kbira ippropona s-separazzjoni tal-Istat u l-Knisja. Dan il-personagg hargu ghad-dawl ghallewwel darba l-istoriku Frans Ciappara fl-1993. Muscat gie familja fqira mill-Belt, kien orfni ta’ età ckejkna u studja bis-sahha ta’ zitu. Bil-mod il-mod, huwa sar Ufficjal Pubbliku fi zmien l-ahhar Granmastri f’Malta tal-Ordni ta’ San Gwann. Muscat haddan b’qalbu kollha d-drittijiet civili tal-Gvern ta’ Malta u pprova b’sahhtu kollha li jehles il-hwejjeg tal-Istat mill-indhil u l-influss tal-Inkwizituri u l-Isfqijiet ta’ Malta. Naturalment, dan dahhlu f’hafna nkwiet mal-awtoritajiet ekklezjastici, imma wkoll tah ukoll xi ftit tas-success f’din l-intrapriza tieghu.
Wara dan it-tentattiv, l-Istat Sekulari Malti kellu bidu abortiv fi tmiem is-seklu 18 mal-migja f’Malta ta’ Napuljun. Dan kien gab ghadd ta’ riformi sekulari mifruxa hafna, li kienu jinkludu:

• Is-separazzjoni assoluta bejn Stat u Knisja
• L-abolizzjoni tal-Inkwizizzjoni
• L-abolizzjoni tat-Tribunali u l-Qrati tal-Knisja
• L-introduzzjoni taz-zwieg civili
• L-abolizzjoni tat-titli nobbiljarji
• L-abolizzjoni tad-dfin ghas-sinjuri fil-knejjes
• L-abolizzjoni tal-kenn fil-knejjes kontra l-gustizzja civili
• It-twaqqif tal-Kunsilli Lokali flok l-awtorità civili tal-Kappillani

Sfortunatament, ir-riformi ta’ Napuljun ma tantx damu. Ir-ragunijiet ewlenin kienu aktarx tnejn: l-ewwelnett, il-poplu, li kien mizmum taht l-influwenza tas-sacerdoti, ma kienx imhejji bizzejjed ghal dawn ir-riformi shah u, ghalhekk, ma setax jifhem il-gid kbir li riedu jgibulu. It-tieni, il-kleru u n-nobbli, li kienu jahdmu fuq il-poplu, kienu assolutament kontra r-riformi u raw kif ghamlu biex xewwxu ’l poplu gwejjed kif iqum kontra l-Francizi ta’ Napuljun u jerga’ jroddilhom il-privileggi li kellhom qabel.

It-tielet mument gie madwar seklu wara permezz ta’ Manwel Dimech (1860-1921), li incidentalment din is-sena qeghdin niccelebraw il-150 sena mit-twelid tieghu. Minkejja li Dimech ma ppromoviex b’mod esplicitu s-separazzjoni tal-Istat u l-Knisja, certament oppona kull indhil religjuh fi hwejjeg tal-Istat. Dimech kien bniedem spiritwali hafna u ppromova hafna l-hwejjeg spiritwali. Izda min-naha l-ohra, ideologikament u pragmatikament haddan u ppromova wkoll riforma socjali fuq linji purament sekulari. Minkejja li hu nnifsu gie michud li jwettaq il-progett politiku tieghu, il-filosofija tieghu halliet impatt sinifikanti fuq l-avvenimenti li wasslu ghas-Sette Giugno tal-1919, il-Kostituzzjoni tal-1921, li biha Malta nghatat Gvern taghha, u anki l-politika tal-Partit Laburista fis-snin tletin. L-influss ta’ Dimech naqas minhabba t-Tieni Gwerra Dinjija u t-tifkira tieghu kienet regghet giet imqajjma fis-sittinijiet u s-sebghinijiet. Is-siwi politiku u socjali tieghu gie rikonoxxut u apprezzat definittivament mill-2004 ’l quddiem.

