Il-Milied ta’ Zemenu

Wahdu f’wiehed mill-miljuni ta’ rkejjen zdingati ta’ Addis Abeba, il-kapitali tal-Etjopja, il-kmajra ckejkna u fqajra qajla tikxef il-kobor tat-tama u l-fidi li jzomm go qalbu z-zghazugh li jghammar fiha. L-erba’ hitan li jdawruh kwazi kwazi jaghafsu fuqu bhal morsa. Izda ghajnejh ghandhom il-hila msahhra li jaraw lil hinn minnhom. Huma ghajnejn li jafu d-dmugh, jafu t-tbatija, izda li issa jafu jitbissmu wkoll.

Dan iz-zaghzugh tawwali u rqajjaq ghandu isem stramb. Zemenu. Sa ftit snin ilu, id-destin tieghu kien bhal ta’ miljuni ta’ zghazagh ohrajn Etjopici li jghixu ftit snin―hamsa u ghoxrin; tletin l-aktar―biex imbaghad ininu qajla qajl u jintemmu qasir l-ghomor, mifnija mill-faqar u l-mard. Bhal taghhom, xortih kienet li ismu jintesa ghal kollox bhallikieku qatt ma kien.

Izda Zemenu rnexxielu jirbah ghalih innifsu destin gdid. Messitu xorti ohra. Issa jaf li hajtu tista’ tkun itwal, ferm itwal, minn dik li qatt seta’ jobsor ftit tas-snin ilu. Sahhtu seta’ issa jistrieh fuqha ferm aktar milli qatt seta’ jittama fl-imghoddi. Issa qieghed jahseb kif inhu l-ahjar li jghix. Qabel kien jahseb kif inhu l-ahjar li jmut.

Wisq xbihat imdendla mal-hitan sfajra ma tantx ghandu. Hemm kalendarju Etjopiku kurjuz – li l-bidu tieghu hu l-11 ta’ Settembru (u mhux l-1 ta’ Jannar), u li ghandu tlettax-il xahar (u mhux tnax), kollu stampat b’dak l-alfabet sabih u zeffieni tal-Amhariku, l-ilsien semitiku tal-Etjopici. Hemm ukoll xbieha ta’ Gesù tal-Hniena Divina, li lejh dan iz-zaghzugh, bir-ragun, ghandu devozzjoni qawwija. Mill-bqija, ebda xbieha ohra.

Imdendlin ’il hawn u ’il hinn, ma’ msiemer ghajjiena u qodma, ghandu l-ftit hwejjeg li jbiddel bihom. Huma hwejjeg li ma jiswewx wisq. Izda li ghalih huma d-dinja. Ghax jaghtuh il-‘lussu’ li jzomm ruhu dejjem pulit u nadif. Fost dawn il-hwejjeg hemm ukoll il-gagaga bajda li jilbes fil-laboratorji ta’ fejn jistudja. Din wahedha hija xhieda tal-istat gdid tieghu.

Il-kmajra ghamara m’ghandhiex. Hemm sodda f’rokna. Izda l-bqija tal-affarijiet joqoghdu fl-art, fuq xi pagni mlewna minn revisti jew gazzetti. Fost dawn l-affarijiet hemm il-mehtieg ghat-tisjir tal-kafè, li ghandu nicca specjali fil-hajja ta’ kull Etjopiku.

Zemenu jistudja fuq is-sodda qisu qieghed jitlob magenbha. U tabilhaqq, l-istudju tieghu hu bhal talba li titla’ lil Alla b’radd ta’ hajr ghal min jghinu minn Malta biex ikompli l-kors ta’ tabib li qabad. Li kieku ma kinux ghal dawn il-flus li regolarment jaghtuh in-nifs, kieku l-holm kollu tieghu u t-tamiet kollha tieghu kienu jinhallu fix-xejn. Seta’ jittama ghax kellu spalla fuqhiex jistrieh. Ghax Alla hanin.

Il-gratitudni ta’ Zemenu tista’ taraha wkoll f’dik ir-rokna li fiha qieghed xbieha tat-twelid ta’ Sidna. Hija r-rokna specjali li tfakkar it-twelid u l-ghajxien tat-tama u tal-fidwa. Dik ir-rokna tixhed il-Milied ta’ Zemenu: fqir, minghajr familja, jghix kif jista’ ... izda fl-istess hin hieni minn gewwa, kuntent minn barra, mohhu fl-istudju m’habba l-gid li jrid jaghmel lil min, f’eluf taghhom, qieghed imut b’mard li jista’ jitfieq facilment.

Jien iltqajt ma’ Zemenu tliet snin ilu meta fortunatament zort l-Etjopja. F’dak iz-zmien, kien qed jghinu finanzjarjament it-twajjeb Dun Gorg Grima ta’ Ghawdex. Wara, bdejt nghinu jien – bil-flus li nigbor minn hawn u minn hemm m’ghand benefatturi generuzi – halli jistudja u jwettaq ix-xewqa kbira tieghu li jsir tabib. Ghadni nghidu sallum. Nafdah ghax dejjem mexa ta’ ragel mieghi u nemmen fid-dedikazzjoni u l-generozità li ghandu.

Zemenu jixtieq isir tabib ghax, minhabba mard semplici, ra l-mewt ta’ ommu u ta’ hafna gzuz ta’ nies ohrajn, kwazi kollha trabi u zghazagh. Hu kien imur maghhom li kieku ma kienx ghall-ghajnuna ta’ Dun Gorg Grima, tal-patrijiet Frangiskani li hadu hsiebu u tal-ftit flus li nibghatlu jien kull ftit gimghat.

Dan hu l-Milied ta’ Zemenu: Milied ta’ gratitudni; Milied ta’ tama; Milied ta’ fidwa.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?