Li tirbah il-Gustizzja

Isla - 17 ta' Frar tal-2012

Il-lejla qegħdin inġeddu dak li nebbaħ ġrajjiet ta’ ħamsin sena ilu.
Qegħdin inġeddu l-istess xewqa,
l-istess tama,
l-istess ħolma,
l-istess rieda
li Mintoff u ħafna oħrajn kellhom f’qalbhom ħames għexieren ta’ snin ilu.
Kienet ix-xewqa,
it-tama,
il-ħolma,
ir-rieda
għall-ġustizzja soċjali;
ix-xewqa, it-tama, il-ħolma, ir-rieda li ma jkun qatt aktar fil-gżejjer Maltin
min jgħaffeġ fuq ħaddieħor,
li ma jkun qatt aktar fostna
min jagħmilha impossibbli għal xi wħud li jgħixu suriet in-nies;
li ma jkun qatt aktar f’Malta u Għawdex
min jiddetta kif wieħed għandu jgħix;
min jippreżumi x’għamla ta’ ħajja wieħed għandu jkollu;
min jikkmanda x’għandhom ikunu l-għażliet personali li ħaddieħor jista’ u ma jistax jagħmel.
Din kienet l-għajta għall-ġustizzja soċjali;
l-istess għajta li qegħdin inġeddu l-lejla.
Le, lanqas illum
ħadd m’għandu jgħaffeġ fuq ħadd,
ħadd m’għandu jagħmilha impossibbli li lkoll ngħixu suriet in-nies;
ħadd m’għandu jiddetta kif wieħed irid jgħix;
ħadd m’għandu jippreżumi x’għamla ta’ ħajja għandna nagħżlu li ngħixu;
ħadd m’għandu jikkmanda l-għażliet personali ta’ kull wieħed u waħda minna.
Tabilħaqq, rajna ħafna ma’ wiċċna, bħala poplu, tul dawn il-ħamsin sena.
Rajna u, filwaqt li naħfru, ma ninsewx.
Ma ninsewx mhux biex inżommu f’qalbna
iżda biex inħarsu l-ġejjieni.
Għax xi wħud mill-istess sentimenti,
xi wħud mill-istess attitudnijiet,
xi wħud mill-istess kapriċċi,
xi wħud mill-istess kilbiet,
li rreżistew il-bidliet soċjali ħamsin sena ilu
għadhom magħna sallum.
Mhux bid-deher, kif kienu f’dak iż-żmien,
iżda bil-moħbi,
bi strateġiji aktar kumplessi,
b’tattiċi aktar fini,
bi kliem aktar meqjus.
Illum ma jindaqqux qniepen,
ma jsaffrux sfafar,
ma jinbarrawx toroq;
ma jinħarġux bullettini;
ma jheddux bl-infern;
ma jxandrux interdetti;
ma jżewwġux f’sagristiji;
ma jidfnu ‘l ħadd f’miżbliet.
Illum jitkellmu dwar demokrazija,
jitkellmu dwar tolleranza,
jitkellmu dwar libertà,
jitkellmu dwar id-dritt tal-għażla,
jitkellmu dwar ir-rispett tal-individwu,
jitkellmu dwar l-ugwaljanza,
jitkellmu dwar kemm inħobbuna.
Iżda jirreżistu xorta waħda l-ġustizzja soċjali:
ħelu ħelu,
fin fin,
kawt kawt,
biż-żegħil.
Iva, il-lejla nġeddu dak li nebbaħ ġrajjiet ta’ ħamsin sena ilu
għax ix-xewqa ta’ Mintoff―u ta’ nies bħal Dimech qablu―tinsab mhedda.
Tinsab mhedda t-tama,
tinsab mhedda l-ħolma,
tinsab mhedda r-rieda,
li ssaltan il-ġustizzja soċjali għal kulħadd.

Taħsbux, ħbieb tiegħi,
li kien l-Arċisqof Gonzi biss li ħadha kontra Mintoff.
L-Arċisqof Gonzi―u dan kien żball ikrah―serva ta’ paljett għal ħafna nies oħrajn
li ħdew idhom,
li għattew wiċċhom,
li nsatru taħt l-umbrella tiegħu.
Mhux Nazzjonalisti biss;
Mhux ta’ Ganado biss;
Mhux ta’ Pellegrini biss;
Mhux ta’ Mabel Strickland biss;
Mhux il-biċċa l-kbira tal-kleru biss.
Iżda wkoll nies fi ħdan il-General Workers Union nnifisha.
Iżda aktarx ukoll nies fl-istess Partit Laburista.
Iżda wkoll uħud mill-istess nies li kienu mgħaffġa mill-inġustizzja.
Huwa faċli li nweħħlu biss fl-Arċisqof Gonzi
―faċli u sempliċistiku
(‘reduttiv’ insejħulu fil-filosofija)―
U jkun ukoll żball.
Il-ġunta kontra l-bidla għall-ġustizzja soċjali u r-rebħa tagħha
kienet akbar, ferm akbar, milli xi wħud jaħsbu.
Ġabret fiha lil kulmin kien qawwi;
lil kulmin kien komdu;
lil kulmin kien paxxut;
lil kulmin kellu s-sistema soċjali u politika tiffavurih;
lil kulmin kien ta’ vantaġġ għalih
li jkun hawn min jibqa’ bla leħen,
li jkun hawn min jibqa’ dipendenti,
li jkun hawn min jibqa’ minn taħt,
li jkun hawn min jibqa’ kkalpestat,
li jkun hawn min jibqa’ jaqlagħha u jikolha.
Din il-ġunta għadha ma spiċċatx sallum.
U tibqa’ ma tispiċċax.
Tibqa’ ma tispiċċax sakemm il-flus jibqgħu jagħmu lin-nies.
Tibqa’ ma tispiċċax sakemm il-kilba għall-profitti u s-super-profitti tibqa’ taħkem il-qlub.
Tibqa’ ma tispiċċax sakemm l-ispekulazzjoni ma tiqafx.
Tibqa’ ma tispiċċax sakemm l-isfruttament taż-żgħir ma tintemmx.
Tibqa’ ma tispiċċax sakemm fil-partiti jibqa’ jkun hemm il-karrieristi.
Tibqa’ ma tispiċċax sakemm fil-Knisja jibqa’ jkun hemm min jaqdi s-setgħa aktar milli jisma’ minn Alla.
Tibqa’ ma tispiċċax sakemm in-nies fil-gvern―f’kull gvern―jibqgħu jagħmulha ta’ sidiet u mhux ta’ qaddejja.
Tibqa’ ma tispiċċax sakemm kull wieħed u waħda minna
ma niddeċidux darba għal dejjem
li naqdu lill-ġustizzja aktar milli naqdu lill-interessi tagħna nfusna;
li naqdu lill-ġustizzja aktar milli naqdu lis-setgħa;
li naqdu lill-ġustizzja aktar milli naqdu lill-flus;
li naqdu lill-ġustizzja aktar milli naqdu lill-partit.
Il-ġlieda tagħna, ħbieb tiegħi,
m’hijiex kontra nies tad-demm u l-laħam,
―la tal-imgħoddi u lanqas tallum―
imma kontra s-setgħat,
kontra l-qawwiet,
kontra l-prinċpijiet ta’ din id-dinja,
kontra l-ispirti ħżiena li hemm jgħammru fil-qalb tal-bniedem.

Jien il-lejla,
―u nittama li intom kollha; kull wieħed u kull waħda minnkom―
bħal Dimech mitt sena ilu,
bħal Mintoff ħamsin sena ilu,
donnu qiegħed nisma’ lil min jgħidli
―u jalla nibqgħu nisimgħuh għal dejjem―:
“Jien kont bil-ġuħ u tmajtuni,
kont bil-għatx u sqejtuni,
kont barrani u lqajtuni,
kont għeri u libbistuni,
kont marid u ġejtu tarawni,
kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.
Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti,
għamiltuh miegħi wkoll.”

Ħbieb tiegħi,
ejjew il-lejla
inqawwu x-xewqa,
inkattru t-tama,
inġeddu l-ħolma,
insaħħu r-rieda ...
mhux li titlef jew tirbaħ il-Knisja;
mhux li jitilfu jew jirbħu n-Nazzjonalisti;
mhux li jirbaħ jew jitlef Mintoff;
mhux li jirbħu jew jitlfu l-Laburisti ...
Imma li tirbaħ biss
u tirbaħ dejjem
il-ĠUSTIZZJA.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?