Taqlib politiku u tigdid

L-oligarkiji li jahkmu l-partit konservattiv f’pajjizna bdew bil-generazzjoni li qelbitha lil Borg Olivier. Dawn hakmu l-politika Maltija ta’ dawn l-ahhar tletin sena u, b’eccezzjoni wahda (dik ta’ Censu Tabone), aktarx m’humiex se jmajnaw wisq bit-taqlib li nqala’ dan l-ahhar, anki jekk it-taqlib, fl-ahhar mill-ahhar, inqala’ b’reazzjoni ghall-hakma taghhom.

Minn dan it-taqlib qed naraw ghall-anqas haga wahda: li l-ghamla ta’ politika li dawn l-oligarkiji wettqu f’dawn l-ahhar tletin sena, specjalment minn wara l-kwinti, qatt ma kien hawn bhalha qabel. L-intensità u s-sofistikazzjoni tas-semm u l-hruxija taghha la Mintoff ma qatt kellu minnhom u wisq anqas Borg Olivier, Karmenu Mifsud Bonnici jew Alfred Sant. Kienet politika minghajr precedenti.

Il-qiegh

Il-bicca l-kbira tal-midja konservattiva, partikularment dik stampata, tinsab tgorr li, b’dak li qieghed isehh, il-politika Maltija lahqet il-qiegh. Dan qieghda tghiduh, aktarx, ghax xirfu fil-berah tliet dissidenti minn hdan kamp li tradizzjonalment dejjem zamm wicc integru, quddiem il-pubbliku Malti, anki jekk hafna drabi sfiq.

L-ilment ewlieni taghha, jekk tinnota, mhuwiex ghal dak li qieghed isir izda aktar ghall-ghamla li bih qed isir. Dan hu lment tipikament konservattiv li l-faccata ta’ rispettabbiltà, ukoll jekk falza, lest li jissagrifika kollox ghaliha, inkluz is-sewwa u t-tigdid.

Ghaldaqstant, dan iz-zmien imqalleb fil-kamp konservattiv, hu aktar eccezzjoni milli r-regola. Fl-ahhar mill-ahhar, wara l-elezzjoni li jmiss, issir meta ssir, it-taqlib aktar se jzid ir-rieda li dak li momentarjament intilef jerga’ jinkiseb mill-gdid b’mod aqwa. Fi kliem iehor, l-avvenimenti ta’ issa se jkunu kontra-producenti: flok se jwettqu dak li jridu, se jsahhu dak li ma jridux. L-oligarkiji se jifthu aktar saqajhom u jdeffsu riglejhom aktar fil-fond.


Id-dissens

Min-naha l-ohra, bhalissa l-partit liberali ghandu l-qlugh tieghu mimli bir-rih ta’ haddiehor, l-istess kif kellu l-kamp oppost ghoxrin sena ilu, fil-bidu tas-snin tmenin. L-hemm li zar lil dan tal-ahhar b’hilet dik l-anomalija jista’ jkun l-istess sehem li jmiss lil tal-ewwel jekk ma jharisx sewwa ghaliha. Meta l-oppozitur tieghek jinsab fl-art mhux necessarjament ifisser li int oghla minnu ghax tinsab bil-wieqfa; tista’ tkun gharkobbtejk.

Il-qlugh tieghek imlihom b’rihek. Donnu Joseph Muscat hekk qed jipprova jaghmel. Hu aktar ghaqli milli z-zoghzija u l-inesperjenza tieghu jissuggerixxu. Minkejja dan, waqt li oligarkiji fil-kamp liberali ma jezistux (u fortunatament qatt m’ezistew), xorta wahda aktarx jehtieg li l-partit johrog ahjar ghad-dawl u jfisser b’mod car x’mekkanizmi interni ghandu u lest li jhaddem sabiex jiffacilita d-dissens u jassorbih fis-sistema b’mod kostruttiv.

Id-dissens mhuwiex hazin. Izda kull istituzzjoni qawwija, bhalma huma l-partiti politici ewlenin, sakemm ma tibzax minnu, ghandha tohloq fi hdan l-operat intern taghha suriet formali ta’ kif tiffacilitah u thallih jaghti sehmu ghat-tigdid. Issa huwa l-waqt xieraq―meta n-nies qed jithassbu dwar in-natura istituzzjonali tal-partiti u dwar l-affidabbiltà taghhom―li l-liberali jxandru minn fuq il-bjut li dak li gie mgieghel li jsehh fil-partit oppost b’tant ugigh ta’ ras ma jistax isehh fih fi zmien hames, ghaxar jew ghoxrin sena ohra.

It-tigdid

It-tigdid kostanti huwa mehtieg. Hafna drabi jigri li, ghalkemm dan jistqarru kulhadd, mhux kulhadd jaghmlu possibbli. Anzi, spiss jintesa, specjalment meta wiehed ikollu r-rih mill-poppa. Dan iwassal biss ghal saram u hemm ikrah, bhalma qeghdin naraw, u bhalma lkoll kemm ahna nafu tant tajjeb, ghall-anqas mill-esperjenza ta’ haddiehor.

Anki jekk mhux se tkun facli, forsi issa qieghda ssir xi ftit jew wisq inevitabbli li t-tmexxija legislattiva u amministrattiva tal-pajjiz tinbidel ma ddumx. Izda b’daqshekk ma jfissirx li f’radda ta’ salib ix-xaghari se jinbidel f’genna tal-art. Wara kollox, mhuwiex dan l-aktar essenzjali.

L-aktar essenzjali hu li l-akbar istituzzjonijiet politici taghna la jkunu mahkuma minn klikek maghluqa fihom infushom u lanqas ma jeqirdu minn fosthom il-possibiltà kostanti tat-tigdid. Jekk ma jsehhilhomx jaghmlu dan, allura jkunu biss qaddejja taghhom infushom u mhux taghna lkoll. F’kaz bhal dan, ahjar minghajrhom milli bihom.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?