Il-bqija tal-‘Bastjan-Borgijiet’

L-istituzzjonijiet il-kbar joqtluk u jghadduha franka. Specjalment jekk int wiehed jew wahda mic-cittadini z-zghar. Jghaddu minn fuqek, imbaghad jghattu xturhom. Anzi, jghattu xtur xulxin. Johlom min jahsbu li l-istituzzjonijiet taghna jipprotegu liz-zghir. Jipprotegu biss lilhom infushom u lil min jaghmilha tac-cittadin il-kbir. Ahna c-cittadini z-zghir qabda ‘Bastjan-Borgijiet’ li ghalihom ma nghoddux karlin.

Konkluzjoni mhux emmnuta

Lejn tmiem ix-xahar ta’ April li ghadda, Franco Debono ghamel mistoqsija parlamentari li fiha staqsa lill-Ministru tal-Gustizzja, Chris Said, x’kien sar minnha l-inkjesta li suppost kienet qed taghmel il-Magistrat (illum Imhallef) Padovani Grima dwar il-qtil tal-imsejken Bastjan Borg fil-11 ta’ Mejju ta’ hames snin qabel (2007). Innota: hames snin!

Ma kinetx ghadha lesta, wiegeb l-Onor. Ministru. Imma mbaghad, Alla jbierek, anqas minn gimghatejn biss wara ... kienet lesta. Abrakatabra! Dak li ma sarx f’hames snin sar f’gimgha u ftit. U r-rizultat? Ghageb tal-ghagbiet, il-pulizija ma kellhom htija ta’ xejn. Fil-fatt, l-Imhallef sempliciment irrepetiet kelma b’kelma dak li kien digà qal il-Kummissarju tal-Pulizija, John Rizzo, l-ghada tal-qtil tal-imsejken Bastjan: il-pulizija agixxew b’difiza legittima.

Izda l-Imhallef stess uriet li din il-konkluzjoni la hija minnha u lanqas ma hi stess temminha. Ghala? Ghaliex fl-istess rapport taghha l-Imhallef ghamlet ghadd ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ kif suppost saru l-affarijiet dak in-nhar u kif ghandhom isiru f’okkazjonijiet simili. Mela mhux minnu li kollox sar kif suppost. Mhux minnu li l-qtil tal-imsejken Bastjan kien inevitabbli, kif qalet hi stess.

Taparsi inkjesta

Minkejja dan, il-familja tal-imsejken Bastjan ghandhom ihossuhom ixxurtjati: ghall-anqas l-inkjesta fl-ahhar inghalqet, anki jekk wara hames snin u wara hafna imbuttaturi. Hafna familji ohrajn ma jistghux ihossuhom l-istess, minkejja li l-kaz ta’ xi whud minnhom ilu li sehh hafna snin qabel dak tal-imsejken Bastjan. Il-verità hi li l-protetturi tal-poplu nsewhom bhalma―nghiduha kif inhi―kienu nsew dik tal-imsejken Bastjan.

Ghandu jkun, dawn il-protetturi tal-poplu hasbuna cwielaq; iridu jbellghulna r-ross bil-labra. Veru li ahna cittadini zghar u insinifikanti―xejn ahjar f’ghajnejhom mill-imsejken Bastjan―imma m’ahniex idjoti. Ghajnejna f’wiccna qeghdin. Nafu lkoll nghoddu sal-ghaxra.

Din it-taparsi inkjesta―li, ghal ragunijiet li fissirt drabi ohra, fiducja fiha m’ghandix―turini ghal darba ohra li l-bosta ‘Bastjan Borgijiet’ li jezistu fil-pajjiz huma maqbudin f’sistema ta’ klijentilizmu istituzzjonali li teskludihom mill-protezzjoni li l-hafna dikjarazzjonijiet u konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem suppost jaghtuhom.

Ghalkemm l-istituzzjonijiet il-kbar m’ghadx ghandhom organizzazzjoni centrali bhalma kellhom fi zmien l-imghoddi, jidher li ghad ghandhom ideologija unitarja li ddommhom flimkien f’egemonija (hakma) borgeza li tqis lic-cittadin iz-zghir bhala dispensabbli meta inutli ghall-interessi u l-iskopijiet taghha.

Primattività insostenibbli

Jien m’iniex qieghed nghid li, f’dak li tragikament sehh fil-11 ta’ Mejju tal-2007, ma kellux elementi ta’ difiza legittima (anki jekk ma nemmetti b’xejn li kien hemm proporzjon jew professjonalità min-naha tal-qattiel/a tal-imsejken Bastjan Borg). Li qieghed nghid hu li l-mod kif l-istituzzjonijiet il-kbar ghadhom jinghaqdu u jikkollaboraw flimkien biex, bhal f’kukkanja, jizfnu fuq l-inkapacità tac-cittadin iz-zghir li jiddefendi lilu nnifsu kontrihom ma jixraqx lil pajjiz li jridha ta’ modern u civilizzat.

Il-primittività ta’ qaghda bhal din titkellem wehidha biex twissina li s-supremezija tal-individwu―hekk kif filosofikament evokata minn nofs is-seklu 19 lil hawn u mhaddna minn pajjizi zviluppati―mhux biss ghadha ma qabditx gheruq istituzzjonali fostna, imma li zgur mhumiex se jkunu dawn l-istituzzjonijiet li jqabbduhomlha.

L-gheruq ghad jaqbdu, bla dubju, ghax din il-qaghda primittiva mhijiex sostenibbli. Meta ma nafx. Izda zgur li l-imsejkna ‘Bastjan Borgijiet’ tal-lum u ta’ ghada mhumiex se jibqghu ghal dejjem ta’ dejjem maqtula ghalxejn jew bhallikieku xejn. L-istituzzjonijiet assoluti mhumiex se jibqghu jpappuha ghal dejjem.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?