In-namra tal-filosofija

Ftit tal-jiem ilu, shabi u jien organizzajna laqgha ta’ diskussjoni mal-Professur Joe Friggieri. Kienet dwar il-filosofija u l-politika. Id-diskussjoni li saret kienet interessanti hafna. Il-laqgha saret il-Belt f’ambjent rilassat, u fiha ha sehem ghadd imdaqqas ta’ nies. Il-laqgha kienet l-ewwel wahda minn serje ta’ laqghat li qeghdin naghmlu b’rihet fondazzjoni gdida li waqqafna bl-isem PHILOSOPHY SHARING.

Skopijiet

Din il-fondazzjoni bdiet tezisti f’Mejju li ghadda. Waqqfuha ftit nies li jemmnu li l-filosofija tista’ taghti sehem siewi fil-hajja tal-individwi daqskemm fil-hajja socjali u politika. Ghalhekk holqu din l-ghaqda ghall-qsim tal-ideat, ghat-tishih tad-dixxiplina filosofika u ghat-titjib tas-socjetà.

L-iskopijiet ewlenin tal-fondazzjoni l-gdida huma li ggib flimkien lill-filosfi Maltin, tiffacilita d-diskussjoni tal-ideat taghhom u tinkuraggihom fix-xoghol taghhom; li tippromovi l-istharrig filosofiku; li jsir qsim ta’ ideat filosofici mal-pubbliku Malti; u li tassisti d-dokumentazzjoni, il-gabra, il-hazna u l-accessibbiltà tax-xoghlijiet tal-filosfi Maltin.

Barra minn hekk, il-fondazzjoni trid li tferrex it-taghrif dwar il-filosfi Maltin, kif ukoll dwar ix-xoghlijiet u l-ideat taghhom; li tghin fil-participazzjoni tal-filosfi Maltin f’dibattiti pubblici; u li tmexxi ’l quddiem l-gharfien u t-taghlim dwar il-filosofija b’mod generali.

L-attivitajiet tal-fondazzjoni huma miftuhin ghal kulmin jaf jew jixtieq isir jaf aktar dwar il-filosofija. Huma miftuha wkoll ghal kulmin ihobb jisma’ u jaqsam argumenti li jaghmlu sens u fihom is-sugu.


X’inhi l-filosofija?

Bhal hafna ohrajn, int tista’ qisek tibza’ mill-filosofija. Forsi tqisha xi haga tas-super-intelligenti biss. Minghajr ma twarrab lil dawn, naturalment, il-filosofija hija mod kemm jista’ jkun dixxiplinat jew organizzat ta’ kif wiehed jew wahda jahsbu dwar il-hajja taghhom u ta’ bnedmin ohrajn. Xoghol ewlieni tal-filosofija huwa li tistharreg sew il-hwejjeg li ahna hafna drabi nzommu bhala certi.

Il-metodu li bih il-filosofija taghmel dan huwa billi tuza argumenti msejsin biss fuq ir-raguni umana. Dan ifisser li argumenti religjuzi, nghidu ahna, jew dawn imnebbhin mis-sentiment ma jistghux jidhlu fil-process tar-ragunar taghha.

L-argumenti li kapaci ggib il-filosofija hafna drabi taqsamhom ma’ haddiehor. Dan id-djalogu jsir sabiex bniedem iqieghed ir-ragunar tieghu ghall-istharrig ta’ haddiehor. Hekk, flimkien, jinbena hsieb li jkun kemm jista’ jkun imsoffi minn interpretazzjonijiet personali jew ta’ natura suggettiva biss.


Sabiex tissieheb

Il-fondazzjoni PHILOSOPHY SHARING hija miftuha ghal kulhadd. Sabiex tissieheb fiha mhuwiex mehtieg li tkun studjajt il-filosofija professonalment jew taf hafna dwarha. Dan jista’ jghin, ovvjament, imma mhuwiex xi kundizzjoni sabiex inti wkoll issir membru tal-fondazzoni u tiehu sehem fl-attivitajiet taghha.

L-importanti hu li inti tkun thobb tisma’ u tiddiskuti. Il-laqghat u d-diskussjonijiet kollha li se torganizza l-fondazzjoni se jkunu ta’ livelli differenti sabiex fihom ikun jista’ jiehu sehem kulhadd. Il-hsieb generali hu li dawk li jissiehbu jew jiehdu sehem jitharrgu fid-dixxiplina ta’ hsiebhom u jizviluppaw sens kritiku lejn dak li jahsbu huma jew haddiehor.

Sabiex tissieheb tista’ tikteb f’dawn l-indirizzi: info@philosophysharing.org jew 129, Triq San Pawl, Valletta VLT 1216. Is-shubija hija ta’ €10 biss.

Il-laqgha li jmiss tal-fondazzjoni se ssir il-Gimgha, 20 ta’ Lulju, 2012, f’Luciano Restaurant, Valletta (hdejn il-Kon-katidral ta’ San Gwann). F’din il-laqgha informali ghall-ahhar, se niltaqghu ma’ Dr. Alfred Sant, u nitkellmu dwar il-krizi tal-ewro. L-attività tibda fis-7.00 u tispicca ghat-8.30 ta’ filghaxija.

M’hemmx ghalfejn tkun digà membru tal-fondazzjoni sabiex tiehu sehem fil-laqgha. Ghaldaqstant, merhba bik!

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?