Kuxjenza Socjali: X'siwi jista' jkollha (VIII)

Kien unur kbir ghalija li, tul l-ahhar hmistax-il sena, bosta vittmi tal-ingustizzji ghogobhom jaqsmu hajjithom mieghi u tawni l-pjacir li naqsam hajti maghhom. Din l-esperjenza biddlitni b’hafna modi, lili li jien parti minn dak is-sehem socjalment, polititikament, ekonomikament u religjozament vantaggjat.

Kenn u twehir

Qabel xejn, dawn-il hafna nies gheziez ghallmuni li, fil-hidma ghall-gustizzja socjali, hemm il-kenn u hemm ukoll hafna twehir. Nibda b’tal-ewwel. Il-kenn u l-farag f’hidma bhal din jigu minn zewg affarijiet ewlenin: il-fiducja li tinbena bejn nies li, ghalkemm mhumiex fl-istess dghajsa, jimxu l-istess triq flimkien; it-tieni, il-hbiberija qawwija li l-fiducja twassal ghaliha.

Il-fiducja tinbena bejn nies li jitghallmu jafdaw lil xulxin u li, fuq kollox, ma jiggudikawx lil xulxin. Il-fiducja tinbena meta l-pregudizzji jinhallu u flokhom tinbet ghera ta’ sentimenti onesti u sincieri. Minn hawn tigi l-hbiberija (jew il-“komplicità”) li, fl-ahhar mill-ahhar, tiftah il-qlub ghal dik l-imhabba li taf iddewweb id-difizi ta’ bizgha u tqajjem il-qlubija tal-bidla.

Min-naha l-ohra, it-twehir jigi mill-ostilità li ghandhom il-hila jinfexxu fih dawk li jhossuhom mhedda mill-kliem dghajjef taz-zghir u minn riglejh imrieghda meta jqum fuq tieghu. Il-vittmi ghallmuni li meta l-vantaggjat irid jissokta fl-abbuz tieghu, ma hemm ebda ligi, umana jew divina, li trazznu; imma meta l-izvantaggjat irid il-gustizzja, iqumu l-ligijiet kollha kontrih u kontra drittijietu.

It-twehir jigi wkoll mill-fatt li, filwaqt li z-zghir m’ghandux hbieb b’sahhithom fis-suq, dawk kollha li jinsabu bejnu u bejn il-kisba tad-drittijiet u d-dinjità huma kukkanja wahda.

Taghlimiet ohra

Il-vittmi tal-ingustizzji ghallmuni li min jissieheb maghhom fit-taqbid ghal drittijiethom u d-dinjità taghhom, isir mistmerr daqshom ghall-vantaggjat. Jghajruh ribell, socjalista, anti-awtoritarju, ghadu tal-istituzzjonijiet, irresponsabbli, anti-socjali, xewwiex, vjolenti, pezza kwestjoni, revoluzzjonarju, vendikattiv, inkoxjenti u l-bqija. Il-vantaggjat irid lill-izvantaggjat wahdu u zarmat; ghalhekk jobghod lil kull min jaghtih is-sahha.

Dawn in-nies ghallmuni wkoll li meta thares lejn id-dinja mill-pozizzjoni taz-zghir kollox jiehu xejra ohra. Bosta affarijiet li ghall-vantaggjat jidhru hfief, jibdew jidhru tqal, enormi u sahansitra impossibbli. Aktar minn hekk, il-hafna ligijiet – civili, ekklezjastici u divini – jidhru qishom xibka surreali li taqbad il-hut iz-zghir u tehles ’il-kbir.

Ghallmuni wkoll li l-bicca l-kbira tas-socjetà – anki jekk devota tar-religjon taghha – ghandha ftit li xejn kompassjoni u empatija maz-zghir. Ghaliha z-zghir hu ghamla ta’ bnedmin essenzjalment differenti minnha u, sakemm tiggarrab hi stess, ma tobsor qatt li c-cirkustanzi tieghu jistghu jkunu taghha wkoll.

Fuq kollox, ghallmuni li d-dinja hi ta’ kulhadd u li Alla jinsab bil-benna tal-grazzja tieghu jghix maz-zghir u d-dghajjef izda mhux mal-kbar u ma’ min hu b’sahhtu.

Moghdijiet

Jekk trid tahdem ghall-gustizzja socjali, l-ewwel u qabel kollox fittex liz-zghir u hallih jaghmillek l-unur li jqisek habib/a tieghu. Huma dawn (u dawn biss) li jistghu jghallmuk timxi t-triq tal-gustizzja socjali. Hallik minn dawk il-filantropi li jaghtu l-elemozina, li jahdmu mal-vittmi tal-ingustizzji, li jaghtu kura lill-vittmi, li jiddefendu l-vittmi jew li jippriedkaw il-gustizzja. Ghalkemm dawn jistghu jkunu nies tabilhaqq tajbin u jaghmlu sagrificcji kbar ghall-vittmi, aktarx ma jistghux jghallmuk xi tfisser hidma ghall-gustizzja socjali.

Huma l-fqar, l-imwarrbin, iz-zghar, l-eskluzi, l-oppressi, l-imgarrba, l-imwarrba, il-minoritajiet, l-imjassra, l-izvantaggjati, il-vulnerabbli, l-istmerrija, l-emarginati, il-maghkusa, l-immaqdra, id-de-pussessjati, dawk li huma bla lehen, id-disprezzati, dawk li m’ghandhomx setgha, il-bniewa bla art, il-protetarjat, il-klassi l-baxxa, il-haddiema f’xoghol prekarju – fi ftit kliem: dawk li l-istrutturi socjali, politici, ekonomici u religjuzi tefghu fil-qiegh tal-iskala socjali – li jistghu jghallmuk xi tfisser gustizzja socjali.

Mill-bqija, dak li huwa vantaggjat socjalment, politikament, ekonomikament u religjozament tista’ ma tharisx lejh, ghax ma jista’ jghallmek xejn jekk mhux il-konservazzjoni u l-kontinwazzjoni tal-istrutturi ingusti.

Il-“fqar” se ssibhom dejjem mieghek – issibhom f’kull familja, f’kull komunità, fuq kull lant tax-xoghol, fost il-girien, f’kull istituzzjoni … fittixhom; sibhom; hobbhom billi taghtihom widen; afda maghhom; wassalhom biex iqisuk differenti minn dawk kollha li jitfghuhom l-ahhar; aghtihom l-istess importanza li tinghata lill-aqwa onorabbli fis-socjetà. Imbaghad titghallem minghandhom li ‘kulma ghamiltu mal-izghar fost dawn huti, ghamiltuh mieghi’.

TMIEM

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?