President ta’ veru

Ma nafx tafx: jien ma tantx jien delettant ta’ diskorsi kkuluriti u priedki ffjuriti. Sa fejn nista’, nevitahom, ghax javveluni: iqabbduni attakk imbarazzanti ta’ titwib. Imma d-diskors li smajt fit-3 ta’ Frar li ghadda l-Belt, mill-President ta’ Malta, Dr George Abela, la kien kulurit u lanqas fjurit. Kien diskors ta’ veru li bih il-President ma ddejjaqx iqieghed sebghu fuq il-ferita.

Holm Ewropew

Nghid id-dritt, mort il-Muzew tal-Arkeologija ghall-laqgha b’nofs qalb. Kien qieghed isir il-ftuh ufficjali tas-Sena Ewropea ghall-Glieda Kontra l-Faqar u l-Eskluzjoni Socjali. U tlablib dwar dan is-suggett xbajt minnu. Suppost, ghaxar snin ilu f’Lisbona l-Kunsill Ewropew (tal-UE) halef li jeqred il-faqar mill-Ewropa. U ghaxar snin wara ghadna fejn konna, jekk mhux f’pozizzjoni aghar! Issa jridu jeqriduh f’sena wahda!

Fl-2000, l-idea kienet li sa din is-sena, l-Ewropa ssir, skont huma, ‘l-aktar ekonomija kompetittiva u dinamika tad-dinja’, u dan billi, fost il-mizuri li tiehu, teqred il-qaghad u kull zvantagg iehor li jzomm lin-nies milli jiehdu sehem shih fil-hajja socjali u politika ta’ pajjizhom. Dan falla totalment. Illum, fl-Ewropa ghandek persuna wahda minn kull sitta fi stat ta’ faqar; f’Malta, ghandek persuna wahda minn kull sebgha.

Il-problema tidher li kienet li l-bicca l-kbira tal-gvernijiet Ewropej, inkluz taghna, basru li l-qaghad u l-eskluzjoni jistghu jeqirduhom b’dozi AKBAR tal-istess politika li kienu qed imexxu. Ghajr ghal xi eccezzjoni, hadd minnhom ma fittex li jikkwestjona lilu nnifsu halli jibdel dik il-politika li, fl-ahhar mill-ahhar, zied hu stess il-qaghad u l-eskluzjoni.

Messagg skomdu

Fid-diskors li ghamel fl-okkazjoni li semmejt, il-President ta’ Malta qabad il-barri minn qrunu: BNIEDEM MA JIGIX ESKLUZ GHAX IKUN FQIR, IMMA HU FQIR GHAX IKUN ESKLUZ. Bosta gvernijiet tal-Ewropa, inkluz taghna, flok ifittxu li jelimaw dawk il-mekkanizmi politici u socjali li jeskludu n-nies mill-gid tan-nazzjonijiet taghhom, ikabbru l-girja frenetika ghall-profitti, u hekk jeskludu aktar u aktar nies.

Mhuwiex minnu li aktar ma tkabbar il-gid, aktar ikollok inkluzjoni u anqas faqar. Ghax il-gid li jitkabbar, flok jixxerred fuq kulhadd, jinqasam b’rati akbar bejn l-istess nies li kienu jaghmlu profitti izghar qabel. Il-President qal tajjeb: “Il-problema tal-faqar u l-eskluzjoni socjali hija, fil-fehma tieghi, wahda ta’ gustizzja socjali”.

Dan hu l-messagg li l-gvernijiet Ewropej, inkluz taghna, ma jridux jisimghu. Iridu biss jibqghu jhaxxnu l-bwiet tal-istess nies li kapaci jiggarantixxu, askapitu ta’ haddiehor, li l-gid jibqa’ jinqasam dejjem bejniethom. B’politka bhal din, jistghu jghaddu ghaxar u ghoxrin u mitt sena ohra, ghax xorta ma jirnexxilhomx la jeqirdu l-qaghad, la l-eskluzjoni u lanqas il-faqar. Anzi, ikabbruhom.

Filosofija zbaljata

“Jekk irridu li kull individwu jirrealizza l-potenzjal kollu tieghu,” qal il-President, “l-isfidi tal-faqar u l-eskluzjoni jehtieg li jigu affrontati izjed bil-qawwa u b’aktar solidarjetà.” Mhux b’izjed qawwa u b’solidarjetà bejn il-hbieb tal-hbieb, kif qed jaghmlu l-gvernijiet Ewropej, b’taghna b’kollox. Imma, kif qal il-President, billi “npoggu fic-centru tal-istrategiji taghna l-persuna umana”.

Fi kliem iehor, qal il-President, “l-attegjament irid jinbidel”. U kif! Is-soluzzjoni tal-faqar u l-eskluzjoni, qal, hija miftuha biss ghal min “ghandu r-rieda li jaghmel l-ghazla preferenzjali tieghu favur il-fqar u dawk eskluzi socjalment”. Imma din, frankament, hi ghajta fid-dezert bhal ta’ hafna ohrajn.

Ghal min “ghandu r-rieda”, qal. Imma rieda mhemmx. Ghajr dik li tohloq gzuz ta’ taxxi indiretti u gzuz ta’ impedimenti sabiex wiehed jiehu li jmissu u li haqqu. B’filosofija bhal din, kif qal Kristu, u kif fakkar il-President, “il-foqra se ssibuhom dejjem maghkom.”

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?