Monday, 7 March 2011

AD MEMORIAM STEPHEN SPITERI

Ftit aktar minn xahar ilu, fis-26 ta’ Jannar (2011), l-imsejken prigunier Stephen Spiteri nstab mejjet fic-cella tieghu f’Divizjoni XI tal-habs ta’ Kordin. Kwazi kwazi, digà kulhadd insieh. Qisu qatt ma kien xejn. Forsi anki min staqsa xi mistoqsija u baqa’ bla twegiba―fosthom, xi gurnalist―, digà nesa jistaqsi aktar u ghadda ghal affarijiet ohra aktar urgenti.

Kienet tassew tiswa daqshekk ftit il-hajja msejkna ta’ Stephen? Kienet tassew daqshekk insinifikanti l-mewt tieghu? Kien tassew hekk ckejken li jghadd minghajr ma caqlaq lil hadd?

Stephen kellu disgha u ghoxrin sena u kien mill-Fgura. Kellu tifel u xewqa kbira li jizzewweg u jifforma l-familja tieghu. Izda, b’xorti hazina, minn kmieni d-droga kienet hadet kontroll ta’ hajtu. Hekk gabet tbatija kbira lilu u lil haddiehor. F’dan l-aspett, kien bhal hafna zghazagh ohrajn li, bhal ghasfur go trabokk, ftit seta’ jilmah helsien, jekk mhux bil-mewt, mill-jasar tieghu. Mument wiehed minsi f’imghoddi mcajpar ikkundannah ghal hajja shiha f’gagga.

Ovvjament, il-habs―dik il-gidba redikola u irrazzjonali li lkoll kemm ahna ninsistu li ghandna tibqa’ tezisti―ma solvielu xejn. Anzi, bil-kontra, kompla jfannad il-hofra li Stephen kien sab ruhu fiha. Il-habs ziedlu biss jasar fuq jasar, mizerja fuq mizerja, umiljazzjoni fuq umiljazzjoni. Sempliciment gharrqu dejjem u dejjem aktar. Lilu u lil kulmin hu bhalu.

Stephen kien zaghzugh sabih li l-kruha tal-hajja kerrhitu, irrovinatu u temmitu qabel iz-zmien. Kien vittma tal-ghamla li tajna ’l din il-hajja, bil-gudizzji u l-ingustizzji taghha; hajja li qabditu go nassa li minnha ma seta’ johrog qatt rebbieh.

Izda l-mewt ta’ Stephen tikxef ftit aktar minn hekk. Qalulna li miet b’attakk ta’ qalb ikkawzat minn ilma fil-pulmun (edema pulmonari). Qalulna li ma mietx b’overdose ta’ drogi. Qalulna li kien wasal biex itemm kors ta’ metadon kontra l-vizzju tad-droga. Qalulna li ma kiex qed jiehu droga fil-habs.

Ma tridx wisq intelligenza biex tintebah li dan li qalulna ma kellux intenzjoni li jghidilna kif miet Stephen. Kellu l-intenzjoni li jghidilna li hadd fis-sistema ma kien responsabbli ghall-mewt tieghu. Kellu l-intenzjoni li jaghlaq il-ktieb biex hadd ma jifthu aktar; biex hadd ma jistaqsi; biex kollox jibqa’ ghaddej mar-rih. Bhal dejjem. Kaz maghluq.

Naturalment, irrelevanti li rari tisma’ b’xi hadd li temm kors ta’ metadon, anki wara hafna u hafna snin. Irrelevanti li min jiehu l-metadon ta’ kuljum jiehu wkoll id-droga. Irrelevanti li d-drogati jibqghu jiehdu d-droga l-habs ukoll. Irrelevanti li, mad-droga, l-bicca l-kbira tal-prigunieri jiehdu wkoll medicini ohra li joffri l-habs. Irrelevanti li fil-habs hemm rebus shih!

In-niket tieghi jigi mill-fatt li xi whud donnhom ghandhom interess qawwi li jnessu l-mewt ta’ msejken guvni li suppost kien fl-aqwa ta’ hajtu. Tnezza’ mad-dinjità f’hajtu u tnezza’ mid-dinjità anki f’mewtu. Ghala? Ghax xi hadd donnu ddecieda li Stephen ma kellux bizzejjed siwi daqs is-Sistema.

Din hi t-tip ta’ dinja li qeghdin nghixu fiha, hbieb tieghi: dinja fejn xi whud minna ma niswew xejn, fejn il-mewt vjolenti u ingusta taghhom ma ccaqlaq lanqas l-arja li kienu jokkupaw; nies dispensabbli, nies li donnu hadd m’ghandu bzonnhom, nies uzati u mormija.

Nghid ghalija, tassew inhossha tnikkitni l-heffa li biha persuna bhal Stephen Spiteri tintesa. Immagina ftit l-immensità ta’ din il-haga: persuna tmut f’cirkustanzi misterjuzi gewwa istituzzjoni pubblika li qed inhallsulha miljuni ta’ ewro biex suppost ittejjiblu hajtu! Kemm aktar bhal Stephen iridu jghaddu ghal taht it-trab qabel xi hadd jiddeciedi li jaqbad il-barri minn qrunu? Kemm?

Jien u inti nafu li t-twegiba hija: xejn! Ghax jekk tghodd zero ma’ zero jew ma’ miljun zero iehor, ir-rizultat hu dejjem wiehed: zero. Xi whud, ghas-Sistema, huma hekk: zero. Nies zvalutati. Nies bla siwi.

Izda ahna nafu wkoll li “jehtieg li s-socjetà taghna tirrifletti quddiem is-sitwazzjoni politika u ekonomika, finanzjarja u socjali, biex naraw jekk dak li bdejna minnu – il-bniedem, kull bniedem, u d-dinjità personali tieghu – huwiex jimxi mal-mixja l-ohra teknologika, finanzjarja, ekonomika u politika.” Dan mhuwiex kliemi. Huwa kliem l-Arcisqof Pawlu Cremona fil-festa tal-Indipendenza li ghaddiet.


Alla jaghtik il-mistrieh, ghaziz Stephen, u jbierek lil ibnek u ’l familja tieghek kollha. Ammen.

1 comment:

  1. Prosit Mark talli ma thallix lin nies jinsew. Nies li huma illupjjati b dak li jbellawlhom il ftit nies li huma komdi bis sitwazzjoni.

    ReplyDelete

Top posts last 30 days

Top posts ever