Zemenu

Fil-bidu ta’ Novembru ta’ sentejn ilu (2008), kont ghamilt appell sabiex nigbor xi flus halli nghin lil wiehed zaghzugh Etjopiku, Zemenu Fetene, jistudja ghal tabib. Ghall-grazzja ta’ Alla, ir-rispons li kelli kien wiehed impressjonanti. Tul dan iz-zmien kollu, mill-ewwel appell li kont ghamilt sallum, il-generosità ta’ hafna nies ghal dan l-iskop nobbli ma naqas xejn.

Sensittività kbira

Lil Zemenu, jien inkellmu bil-mobajl u gieli nikbtu xi emails lil xulxin. Insegwi l-progress fl-istudji medici tieghu billi anki jibghatli r-rizultati li jkun kiseb fl-ezamijiet. Xi xhur ilu, bis-sahha tal-benefatturi generuzi li Alla tani, xtrajnilu leptop halli jghinu fl-istudju, u tghidx kemm ferah li, ghall-ewwel darba f’hajtu, inghata din l-ghajnuna siewja.

Dan l-ahhar, Zemenu ried jibghatli ritratt tieghu (li qieghed ingib hawnhekk) biex min ghenu bi flusu jkun jista’ jkollu xbieha tieghu. Tassew, ghan-natural ferriehi li ghandu, fir-ritratt jidher serju wisq. Imma Zemenu ftit kellu l-opportunità li jiehu ritratti f’hajtu. Dan il-gest min-naha tieghu li jibghatli ritratt apprezzajtu ferm, ghax naf li huwa parti mis-sensittività kbira li ghandu, kif ukoll mill-gratitudni li jhoss kontinwament f’qalbu ghal min jghinu minn Malta.

Ftit ilu, Zemenu kitibli email li fiha qalli hekk: “Il-holma tieghi li nkun tabib kienet ilha mieghi sa minn mindu kont tifel. Ma nafx minfejn kienet giet din l-idea, imma ma niftakar ebda zmien li fih ma kinetx f’mohhi. Jien tlift lil ommi u ’l missieri meta kont fil-hames sena tal-Primarja. Mietu b’mard li seta’ jitfieq facilment. Minn dak il-mument haduni go sptar u kienu jrabbuni hemmhekk. Temminha!? Imbaghad, ftit wara, ghall-Grazzja t’Alla, spiccajt fil-Missjoni Kattolika, fejn kien ihallas ghall-ghajxien tieghi Dun Gorg Grima ta’ Ghawdex, tal-Moviment Gesù fil-Proxxmu.

Holma li qed issehh

“Jien rajt nisa tqal imutu bil-malarja; rajt tfal zghar imutu bid-diarrhoea; ghext ma’ nies bit-TB u li kienu HIV positiv. Ta’ tifel zghir li kont, fl-isptar rajt hafna affarijiet tal-biza’. Dan kollu sahhahli l-fehma tieghi li nsir tabib.
“Jien ma rridx nara aktar minn dawn l-imwiet la fl-Etijopja u lanqas fl-Afrika! Irrid insalva l-hajjiet ta’ dawk li jinsabu fi triqthom lejn mewt zgura! Irrid insalva l-hajjiet ta’ tfal, ommijiet u zghazagh! Ma rridx nara aktar nies fl-Afrika jmutu b’mard li jista’ jitfieq facilment!

“Din hi l-holma tieghi. Imma minghajr nies bhalek kienet tibqa’ biss holma. M’ghandix fomm biex nirringrazzjak tal-ghajnuna li tajtni.
“Jien inhares ’il quddiem lejn dak il-jum li fih int u nies ohrajn ikunu kburin bl-ghajnuna li tajtu lili. Inhares ’il quddiem lejn dak il-jum li fih tisma’ b’nies hergin dahkana u b’sahhithom mill-kura tieghi.”


Generosità u gratitudni

Dan huwiex kliem li jiksirlek qalbek? Huwiex kliem li jsahhahlek il-fehma li tibqa’ tghin, imqar persuna wahda f’dinja ta’ mrar, biex jikseb id-dinjità u jkun ta’ servizz ghal haddiehor? Jiena nirringrazzja lil Alla kull hin li laqqaghni ma’ Zemenu, imma wkoll nirringrazzjah minn qalbi li tani nies li, b’generosità kbira, tawni l-possibbiltà li nibghat flus l-Etijopja lil dan il-guvni ta’ talent.

Jekk trid, inti tista’ tghin ukoll. Tista’ tibghatli cekk jew ‘money order’ f’dan l-indirizz: Kunvent tad-Dumnikani, Triq Santa Monika, Pietà PTA 3111. Jekk trid, tista’ tiddeposita flus direttament fil-kont li ftaht ghal din il-missjoni: HSBC 023-160-989-051. Nitolbok biss li tibghatli wkoll ismek u l-indirizz tieghek halli nkun nista’ nibqa’ ninformak fuq kif sejrin flusek.

Ta’ dan, f’isem Zemenu, nirringrazzjak minn qalbi.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?