Il-qtil ta’ Mamadou u l-idolatrija

Gurnalist staqsa: Li kieku l-mibki Mamadou Kamara ma giex maqtul, konna nkunu nafu bis-swat tas-suldati Maltin minn wara l-kwinti? Ovvjament, it-twegiba implikata hija ‘le’. Izda din hi biss mistoqsija tipika ta’ xi hadd komdu li jrid jisma’ li jrid; ta’ persuna li, bhal hafna ohrajn, thobb biss il-giggifogi. Is-sinjali ta’ xi jsir minn wara l-kwinti mill-forzi tal-ordni kienu u huma hafna. Izda jismaghhom biss min irid; min ghalih it-tragedja ta’ haddiehor ma tmisslux il-kumdità u l-idolatrija tieghu.

Ebda konversjoni

L-Erbgha li ghadda gustament sar marc sieket bi protesta ghall-mewt oxxena tal-mibki Mamadou Kamara minn idejn membri tal-forzi tal-ordni nazzjonali. Kien marc li talab it-tixjin tar-razzizmu (ghalkemm ir-razzizmu ma jixxejjinx bil-marci, siekta u mhux; wisq anqas bl-istqarrijiet ufficjali). Aktar minn hekk (u b’mod aktar sensat), il-marc talab ukoll ghar-‘revizjoni’ tas-sistema f’pajjizna tad-detenzjoni tar-refugati.

Ghalxejn nippriedkaw kontra din is-sistema (u min jaf xi haga dwarha, bhali, jaf x’inhu jghid), ghax min ma jridx jisma’ u jara jibqa’ xorta wahda ma jismax u ma jarax. Mhux minhabba r-razzizmu. Izda minhabba l-kumdità u l-idolatrija li jghixu bihom il-bicca l-kbira minna; minhabba r-religjosità hawlija li hafna minna nawwarna ruhna biha.

Ma nqatilx Suleiman Abubaker fl-1999? Ma nqatilx Osama Al Shzliaoy aktar kmieni din is-sena? Ma nkixfux kazijiet oxxeni ta’ maltrattament fil-kampijiet ta’ detenzjoni? Ma hambaqx il-Kunsill tal-Ewropa kontra l-kampijiet ghal darba, darbtejn, tlieta? Mhux kollox kif kien baqa’?

U kollox kif kien jibqa’. Ghax fejn m’hemmx konversjoni ma jista’ jkun hemm qatt bidla ta’ agir.

Sinjali ta’ xejn

Sewwa li sar il-marc sieket, bhalma, wara kollox, saru ohrajn qablu u, sfortunatament, ikollhom isiru ohrajn warajh. ‘Sewwa’ ghax il-messagg li mhux kulhadd jaqbel mal-hekk imsejha awtoritajiet taghna li jissoktaw b’din is-sistema bla sens ta’ detenzjoni, irid jibqa’ jasal. Izda m’ghandniex ikollna mwiet u oxxenitajiet biex nibdlu dak li evidentement hu hazin.

Ma kienx hemm imwiet ohra ghalxejn? Ghala kellu jmut Carlos Chetcuti gewwa l-habs fl-1990? Ghala kellu jmut John Bugeja fil-habs ukoll fl-2003? Ghala kellu jmut Stephen Spiteri fil-habs is-sena li ghaddiet? Ghala kellu jmut Bastjan Borg minn idejn il-pulizija fl-2007? Ghala kellu jmut Nicholas Azzopardi minn idejn il-pulizija wkoll fl-2008? Mhux kollha mwiet bla sens kienu dawn? Mhux kollha mibkijin ghadhom dawn il-vittmi sal-lum?

Dawn kienu sinjali cari bizzejjed biex juruna x’inhu jigri minn wara l-kwinti. Izda kienu sinjali ta’ xejn, bhalma se tkun ukoll sinjal ta’ xejn il-mewt bla sens tal-mibki Mamadou Kamara. Ghax ir-religjosità tal-kumdità u l-aljenazzjoni tibqa’ ma ccedix is-sisien idolatri taghha.

Idolatrija imfamja

L-idolatrija mhijiex li ma temmix f’Alla. L-idolatrija hi li temmen f’alla falz. Il-Bibbja kollha, mill-bidu sal-ahhar, ma titkellem QATT dwar il-fidi u l-ateizmu; titkellem BISS dwar il-fidi u l-idolatrija; dwar Alla l-veru u alla l-falz (jew l-allat il-foloz). L-ateizmu hu hafna drabi twemmin b’principji u valuri umanistici. L-idolatrija le. L-idolatrija hi twemmin li m’ghandha ebda rabta bejn il-fidi, il-hniena u l-gustizzja; hija twemmin bla mhabba.

Hi IDOLATRIJA, xejn anqas, meta quddiem l-isfregji li jibqghu jsiru kontinwament u istituzzjonalment fl-oqsma tal-forza tal-ordni, il-qrati u l-habs―b’dannu bla qjies ghal eluf ta’ nies u familji bla lehen u bla forza―il-bicca l-kbira tal-poplu ta’ professjoni religjuza jibqa’ qisu ma hu qed isir assolutament xejn u jibqa’ jimla’ s-sena kollha bix-xejniet u l-aljenazzjonijiet li jehda bihom.

Din hi idolatrija imfamja. Ittollerata daqs il-vjolenza istituzzjonalizzata mohbija. Wahda ssostni u tmantni lill-ohra. X’irid ikun biex din it-tragedja tintemm?

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?