AD MEMORIAM: Peter Serracino Inglott (1936-2012)

Ma niftakarx meta ltqajt ma’ Father Peter l-ewwel darba. Aktarx kien mat-tletin sena ilu. Ta’ adolexxent, fl-1980 kont dhalt il-kunvent, u nahseb li kien f’dan iz-zmien li bdejt nisma’ dwaru u niltaqa’ mieghu. Ma jidhirlix li kont nafu qabel. Ftit snin wara, fl-1984, sirt student tieghu u, minn dak iz-zmien ’il quddiem, l-aktar minhabba kif kienu zviluppaw ic-cirkustanzi, bqajna qrib hafna sallum.

Telfa iebsa

Ir-relazzjoni taghna nbidlet mal-moghdija taz-zmien. Immaturat, bla dubju ta’ xejn, imma wkoll saret dejjem aktar profonda u personali. Minn relazzjoni ta’ ghalliem u student, sirna kollaboraturi; konna imghallem u dixxiplu; konna ghalliema flimkien; konna hbieb; konna konfessuri ta’ xulxin; konna shab; u spiccajna sa konfidanti ta’ xulxin.

X’kien jara fija ma nafx. Naf x’kont nara fih: mhux biss bniedem ta’ intelligenza superjuri ferm, bniedem ta’ kultura bla qjies u bniedem ta’ gherf rari, imma wkoll―proprju ghax kien dan kollu―ragel ta’ umiltà impressjonanti, ta’ rispett altruwista u egalitarju kwazi skonvolgenti u, fuq kollox, ta’ onestà intellettwali harxa ghalkemm meqjusa.

Illum it-tifkira tieghi ta’ dan il-bniedem uniku (aktar milli rari) hija prezzjuza. It-telfa tieghu hi bhal meta wiehed jitlef certa serhan il-mohh; bhal meta wiehed jirrealizza li m’ghadx ghandu aktar il-possibbiltà li jdur ghal kelma gharfa u ta’ min joqghod fuqha, moghtija b’awtorità morali gholja.

Tmiem li hu bidu

Issa li l-ezistenza dinjija ta’ Father Peter ghaddiet, u maghha ghaddiet ukoll l-ahhar tislima li hafna nies bix-xieraq hassew li kellhom jaghtuh, jibda l-aktar xoghol difficli u delikat: il-harsien tal-wirt tieghu. Ghal dan huwa mehtieg mohh attent daqskemm biered, mizmum ’il boghod minn kwalunkwe gbid partitarju jew ilwien passjonali. Huwa mehtieg, fuq kollox, korrettezza storika u integrità intelletwali.

Father Peter ma jintemmx. Mhux billi nibdluh f’ikona. Lanqas billi nirromanticizzawh. Ma jintemmx ghax naghmluha possibbli li―bil-merti, l-ambigwitajiet u l-limitazzjonijiet kollha tieghu―jibqa’ kapaci jiddjaloga maghna, imerina u mmeruh, izda fuq kollox billi naghmluha possibbli li jibqa’ jinbixna bi hsiebu.

Sabiex dan xi darba jsehh, qabel xejn jehtieg xoghol ta’ kompilazzjoni jew gabra tax-xogholijiet kollha tieghu (li l-bicca l-kbira taghhom ghadhom imferrxin). Imbaghad jehtieg li, wara studju xieraq, issir analizi sistematika tal-kontenut taghhom (li Father Peter qatt m’ghamel). Wara dan, il-filosofija ta’ Father Peter tkun tista’ tkompli tigi mistharrga bil-hsieb ewlieni li tigi ssuperata.

Tama fil-gejjieni

Bhalma ghal hafna snin―bejn wiehed u l-iehor, mill-1963 sa l-2012; jigifieri ghal kwazi 50 sena shah―Father Peter kien katalist u stimolu ta’ hafna inizzjattivi, hekk issa jista’ jibqa’ jwettaq dan ir-rwol siewi, specjalment mal-filosfi Maltin, u partikularment dawk zghazagh. Mhux biex johnoq b’xi mod hsibijiethom, izda, kif dejjem ghamel tul hajtu, sabiex jghinhom isibu lsienhom, iqajmu rixhom u jhaddmu gwenhajhom.

Bhal Father Peter―li mieghu tkellimt kemm-il darba dwar dan―, jien nemmen li l-filosofija, mhux biss ghandha gejjieni sabih f’pajjizna, li kieku biss irridu naghtuhulha (ghall-anqas f’termini ta’ zvilupp u tkabbir), imma wkoll ghandha―anki fl-ispirtu tieghu stess―sehem siewi x’taghti lis-socjetà taghna. Wara kollox, mhijiex forsi l-filosofija dixxiplina intellettwali ta’ servizz?

F’pajjizna, biex din id-dixxiplina tkun tabilhaqq ta’ servizz aktar milli kienet s’issa―ghall-anqas fuq livell aktar kollettiv ta’ filosfi, u mhux sempliciment fuq livell individwali―ghad fadal hafna u hafna xoghol xi jsir. Jista’ jkun li r-rieda politika ghad m’ghandhiex gheruq imfannda bizzejjed ghal dan (u certament Father Peter seta’ ghen hafna aktar f’dan ir-rigward). Madanakollu, il-qiegha ghas-sisien diga’ thejjiet. L-ezempju, il-personalità u l-istatura ta’ Father Peter, bhalma kkontribwiet fl-imghoddi, zgur li se tghin fil-gejjieni.

Lill-Filosofija, Father Peter kisbilha hafna gieh fil-gzejjer Maltin. Din il-hazna se tkun wiehed mill-assi ewlenin f’kull tfassil li jista’ jsir ghall-gejjieni.

Mill-bqija, kelma wahda biss ghandi jien ghal Father Peter, u nghidha mill-qiegh ta’ qalbi: GRAZZI!

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?