Is-sigriet tad-“diztaghlim”

Naghag ta' Bendu?
Sabiex nidraw inharsu lejn ir-realtajiet ta’ madwarna b’ghajnejn gusti – jigifieri b’mohh u qalb marbuta ma’ dak li hu sewwa u moralment onest – jehtigilna nidhlu f’process ta “diztaghlim”, jigifieri li nikkancellaw minn go fina dak it-taghlim imsejjes fuq ordni ta’ jasar.

X’ghallmuk?

Hafna sekli ilu, madwar tliet mitt sena qabel Kristu, il-filosfu Grieg Aristotli kellu l-lehma brillanti li mohhna kien qisu lavanja. Mat-tnissil, din il-lavanja tkun nadifa ghal kollox. Mal-medda taz-zmien, il-lavanja tibda timtela b’hafna impressjonijiet gejjin mill-ambjenti ta’ madwarna: l-ewwel fil-guf, imbaghad mis-socjetà li nitwieldu u nitrabbew fiha.

Ghall-ewwel, din il-lavanja taghna hi ghal kollox passiva. Tilqa’ l-impressjonijiet minghajr ma tkun tista’ tiqfilhom. Fi tliet kelmiet: IBELLGHULNA LI JRIDU! Li kieku twelidna l-Belgju, aktarx konna nkunu ateisti; li kieku l-Iran, Musulmani; li kienu l-Ingilterra, Protestanti; li kieku l-Grecja, Ortodossi; li kieku c-Cina, Buddisti. Inzertajna twelidna Malta; ghalhekk ahna Kattolici, ghax dak kien l-ambjent ta’ madwarna.

Il-kultura partikulari tieghek – dik il-kumplessità ta’ twemmin, principji etici u morali, drawwiet, ghajxien politiku u l-bqija – giet ghandek ghax twelidt f’post u fi zmien specifiku. Li kieku twelidt f’post iehor jew fi zmien iehor kien ikollok kultura ohra u kont tkun persuna ghal kollox differenti milli int illum.

Fost hwejjeg ohra, dan ifisser li trid tghasses u tistharreg dak li tghallimt. Certament, fih hwejjeg tajba, izda jista’ jkun li fih hwejjeg moralment dizonesti wkoll.

Taghlim in-“normalità”

Nghidu ahna, il-kultura taghna aktarx ghallmitna kif nahznu l-flus u l-gid. Ghallmitna kif din il-hazna naghmluha s-sies tas-sigurtà mentali, affettiva u materjali taghna; kif din niggarantuha bil-helsien socjali u politiku taghna; kif inkattruha bil-kisba tal-poter; kif inseddquha b’reputazzjoni tajba; kif niggarantixxu t-tkabbir taghha b’xibka ta’ hbiberiji siewja; kif inberkuha b’religjozità utilitarja; kif inharsuha b’konformizmu mahsub; kif nindokrawha bl-accettazzjoni ta’ nies civilizzati bhalna.

Dan huwa aktarx it-taghlim socjali li rcevejna. Huwa taghlim impress fuq il-“lavanja” ta’ mohhna u qalbna (ta’ ruhna, jekk trid) sabiex inkunu nies ta’ success fis-socjetà. Darrewna nagharfuh u naccettawh bhala sinjal ta’ zvilupp, ta’ maturità, ta’ responsabbiltà; bhala twemmin u agir “normali”; bhala marka ta’ civilizzazzjoni.

Izda minkejja dan kollu, hafna drabi ninjoraw ghal kollox li dan it-taghlim huwa wkoll ghamla ta’ manipulazzjoni mentali u affettiva konvenjenti. Bih sirna parti minn mekkanizmu kumpless ta’ jasar: jassar lilna, ghax geghilna nilaghbu f’loghba ta’ setgha politika u ekonomika; u jassar lil haddiehor, ghax sfrutta l-izvantaggi taghhom, warrabhom u zarmahom psikologikament.

Process u attitudni ta’ helsien

Dan il-jasar ma nehilsux minnu minghajr id-“diztaghlim”. Din il-kelma ivvintajtha jien u trid tghid l-istess bhal meta nghidu “dizuman”, “dizonest”, “dizarm”, “dizunur”, “dizarmonija”, “dizavventura” u l-bqija. Il-morfema “diz-” tindika l-oppost tal-kliem li tizdied quddiemhom. Nghidu ahna, “dizuman” tfisser it-tnehhija tal-umanità; “dizonest”, in-nuqqas tal-onestà, u hekk l-istess il-kliem l-iehor b’“diz-“ fuq quddiem.

Ghaldaqstant, “diztaghlim” nehodha li tfisser it-tnehhija ta’ certu taghlim li twekkejna bih meta ma konniex f’pozizzjoni li nirrezistuh jew li nichduh. Dan hu process u attitudni ta’ taghlim gdid. Hu PROCESS li bih “inhassru” minn fuq il-“lavanja” ta’ mohhna u qalbna taghlim ta’ jasar biex floku nimpressjonaw fuqha taghlim ta’ helsien, u hu ATTITUDNI li biha nibqghu attivament fi stat ta’ helsien.

Minn naha, il-process tad-diztaghlim hu metodu li bih nagharfu u nichdu l-istrategiji u t-tattici tal-konservatizmu, il-konformizmu, l-awtoritarjanizmu u l-paternalizmu. Min-naha l-ohra, l-attitudni tad-diztaghlim huwa qaghda mentali u affettiva li biha nibqghu l-hin kollu nitwarrbu min-nases qarrieqa tal-jasar.

Fl-ahhar mill-ahhar, id-diztaghlim ghandu jwassal sabiex, l-ewwel nett, jehles il-hsieb u r-rieda minn taghlim il-jasar. Fl-istess waqt, ghandu jrodd is-sahha lill-hsieb u r-rieda sabiex flimkien ifittxu li jibdlu l-fasliet dizordnati tal-jasar u jissiehbu ma’ dawk ta’ ohrajn halli huma wkoll ifittxu li jehilsu minn fasliet bhal dawn.

Illum, fil-jum mahtur lilu, hu s-sigriet tad-diztaghlim li l-haddiem jehtieg l-aktar.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?