Id-dmir li nitkellem (1)

Fl-ahhar kwestjoni li nqalghet bejni u bejn l-awtoritajiet religjuzi f’Malta (li mill-1992 ’l hawn ma nafx x’numru hi, ghax tlift l-ghadd), bhal drabi ohra xi whud iddiskutew lili flok wiegbu ghall-fehmiet u l-argumenti li kont qed nipprova naghmel. M’ghandniex xi nghidu, haga bhal din ma nistaghgibx biha; ilni li drajt, mhux biss in-nuqqas ta’ tolleranza, imma, aktar minn hekk, l-inkapacità ta’ xi whud li jiehdu sehem fi djalogu suriet in-nies.

Din l-inkapacità turi ruhha b’diversi modi, mhux f’din l-okkazjoni biss. Ahna l-Maltin u l-Ghawdxin ftit gejna mharrga sabiex niddjalogaw fil-veru sens tal-kelma. Nafu nargumentaw (fis-sens popolari li naghtu li din l-espressjoni), nafu niddiskutu, nafu nitghajjru, nafu nikkwestjonaw, nafu niddibattu, u l-bqija, imma ftit nafu niddjalogaw. Ir-raguni ewlenija tidher li hi li fir-realtà ahna ftit ghallmuna nisimghu lil xulxin. Ghaldaqstant, hafna mit-tahdit taghna ma’ xulxin hu aktar argumentazzjoni ‘tat-torox’ milli xi djalogu veru u proprju.

Hemm ragunijiet aktar profondi ghal dan in-nuqqas ta’ komprensjoni. Wahda minnha tista’ tkun li l-bicca l-kbira minna nibdew minn pozizzjoni ta’ certezza, minn konvinzjoni li ghandna ragun, u ghalhekk jghid x’jghid haddiehor ma jaghmilx differenza. L-attitudni bazika taghna hafna drabi hi, mhux li flimkien naslu ghas-sewwa, imma li nikkonvertu lil xulxin: “Jien korrett. Int zbaljat. Mela, int trid iccedi l-izball tieghek u tibda taqbel mieghi”. Hekk jirragunaw hafna minna.

Dan mhuwiex djalogu. Huwa krucjata. U l-krucisenjati la jisimghu lil haddiehor, la jipprovaw jifhmu lil haddiehor u lanqas jaqaghalhom f’rashom li jista’ jkun hemm il-possibbiltà li lkoll kemm ahna nistghu nifhmu l-affarijiet b’xi mod differenti milli dejjem fhimnihom.

Tiddjaloga ma jfissirx li taghmel process halli tiddeciedi x’inhu korrett jew zbaljat; jew halli tara min se jirbah jew se jitlef l-argument. Tiddjaloga mhijiex li kulhadd jintafa’ fit-trunciera tieghu jispara fuq tan-naha l-ohra. Tiddjaloga hija mixja flimkien. Hija tfittxija ma’ xulxin. Hija process ta’ smigh, koperazzjoni u ftuh.

Xi whud ma jichdulix id-dritt li naghti l-fehmiet tieghi jew niddiskuti certi temi. Li ma jaccettawx hu li naghmel dan fil-pubbliku. “Hemm forums ohra fejn tista’ taghmel dan,” jghiduli. Imma fejn huma dawn il-forums ma nafx. Nisfidahom biex isemmuli mqar forum wiehed fil-Knisja fejn dan isir.

Xi whud jghiduli wkoll (xbajt nismaghha): “In-nies komuni (bhat-trabi) tista’ titmaghhom il-halib, ghax mhux lesti biex jieklu l-laham”. Dan l-ispeci ta’ argument, apparti li hu insolenti, juri li min jghidu hu maqtugh wahda u sew mir-realtà. In-nies illum m’ghadhomx balali. Jekk xi whud ghadhom hekk, huwa ghaliex thallew hekk, imma dan ma jfissirx li ghandhom jibqghu hekk ghal dejjem. It-trabi jikbru wkoll.

Ohrajn ifakkruni u jghiduli: “Inti parti minn klabb u ghalhekk trid toqghod ghar-regoli tal-klabb li minn rajk ghazilt li tkun parti minnu. Jekk ma joghgbukx dawn ir-regoli, aqbad u itlaq”. Dan l-argument hu semplicistiku u superficjali ghall-ahhar. Min jaghmlu juri bic-car li ma jafx (jew jaghzel li jinjora), l-ewwelnett, li l-Knisja mhijiex klabb; it-tieni, x’jigifieri Knisja fis-sens l-aktar profond u sabih taghha; it-tielet, l-istorja tal-Knisja u l-izvilupp tat-taghlim taghha; u r-raba’, x’inhi d-differenza essenzjali li tezisti bejn hwejjeg duttrinali minn naha u, min-naha l-ohra, hwejjeg teologici jew filosofici.

Minn hawn tigi t-twissija li jaghmluli xi whud meta jghiduli: “Inti sacerdot, u sacerdot ma jistax jesprimi fehmiet differenti minn dawk tal-awtoritajiet ekklezjastici”. Minhabba l-implikazzjonijiet taghha, din l-oggezzjoni jixirqilha twegibha ftit aktar dettaljata milli l-ispazju t’hawnhekk jippermettili. U ghalhekk nippreferi nhalliha ghall-Hadd li gej.

JISSOKTA FIT-TIENI PARTI

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?