Ir-raba’ mument, dak marbut mal-Perit Mintoff, huwa, naturalment, l-aktar wiehed ta’ success u dejjiemi fost il-mumenti l-ohra li semmejna. Mill-1971 ’il quddiem, Mintoff gab bidla mill-qiegh fil-mentalità tal-poplu Malti billi rnexxielu jibdel il-hsieb kwazi fewdali tieghu (konventwali, nistghu nghidu) ghal wiehed jekk mhux sekulari ghal kollox ghallanqas inklinat lejn is-sekularizzazzjoni. Mintoff irnexxielu jaghmel dan bl-ghajnuna tal-glieda qalila tal-Knisja Kattolika mieghu bejn l-1961 u l-1971. B’rizultat ta’ dan, kif rajna digà, il-pozizzjoni morali tal-Knisja kwazi xxejjnet ghal kollox u dan wassal biex l-oppozizzjoni taghha ghall-attentati ta’ Mintoff biex ikompli jibni l-Istat Sekulari Malti jkunu dghajjfa u patetici.

Xkilijiet procedurali ghas-sekularizzazzjoni

L-Istat Malti ghad ghandu diversi hwejjeg li jimpeduh jew ixekkluh milli jkun Stat Sekulari. Minkejja li l-Kostituzzjoni ta’ Malta hija wahda essenzjalment sekulari, u minkejja li fl-1987 saret parti mil-ligi ta’ Malta (Kapitlu 319) l-Konvenzjoni Ewropea ghall-Harsien tad-Drittijiet u l-Libertajiet Fundamentali tal-Bniedem, xorta wahda ghad ghandna xkilijiet fin-nofs li ghadhom ma tnehhewx. Dan ifisser li, filwaqt li kostituzzjonalment u legalment ghandna mharsa d-drittijiet taghna bhala bnedmin ibbazati fuq il-principju tal-ugwaljanza, xorta wahda ghad ghandna hwejjeg li fil-prattika jcahhduna minn dawk id-drittijiet.

Dawn l-ixkilijiet huma ta’ zewg suriet: procedurali u sustantivi. Tal-ewwel huma xkilijiet ghall-harsien tad-drittijiet ugwali taghna li, minkejja li ma hemm ebda ligi formali li tissanzjonahom, u fuq il-karta jista’ jkollok rimedju legali ghalihom, isiru xorta wahda u effettivament icahhduna mid-drittijiet ugwali taghna. Tat-tieni, dawk sustantivi, huma xkilijiet li ghadhom jinsabu fil-ligi stess, jigifieri li legalment icahhduna mid-drittijiet ugwali taghna.

Fost l-ixkilijiet procedurali hemm dawn (f’ebda ordni partikuari):

