L-istorja sigrieta tal-Gay Maltin

Ftit tax-xhur ilu, hareg fl-Awstralja ktieb imdaqqas interessanti miktub mill-avukat Dr Joseph Chetcuti. Jismu Queer Mediterranean Memories. Il-ktieb hu xoghol ta’ ricerka kbira b’bazi dokumentarja qawwija. Bazikament, il-ktieb jittratta l-mod kif l-omosesswalità giet meqjusa fl-imghoddi gewwa l-gzejjer Maltin, u wkoll kif xi ftit jew wisq tigi meqjusa llum.

Titlu u kontenut

Difficli tittraduci ghall-Malti t-titlu tal-ktieb minhabba l-loghba fuq l-aggettiv ‘queer’. Din tista’ tfisser diversi affarijiet. Tista’ tuzaha biex tirreferi ghal xi haga stramba jew differenti mis-soltu; tista’ tuzaha biex turi li xi haga hi suspettuza; tista’ tuzaha biex tirreferi ghal xi hadd li mhux qed ihossu f’siktu; tista’ tuzaha ghal bniedem mahniex; gieli tintuza b’mod dispreggjattiv biex tirreferi ghal persuna effemminata; gieli tintuza wkoll b’mod offensiv biex tindika persuna bla sinsla; u, naturalment, tintuza wkoll biex tindika persuna omosesswali.

Dr Chetcuti juza’ dan l-aggettiv apposta biex, f’hin wiehed, aktarx jirreferi ghal dawn it-tifsiriet kollha f’salt. Infatti, il-ktieb tieghu jistharreg il-pozizzjoni tal-omosesswali f’socjetà li dejjem maqdrithom, baxxiethom, injurathom, kasbrithom … imma wkoll f’socjetà li dejjem ghexet maghhom, gawdiet il-prezenza taghhom, ghamlet tabirruhha li ma jezistux, u nqdiet bihom minghajr qatt ma stmathom ta’ persuni bl-istess dinjità ta’ haddiehor.

Il-ktieb jistharreg it-tema ewlenija tieghu minn diversi angoli, u joffri perspettiva storika ghal kull wahda minnhom. B’dan il-mod, jistharreg il-ligi Maltija (3 kapitli shah), il-postijiet fejn jingabru l-omosesswali (specjalment Strada Stretta), is-sehem tal-omosesswali fil-Karnival, l-orjentament possibbilment omosesswali ta’ xi persunaggi li generalment jigu meqjusa mod iehor (inkluz Baden-Powell, Caravaggio, Mountbatten, Newman, Agata Barbara, De Gray, Mons. De Piro, San Gorg Preca, u Mabel Strickland), il-lingwagg Malti dwar l-omosesswali, l-omosesswalità fil-letteratura Maltija, u, fl-ahharnett, it-tkabbir fir-rispett lejn l-omosesswali fil-gzejjer Maltin f’dawn l-ahhar ghoxrin sena.

Kuntest storiku

Tintebah millewwel li bicciet minn dan il-ktieb jaharqu sew. U forsi ma jistax ikun mod iehor. Ghax din hija tema importanti li qajla giet ittrattata qabel b’mod daqshekk esplicitu u wieghsa. Snin ilu, fl-1997, kien Dr Chetcuti nnifsu li xandar ktieb fuq l-istess linja: ‘Il-Ktieb Roza’. Kien dan il-ktieb li, aktarx ghall-ewwel darba, beda jifqa’ s-silenzju u l-ipokrezija li dejjem satru din it-tema. Issa, b’dan il-ktieb gdid, Dr Chetcuti kompla jaghmel dan f’aktar dettall, b’ricerka aktar estensiva u b’harsa aktar iffokata.

Bhall-Ktieb Roza, jiena nqis dan il-ktieb bhala mument sinifikanti fil-grajja socjali taghna. Il-‘battalji’ l-kbar mirhuha fl-imghoddi ghat-tkabbir ta’ socjetà aktar rispettuza lejn id-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem―jigifieri dawk tal-haddiema, tan-nisa u tal-persuni b’dizabbilitajiet―wassluna sa din il-front gdid; sa din il-‘battalja’ li, ghalkemm ghadha mhijiex mirbuha, qieghda taghmel passi siewja ’l quddiem.

Din hi ‘battalja’ krucjali fis-socjetà taghna llum. Mhux ghall-omosesswali biss, imma ghalina lkoll. Din mhijiex biss dwar l-avvanz socjali u politiku tal-omosesswali, imma aktar u aktar dwar il-kapacità taghna lkoll li nirrispettaw lil kulhadd, hu min hu, bid-dinjità u l-qima li jisthoqqlu kull bniedem.

Siwi konsiderevoli

Ghalkemm dan il-ktieb il-gdid ta’ Dr Chetcuti xi minn daqqiet ma jonqosx milli jasal ghal konkluzjoni mghaggla, jiggeneralizza zzejjed, isahhah (paradossalment) certi pregudizzji, u forsi anki jahti lill-Knisja Kattolika aktar milli jisthoqqilha, fil-qafas tas-socjetà Maltija s-siwi tieghu hu konsiderevoli. Hawnhekk ghandna sejha (u sfida) biex nimmaturaw. U jiddependi minna lkoll jekk nilqghuhiex jew le.

Minbarra li l-ktieb hu miktub b’Ingliz sabih u mexxej, u anki pprezentat b’mod li jghin il-qari tieghu, fih ukoll ghadd ta’ ritratti tabilhaqq tal-ghageb. Il-hrug ufficjali tieghu f’Malta se jsir il-Belt nhar is-Sibt li gej, fil-Gallerija Libertà tal-GWU, fil-hamsa neqsin kwart.
_____________

Ara wkoll: http://mcv.e-p.net.au/features/an-island-disguised-6096.html

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?