Wednesday, 29 August 2012

Mintoff: Helsien u Hobz

Il-hsieb, il-hidma u l-personalità ta’ Mintoff se jibqghu jigu studjati u mistharrga, aktarx b’ghamla ferm ahjar milli qatt nistghu naghmlu ahna llum, mill-anqas ghal mitt sena ohra. Mhux biss minhabba l-importanza kbira tieghu fl-istorja recenti ta’ pajjizna, imma wkoll minhabba l-profondità tal-impatt li kellu fuq kull aspett tal-hajja socjali, ekonomika u politika tal-poplu Malti. Din id-densità ma tistax tigi mkejla fuq perjodu qasir ta’ zmien, bhalma jkollna naghmlu ahna llum, imma fuq medda twila storika. Dan aktarx ikunu jistghu jaghmluh ahjar minna dawk ta’ warajna, anki bil-beneficju ta’ dokumenti li llum ma jistax ikollna f’idejna u wkoll bil-gabra shiha tad-diskorsi u l-kitbiet ta’ Mintoff li llum m’ghandniex f’idejna.

Li nistghu naghmlu ahna huwa li naqbdu xi hjiel tal-mod kif kien jahseb u tal-mod ta’ kif kien jahdem. Effettivament, f’dan ghandna vantagg fuq dawk li ghad jigu warajna. Ghax, bil-maqlub taghhom, bosta minna―ibda minni, fortunatament―lil Mintoff konna nafuh personalment, hdima mieghu fi zminijiet diversi tal-karriera twila tieghu, rajnih attiv f’cirkustanzi differenti u esperjenzajnih jahdem ‘in prima persona’. Ix-xhieda taghna hi ghaziza ghalina u prezzjuza ghall-generazzjonijiet gejjiena

Personalment, meta nqis dak kollu li naf dwar Mintoff u dak kollu li ghext mieghu, nasal biex nghid, fi ftit kliem, li kien bniedem ta’ umanità bla qjies, bit-tajjeb u l-hazin kollu li din tinkludi u timplika. Din l-umanità naraha li espremiha l-aktar b’zewg suriet ewlenin: fil-hidma tieghu halli tintradd id-dinjità lill-bniedem li ma kellux, u fir-ristrutturazzjoni ta’ sistema socjali, ekonomika u politika li kienet ingusta b’mod fundamentali. Hija umanità li bdiet mit-toroq dojoq ta’ Bormla u kompliet tikber fil-partit ta’ Boffa, fl-università, f’Oxford u tul il-hajja pubblika tieghu fl-gharfien li kull bniedem, hu min hu, ghandu l-jedd jghix fis-sliem u kuntent.

F’Mintoff din l-umanità sabet qafas ideologiku partikulari: dak socjalista. Is-socjalizmu tieghu―imdakkar l-aktar mill-filosofija Fabjanista Ingliz tas-snin 40―la kien ghal kollox Marxista u lanqas ghal kollox Bakuninista. Storikament, dawk kienu zewg suriet ta’ socjalizmu prevalenti fl-ewwel nofs tas-seklu 20 u li f’xi xejriet taghhom kienu jeskludu lil xulxin. It-tnejn kienu jishqu fuq l-emancipazzjoni tal-haddiem. Izda, biex nghiduha fi ftit kliem, filwaqt li s-socjalizmu Marxista kien jippromwovi l-hakma totali tal-Istat fuq l-individwu, dak ta’ Bakunin kien jipprowovi l-hakma totali tal-individwu fuq l-Istat (u, ghalhekk, anki l-qerda tal-Istat fih innifsu).

L-ideologija socjalista ta’ Mintoff kienet tigi xi haga fin-nofs ta’ dawn iz-zewg pozizzjonijiet estremi. Kienet temmen fil-moviment popolari li jinstiga l-bidla socjali (bhalma ried Bakunin), imma wkoll li l-Istat ikun dejjem fil-kontroll tas-sitwazzjoni (bhalma ried Marx). Is-socjalizmu ta’ Mintoff nistghu nsejhu “Idealizmu liberali”. Kien ‘ideali’ ghax kien ihaddan sens ta’ progress, jigifieri l-kuncett ta’ haga li tibni fuq ohra; u kien ‘liberali’ ghax mhux biss kellu aspett socjali qawwi (mibdi minn Boffa) imma wkoll ghax il-progess kien mifhum bhala mixja 'il quddiem lejn vizjoni (u mhux lura lejn xi stat ideali fil-passat).

Din il-vizjoni kienet thaddan fiha l-holqien ta’ stat gdid―socjali, ekonomiku, politiku u kostituzzjonali―ghall-Maltin. Filwaqt li l-ghajta tal-bicca l-kbira tas-socjalisti fi zmien it-thejjija intelletwali ta’ Mintoff kienet “hobz u helsien”, l-ghajta ewlenija ta’ Mintoff nistghu nghidu li kienet “helsien u hobz”. Dan ghaliex ghalih il-helsien kien jigi l-ewwel. Il-helsien kien bhal kundizzjoni essenzjali ghall-kisba ta’ kundizzjonijiet materjali li jiggarantixxu l-hobz (jigifieri l-bzonnijiet bazici ta’ ghajxien) ghal kulhadd.

Ghal Mintoff, il-helsien kellu mill-anqas erba’ xejriet. Qabel xejn, kien hemm il-helsien minn mentalità distruttiva, oskurantista, dipressiva u servili (kemm socjali, kemm politika u l-aktar religjuza). It-tieni, kien hemm il-helsien minn strutturi socjali u politici inkapacitattivi (li jrazznu jew icahhdu lil xi whud―izda mhux ohrajn―milli jikbru, iwettqu l-kapacitajiet taghhom, jghixu bid-dinjità u jkunu ferhana). It-tielet, kien hemm il-helsien ekonomiku (permezz tal-industrijalizzazzjoni ta’ Malta). Fl-ahhar kien hemm il-helsien kostituzzjonali (Malta Indipendenti u Repubblika).

Dawn l-ideali, Mintoff lahaqhom ilkoll. Naturalment, kif jaf kulhadd, mhux minghajr tbatija kbira minhabba l-oppozizzjoni feroci tal-konservattivi u r-reazzjonarji u tal-bicca l-kbira tal-kleru. Huma l-ideali li ggarantew il-hobz ta’ kuljum ghall-mases u li ghal dejjem bidlu Malta mill-qiegh.

F’din il-hidma kbira u storika, Mintoff wera sens qawwi ta’ umanità, l-aktar fuq tliet livelli. L-ewwel nett, b’sensibbiltà kbira ghall-karattri, l-umuri, it-thejjijiet u l-intenzjonijiet tan-nies. It-tieni, b’sens esigenti ta’ dmir – tieghu nnifsu daqskemm ta’ haddiehor. It-tielet, b’rieda qawwija ghal binja ta’ sistema gusta ta’ distribuzzjoni tal-gid nazzjonali.

It-Torca, suppliment, 26 ta' Awwissu 2012, pp. 33-34.

No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever