Sunday, 8 April 2012

'Dear Dom' - Film superficjali, banali u insolenti

Il-film ta’ Pierre Ellul, DEAR DOM (cinimatografija ta’ Paul u John Preca Trapani), huwa pprezentat bhala ittra miftuha lill-Perit Dom Mintoff; ittra ta’ Malti li, minkejja li ma jidhirx li ghex il-hamsin sena tal-karriera politika ta’ Mintoff, ghallanqas interessa ruhu li jfittex dwarha. Gest ammirevoli fih innifsu. Izda r-rizultat ahhari ta’ dan l-isforz apprezzabbli huwa wiehed superficjali, banali u, fl-ahhar mill-ahhar, profondament insolenti. L-aghar haga – u l-aktar inkwetanti – hi li, bhalma nobsor, il-produtturi jidhru li huma genwinament konvinti li ghamlu bicca xoghol tajba.

Superficjali

Ebda rakkont tal-grajja storika ma tista’ qatt tkun nieqsa mill-interpretazzjoni suggettiva ta’ min jghidha. Dan huwa minn ewl id-dinja. Izda dan il-film f’ebda hin ma jaghti l-icken hjiel li tassew jaghraf il-kumplessità bla qjies li minnha hi maghmula kull storja. Dak li sehh, mhux biss seta', imma fil-fatt kellu, hafna u hafna kawzi jahdmu flimkien f’hin wiehed. Il-film superficjalment jinjora dan, u jipprezenta l-grajja storika bhallikieku kienet ghemil ta’ bniedem wiehed li donnu qed jagixxi wahdu. Ftit tista’ tkun redikolu aktar minn hekk.

Terga’ u tghid, jipprezentaha bhala hidma ta’ bniedem li mhuwiex, fih innifsu, kumpless hafna. Il-film superficjalment jipprezumi li jaf lil Mintoff bl-gheruq u x-xniexel. Aghar minn hekk, jipprezumi li Mintoff huwa bhal xi ktieb tat-tfal miftuh berah. F’ebda hin ma jipprova jindika l-kumplessità tal-personalità li kellu jew imqar juri li ghandu xi hjiel ta’ apprezzament tal-hadma psikologika tieghu.

Barra minn hekk, il-film juri li, wara l-isforz kollu li eccellentement ghamlu, il-produtturi mizerjament naqsu milli jirrealizzaw l-essenza ta’ x’kien hemm tabilhaqq involut tul il-grajja kollha li jirrakkontaw. Is-superficjalità taghhom ma tirrigwardax biss il-figura storika ta’ Mintoff, ghax dan forsi kien ikun perdonabbli, izda tirrigwarda l-istess dinamika socjali Maltija u l-bidliet profondi li Mintoff irnexxielu jwettaq go fiha. Il-film imkien ma jindika li mqar beda jifhem ir-relazzjonijiet ta’ setgha li jsawru kull socjetà, specjalment wahda ckejkna bhal taghna mgeddsa fuq nitfa ta’ gzira.


Banali

Ikolli nghid li r-rizultat kumplessiv tad-dokumentarju huwa xjentifikament parodija tad-dixxiplina storika. Fi kliem iehor, jispicca biex jibbanalizza d-densità enormi tal-grajjiet u jinjora r-rigorozità li jitlob dokumentarju storiku. Nifhem perfettament li produzzjoni mahsuba ghall-konsum pubbliku jehtigilha tkun semplici kemm jista’ jkun. Izda ebda produttur serju ma qatt juza dan bi skuza ghall-banalità.

Fost dawk li gew maghzula arbitrarjament ghall-intervisti li juri l-film, huwa Lino Spiteri biss li jsalva l-produzzjoni mill-qiegh ta’ banalità totali. Huwa l-uniku wiehed li jipprova jaghti hjiel tar-razzjonalità tal-grajja; razzjonalità, ghandi nghid, li l-film pozittivament jikkontradixxi. Effettivament, dan iwassalni biex nikkonkludi li nqisu zball serju ta’ Spiteri li, waqt li nippreferi nassumi li ma ssanzjonax il-prodott finali, halla lilu nnifsu jigi abbuzat b’dan il-mod.

Mill-bqija, l-intervisti l-ohra – imhallta ma’ ‘clips’ ta’ Mintoff li huma kronologikament (u, forsi, malizzjozament) mahrugin mill-kuntest taghhom – huma tant puwerili, semplicistici u provincjali li ma setghux jaghtu kontribut aqwa ghat-trivjalità u l-frivolezza generali li biha l-film jghid ir-rakkont tieghu.

Insolenti

Inkonxjenzjozament, il-film igezwer il-karriera kollha ta’ Mintoff f’kelma wahda: vendikazzjoni! Din hija l-epitomija tas-superficjalità u l-banalità tal-produzzjoni; indikazzjoni cara li, anki jekk b’mod genwin, il-produtturi ma fehmu assolutament xejn. Ghajb ghal min suppost serva ta’ konsulent ghall-materjal storiku tal-film! Niddubita serjament kemm kienet intellettwalment jew ghallanqas akkademikament profonda din il-konsulenza.

Tgezwira bhal din hi insolenti. Mhux biss ghall-kuxjenza kollettiva u individwali ta’ eluf ta’ nies, izda fuq kollox ghall-maturità politika li suppost ghandhom il-Maltin u l-Ghawdxin kollha. Ghax meta tirriduci t-tigrib ta’ poplu shih fuq medda ta’ nofs seklu ghal semplici platitudni frivola u prozajka, dan li tkun qieghed taghmel: tinsolenta. Profondament.

Ghal din ir-raguni, aktarx hu ghalhekk li m’ghandix ghalfejn nistaghgeb li, skont is-sit elettroniku tal-film, il-Ministru tal-Kultura, l-Onorevoli Mario DeMarco, iddeskriva l-film bhala ‘eccellenti’. Wisq anqas ghandi nistaghgeb li l-Kelliem Ewlieni tal-Oppozizzjoni ghall-Kultura, l-Onorevoli Owen Bonnici, qal li dan hu ‘film importanti li hadd m’ghandu jonqos milli jara’.

Nghid ghalija, naghli ghall-mewt li paxxejt lil min ghamel il-qliegh mill-flus li nfaqt biex rajtu u wisq aktar mis-saghtejn prezzjuzi li hlejt biex naghtih attenzjoni halli nikteb dawn l-erba’ kelmiet.

No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever