In dicendi mortuus



B’ilsienna din l-espressjoni tfisser: “Il-mejtin jitkellmu”. Wiehed jista’ jahseb li din qajla tigri ghajr, forsi, ma’ dawk li jemmnu fil-‘clairvoyance’. Izda fil-fatt tigri hafna aktar ta’ spiss: il-kittieba u l-artisti l-imghoddija, fost ohrajn, jibqghu jitkellmu wara mewthom bl-opri taghhom. Izda xi whud ohra wkoll, anki jekk ma jkunux f’din il-kategorija. Bhal Nicholas Azzopardi, nghidu ahna. Demmu, bhal dak ta’ Abel, jibqa’ jghajjat mill-art. U l-Mulej jibqa’ jistaqsi lill-qattiel tieghu: ‘X’inhu dak li ghamilt?’

Demm jghajjat

Il-kaz tal-imsejken Nicholas Azzopardi imur lura ghal April tal-2008, erba’ snin ilu, u xi ftit jew wisq baqa’ ghaddej sal-gimgha li ghaddiet, bir-rizenja tal-Ministru Karm Mifsud Bonnici (ara l-kaxxa bis-‘saga’ ta’ Azzopardi aktar 'l isfel). U l-istorja, terga’ u tghid, ghadha ma spiccatx.

Izda ma spiccatx mhux ghax l-awtoritajiet ikkoncernati hadu hsieb izommuha hajja. Le. Ma spiccatx ghax il-familja ta’ Azzopardi baqghet tinsisti u tinsisti, kwazi wahedha kontra l-forzi kollha fl-awtorità, sabiex ikun hemm gheluq xieraq ghall-mewt tal-imsejken qarib taghhom.

Hekk l-istorja baqghet hajja erba’ snin u ghadha ma gietx maghluqa. Sadattant, l-awtoritajiet koncernati ghamlu minn kollox, inkluz mal-Kunsill tal-Ewropa, sabiex jostru u sahansitra jfixklu kemm jistghu li tohrog saflahhar il-verità tal-fatti.

L-allegazzjonijiet

F’dan il-kaz (li jista’ jkun tipiku), il-magna istituzzjonali―inkluz il-Korp tal-Pulizija, il-Magistratura u l-Gvern―jidher li hadmet kontra l-gustizzja b’mod konxju u deliberat. Cittadini privati, minghajr rizorsi u kwazi minghajr appogg ta’ xejn, kellhom bilfors jitqabdu kontra l-qilla tal-irwiefen u l-mewg ta’ kontrihom meta kien imissu sabu l-ghajnuna kollha istituzzjonali.

Dak li qed jigi allegat f’dan il-kaz huwa tremendement importanti u gravi ghal kulhadd. Ghax dak li gara lil Nicholas Azzopardi u l-familja tieghu jista’ jigri lil kulhadd, u bhalhom kulhadd jista’ jsib lilu nnifsu f’nofs bahar imqalleb minghajr imqar tibna biex jaqbad maghha.

L-allegazzjoni li qieghda ssir hija din: li Nicholas Azzopardi miet kazwa diretta tas-swat li qala’ minn xi pulizija fid-Depot u talli mbaghad inxtehet minn fuq sur baxx ghal isfel fid-Depot stess taparsi ghamel suwicidju. Jekk allegazzjoni bhal din mhijiex serja hafna, allura ma nafx x’inhu serju.

Cahdiet sostenuti

L-awtoritajiet mill-bidu cahdu din l-allegazzjoni u baqghu jichduha konsistentement ghal dawn l-ahhar erba’ snin shah. Anzi, aktar minn hekk ghamlu. Taw ic-cahda taghhom is-sahha ta’ xejn anqas minn TLIET inkjesti indipendenti minn xulxin, tnejn minnhom Magisterjali.

Huwa mill-aktar car li f’dan il-kaz ic-cittadin privat bhali, bhalek u bhall-familja tieghek mhux talli ma gietx difiz izda talli gie miggieled. Sadattant, il-pulizija li kien jew kienu ssusspettati li setghu ghamlu r-reat ikrah zammew posthom u setghu anki gew promossi fil-Korp.

Din mhijiex storja tas-sebghinijiet jew tat-tmeninijiet. Hija storja ta’ erba’ snin biss ilu, li l-awtoritajiet koncernati ghalih―barra Dr. Carm Mifsud Bonnici, naturalment―ghadhom kollha fl-ufficcji taghhom igawdu l-istima tan-nazzjon. Huwa car li dak li gara lil Nicholas Azzopardi u l-familja tieghu ghadu jista’ jigri llum lili, lilek u lill-familja tieghek.

Mistoqsijiet

Jekk l-oghla istituzzjonijiet tal-pajjiz mhumiex kapaci jiddefendu cittadin privat fl-ingustizzji li jgarrab, allura min jista’ jaghmlu dan? Tinsiex li lanqas il-Kummissjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Kontra t-Tortura ma rnexxielha ggieghel lill-Gvern―f’dan il-kaz, Dr. Karm Mifsud Bonnici―milli jiehu l-passi mehtiega sabiex tintradd gustizzja.