• Il-hlasijiet ghaljin sabiex tiftah kazijiet fil-Qrati Civilu u Kostituzzjonali (li jcahhdu lic-cittadin iz-zghir milli jhares drittijietu)
• Il-hlasijiet ghaljin (hafna drabi minghajr ircevuta) ta’ tobba u avukati
• In-nuqqas li tinghata servizz xieraq (spartijiet, medicini, toroq u l-bqija) minkejja li hallast ghalih
• Il-processi burokratici difficli, twal u ta’ qtiegh il-qalb fl-iSmall Claims Tribunal u fil-Consumer Claims Tribunal
• Dewmien esagerat fil-kawzi tal-Qrati Kriminali u Civili
• Dewmien esagerat fir-restituzzjoni tal-flus dovuti lill-vittmi kriminali jew civili (jekk qatt tehodhom)
• Il-kwazi impossibbiltà li tinghata akkomodazzjoni alternattiva xierqa
• Nuqqas ta’ koncessjonijiet u ghajnuniet lil cittadini li ma jistghux ihallsu ghal servizzi pubblici
• Imparzjalità fil-harsien tal-ambjent naturali (specjalment mill-MEPA)
• Pressjoni mill-Knisja Kattolika fuq Ufficjali tal-Gvern halli jcahhdu lic-cittadini mid-drittijiet politici u civili taghhom
• Imparzjalità fl-operat tal-Pulizija u ta’ Ufficjali ohra tal-Gvern
• Ic-cahda jew id-diffikultà kwazi assoluta ta’ gruppi religjuzi mhux-Kattolici li jsemmghu lehenhom fuq il-mezzi tax-xandir (inkluz radju, televizjoni u gazzetti)
• Il-hlasijiet esagerati biex ic-cittadini kollha jkollhom access ghal attivitajiet kulturali
• It-trattament inferjuri jew nieqes li jinghataw id-denominazzjonijiet religjuzi mhux-Kattolici
• It-taghlim prattikament esklussiv tal-morali u t-twemmin Kattoliku fl-iskejjel tal-Istat
• In-nuqqas ta’ kontroll fil-harsien tal-prezzijiet (inkluz Paceville ghaz-zghazagh)
• L-indhil tal-Knisja Kattolika fi processi gudizzjarji
• L-indhil tal-genituri u nies ohra f’pozizzjoni ufficjali (anki religjuza) fil-hajja ta’ wliedhom adulti
• In-nuqqas ta’ trattament ugwali ta’ nisa u rgiel fis-settur tax-xoghol u l-impjiegi
• L-inforzar tal-ligi mill-Pulizija skond kriterji morali Kattolici
• It-trattament divers u inugwali mill-Qrati bejn Maltin u barranin (specjalment persuni Suwed)
• Id-diskriminazzjoni kontra l-omosesswali (specjalment fid-dinja tax-xoghol)
• It-tqeghid ta’ simboli religjuzi (invarjabbilment Kattolici) f’postijiet pubblici tal-Gvern
• Il-privileggi specjali li jinghataw lis-sacerdoti Kattolici
• In-nuqqas ta’ access ghal persuni b’dizabbiltajiet fizici f’postijiet tal-Gvern u f’postijiet privati miftuha ghall-pubbliku
• Nuqqas ta’ kontroll fuq il-harsien tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali
• Pressjoni socjali kontra d-dritt ta’ ghazliet riproduttivi

Xkilijiet sustantivi ghas-sekularizzazzjoni

Dawn l-affarijiet l-ohra kollha jtellfuna milli jitharsulna d-drittijiet ugwali taghna ghax certi cittadini jigu ppreferuti jew vantaggjati fuq haddiehor. Ahna lkoll indaqs quddiem l-Istat, u l-Istat Sekulari jrid jara li lkoll kemm ahna nigu ttrattati l-istess, hu x’inhu t-twemmin taghna, hu x’inhu s-sess taghna, hi x’inhi l-orjentazzjoni taghna, hu x’inhu l-lewn tal-gilda taghna, hu x’inhu d-dhul finanzjarju taghna. L-Istat Sekulari jrid jara li jnehhi ghal kollox kull xkiel procedurali li fil-prattika jcahhad lil certi cittadini milli jitharsu d-drittijiet ugwali taghhom.
Jekk dan hu minnu, aktar u aktar hu minnu fir-rigward tax-xkiljiet sustantivi, jigifieri dawk ix-xkilijiet ghall-harsien tad-drittijiet ugwali ta’ xi whud minna li ghadhom igawdu s-sanzjoni tal-ligi. Fost dawn hemm dawn li gejjin (f’ebda ordni partikuari):

• Il-ligijiet dojoq tac-censura
• Nuqqas ta’ access shih ghall-informazzjoni
• Ic-cahda tad-divorzju
• Il-ligijiet tal-kera li jizvantaggjaw lil min m’ghandux proprjetà
• Ir-rikonoxximent tar-‘Religjon Rumana Kattolika Apostolika’ bhala r-religjon tal-Malta fil-Kostituzzjoni
• Il-ligijiet tal-impjieg li jizvantaggjaw haddiema ta’ bla sengha
• In-nuqqas ta’ harsien mill-hmieg fl-arja
• Il-kriminalizzazzjoni ta’ drogi hfief jew rotob
• It-trattament li jinghataw ir-refugjati fil-kampjiet ta’ detenzjoni
• It-trattament divers mill-Qorti tal-Familja bejn irgiel u nisa (li aktar jizvantaggjaw lill-irgiel)
• Il-prerogattivi specjali li jinghataw l-awtoritajiet tal-Knisja Kattolika
• Ic-cahda tal-informazzjoni lill-vittmi ta’ kawzi kriminali u civili
• Ic-cahda tad-dritt taz-zwieg u adozzjoni lil koppji omosesswali
• Ic-celebrazzjoni ta’ festi religjuzi bhala festi pubblici
• Ic-cahda tad-dritt ghas-sahha riprodottiva
• Ic-cahda tad-dritt ghal edukazzjoni dwar il-kontracezzjoni
• Ic-cahda li tigi assistit minn avukat waqt interrogazzjonijiet kriminali
• In-nuqqas ta’ harsien tac-cittadini mill-inkwinament tad-dawl u l-istorbju
• Ic-cahda tal-possibbiltà tar-ricerka u l-prattika dwar celloli tal-gherq
• In-nuqqas ta’ harsien ghall-indipendenza tal-gurnalisti
• In-nuqqas ta’ drittijiet legali ghal koppji omosesswali
• Ic-cahda tad-dritt tal-vot lill-prigunieri

Vantaggi ghas-sekularizzazzjoni

Minkejja dawn ix-xkilijiet procedurali u sustantivi, ghandna f’Malta diversi ghamliet ta’ movimenti li qed jghinu biex ikomplu jwelldu l-Istat Sekulari Malti. Dawn aktarx sallum ghadhom parti minn sub-kulturi li m’ghandhomx ir-rikonoxximent ufficjali tal-Istat u lanqas ma ghandhom xi influss partikularment qawwi fuq il-politika tal-Gvern. Generalment, f’relazzjoni ma’ dak li hu meqjus bhala l-agir u l-hsieb ‘normali’ tal-Maltin, dawn il-movimenti huma meqjusa ‘innaturali’, ‘devjanti’ jew anki ‘perversi’. Xi whud isejjhulhom ‘mhux tradizzjonali’. Fost dawn hemm dawn li gejjin (f’ebda ordni partikuari):

• Sub-kulturai ta’ zghazagh li abbandunaw it-twemmin Kattoliku u l-prattika morali Kattolika, u li ghandhom drawwiet ta’ agir u hsieb, specjalment sesswali, li jikkuntrasta hafna ma’ dawk ta’ generazzjoni biss qabel
• Ghadd sostanzjali ta’ Kattolici li ma jagixxux u jgibux ruhhom skond id-direttivi tal-awtoritajiet tal-Knisja taghhom (specjalment f’kazijiet ta’ kontracezzjoni u abort) u li ma japprovawx certu taghlim tal-Knisja Kattolika li jqisu lilhom infushom parti minnha (bhal fil-kaz tad-divorzu, tan-nisa mizzewwgin li jahdmu barra d-dar u l-bqija)
• Ghadd sostanzjali ta’ Maltin u Ghawdxin li abbandunaw ghal kollox (anki jekk mhux ufficjalment) il-Knisja Kattolika
• Sub-kulturi omosesswali li haddnu agir u hsibijiet li huma ghal kollox differenti minn dawk tal-kultura dominanti Maltija
• Sub-kulturi femministi li xi ftit jew wisq abbandunaw il-mod kif il-kultura tradizzjonali tridhom li jagixxu jew jahsbu

Dawn l-indikazzjonijiet kollha li semmejna jistghu jaghtuna hjiel tal-livell u n-natura ta’ helsien li ghandna f’Malta u Ghawdex illum. Naturalment, hawnhekk ma tkellimniex biss fuq helsien politiku, ekonomiku jew kostituzzjonali biss. Tkellimna fuq helsien f’termini socjali u politici hafna aktar wiesgha. Imma huwa dan il-helsien li jikkaratterizza l-istadju ta’ civilizzazzjoni li ghandna llum u li ghamlu ghalina possibbli l-kisbiet kostituzzjonali taghna.

Filwaqt li niccelebraw Jum il-Helsien, ma nistghux ma nahsbux ukoll fuq kif se jharsu dejjem ahjar u nkabbru dejjem aktar il-helsien li ksibna.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?