F’sitwazzjoni bhal din, wiehed ma jistax ma jistaqsix x’tip ta’ istituzzjonijiet ghandna biex jiddefenduna jew, aktar minn hekk, x’tip ta’ demokrazija ghandna biex nghixu fiha.
__________________________________________ 


Min irid jara video-clip ta’ l-imsejken Nicholas Azzopardi jaghti x-xhieda tieghu qabel ma miet, jista’ jaccessa l-YouTube f’dan l-indirizz: http://www.youtube.com/watch?v=oDIy0ayI2N0(b’kortesija tal-maltatoday)

__________________________________________

Is-saga ta’ Nicholas Azzopardi

2008

8 ta’ April tal-2008
• Nicholas Azzopardi (38 sena) imur id-Depot tal-Pulizija fuq allegazzjonijiet maghmula mill-pulizija li kien mess it-tifla tieghu
• Imur mal-pulizija ghal tfittxija fid-dar tieghu; jitregga’ lura d-Depot
• Jittiehed Mater Dei b’ugigh f’sidru; jitregga’ lura d-Depot
9 ta’ April tal-2008
• Nicholas jerga’ jittiehed Mater Dei b’ugigh f’sidru; lura d-Depot
• Jigi interrogat u allegatament imsawwat minn xi pulizija
• Jinhareg fil-parkegg tad-Depot biex issir tfittxija fil-karozza privata tieghu
• Jinstab f’koma taht sur baxx magenb il-parkegg; jittiehed Mater Dei
9–18 ta’ April tal-2008
• Nicholas jibqa’ f’koma
18 ta’ April tal-2008
• Nicholas johrog mill-koma; jallega li gie msawwat mill-pulizija fid-Depot
22 ta’ April tal-2008
• Nicholas jittiehed l-ITU
• Il-Qorti tqabbad lill-Magistrat Antonio Vella jibda inkjesta; jinterroga lil Nicholas, li jishaq fuq l-allegazzjoni ta’ swat
• Nicholas Azzopardi jmut (11.15 P.M.)
23 ta’ April tal-2008
• Il-Pulizija tibda inkjesta interna mmexxija mill-Assistent Kummissarju Manwel Cassar (li ma tirrizulta f’ebda riperkussjonijiet fuq hadd)
27 ta’ April tal-2008
• Il-Pulizija jichdu li Nicholas issawwat minn xi pulizija fid-Depot
29 ta’ April tal-2008
• Il-Ministru Karm Mifsud Bonnici jqabbad lill-Magistrat Emeritu Albert Manchè imexxi inkjesta ohra parallela ghal tal-Magistrat Vella
31 ta’ April tal-2008
• Il-Kamra tal-Avukati tikkritika l-Ministru Karm Mifsud Bonnici talli fetah zewg inkjesti paralleli fuq l-istess kaz
1 ta’ Mejju tal-2008
• Il-Pulizija jsostnu li l-pulizija ‘ippruvaw isalvaw’ lil Nicholas milli jaghmel suwicidju
20 ta’ Mejju tal-2008
• Missier Nicholas jiltaqa’ mal-Kummissjoni tal-Kunsill tal-Ewropa kontra t-Tortura (CPT)
12 ta’ Awwissu tal-2008
• Il-Gvern ixandar ir-rizultat tal-‘Inkjesta Vella’: Il-pulizija jinhelsu minn kull akkuza
21 ta’ Awwissu tal-2008
• Il-Gvern ixandar ir-rizultat tal-‘Inkjesta Manchè’: Il-pulizija jinhelsu minn kull akkuza
22 ta’ Dicembru tal-2008
• Is-CPT tal-Kunsill tal-Ewropa tixhet dubju serju fuq il-mod kif saru u r-rizultati tat-tliet inkjesti li kienu saru; titlob lill-Gvern jirrimedja

2009

3 ta’ Lulju tal-2009
• Il-Ministru Karm Mifsud Bonnici jichad mas-CPT li sar xi haga hazina fil-kaz ta’ Nicholas; isostni li m’hemm ghalfejn isiru ebda rimedji

2009-2012

Lulju 2009–Marzu 2012 (tliet snin)
• Il-Ministru Karm Mifsud Bonnici ma jiehu ebda passi ohra fil-kaz ta’ Nicholas

2012

15 ta’ Marzu tal-2012
• Wiehed mill-pulizija issuspettati bis-swat ta’ Nicholas, Adrain Lia, jigi arrestat fuq serq ta’ ghaxriet ta’ eluf ta’ ewros mill-Pulizija stess fuq medda ta’ hames snin
• Isiru pressjonijiet godda biex terga’ tinfetah inkjesta indipendenti tal-kaz
20 ta’ Marzu tal-2012
• Il-Ministru Karm Mifsud Bonnici jichad li ghandha tinfetah inkjesta gdida
24 ta’ Marzu tal-2012
• Il-Kummissarju tal-Pulizija jitlob lill-Avukat Generali jiftah inkjesta gdida
28 ta’ Marzu tal-2012
• L-Avukat Generali jaccetta li tinfetah inkjesta gdida immexxija mill-istess Magistrat ta’ qabel, Antonio Vella
30 ta’ Mejju tal-2012
• Il-Parlament japprova vot ta’ sfiducja fil-Ministru Karm Mifsud Bonnici minhabba, fost affarijiet ohra, il-mod kif ittratta l-kaz ta’ Nicholas; Mifsud Bonnici jirrizenza minn Ministru

Ara wkoll: 'Lawrence Gonzi u Nicholas Azzopardi' ta' Frans Ghirxi (It-Torca, 24 ta' Gunju, 2012, p. 11).

Comments

  1. Jien m'ghandi ebda fiducja fil-Magistrat Vella. Bir-rispett kollu imma dak ghalija joker mhux magistrat. Kwazi lil kulhadd jillibera Alla jbierek! Anke l-izjed kazijiet li jkunu ovvji...Haga tal-iskantament imma Kull min jersaq quddiemu ,jinzerta innocenti,x'kumbinazzjonijiet hux! Povru hu min jinzerta l-kaz tieghu f'idejh, ghax oqghod zgur li favur l-imputat jaqtaghha!

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?