Rapprezentanti

Kemm jien u kemm int ghandna diversi nies li jghidu li jirrapprezentawna. Fil-kaz tieghek ma nafx; imma fil-kaz tieghi nista’ nghidlek li jien lil hadd minn dawn ma tajt l-awtorizzazzjoni biex jirrapprezentani mkien u f’xejn. Forsi int personalment ivvutajt ghal xi hadd biex jirrapprezentak ― u ghalhekk ma tistax tghid li m’awtorizzajt lil hadd biex jaghmel dan; izda jien dan m’ghamiltux, f’ebda kaz u f’ebda cirkustanza. Ghaldaqstant, ma nahsibx li xi hadd ghandu l-icken jedd li jipprezumi li jista’ jirrapprezentani mkien u f’xi haga.

Tivvota jew le

Is-sistema rapprezentattiva saret in-norma ta’ dak li jissejjah il-process demokratiku. Anki jekk int ma tkun ghazilt u vvutajt ghal hadd biex jirrapprezentak, xorta wahda ssib li min jigi elett f’xi elezzjoni jghid li jirrapprezenta lilek ukoll. Hekk, jitkellem u jiehu decizjonijiet f’ismek.

Ukoll jekk int tkun parti minn minoranza li, bid-dikjarar, ma tkunx ivvutajt ghal persuna jew ohra li giet eletta, jew ghal xi partit li jirbah l-elezzjoni. Min jigi elett xorta wahda jghid li jirrapprezentak.

Int tista’ tkun ivvutajt direttament ghal xi hadd, u tista’ wkoll tkun ivvutajt ghalih b’mod indirett, billi tkun ivvutajt ghal xi hadd li mbaghad jivvota ghal haddiehor f’ismek. Fiz-zewg kazijiet, int tkun ghazilt li xi hadd jirrapprezentak u li jitkellem u jiehu decizjonijiet minflokok.

Izda jekk dan int ma tkunx ghamiltu―la direttament u lanqas indirettament―is-sistema rapprezentattiva tghaddi minn fuq id-decizjoni tieghek u xorta wahda taghti d-dritt lil min jigi elett sabiex joqghod jippoza, jithaddet u jiddeciedi minflokok u f’ismek.

Permess illimitat

Is-sistema taghmilha possibbli li bniedem elett (anki minghajr is-sehem dirett jew indirett tieghek) jiddeciedi ghalik u f’ismek. Kemm dan jaghmel sens huwa kwestjonabbli. Wiehed jista’ jistaqsi kemm hu validu jew sensat li bniedem jinghata cekk vojt halli jimlieh kif irid, kemm irid u kif joghgbu ghal numru ta’ snin bhallikieku qieghed timlieh int.

Din is-sistema tidher li taghmel gustizzja ghall-anqas mal-votanti. (Man-non-votanti zgur li ma taghmilx.) Izda r-realtà hija mod iehor. Anki jekk bniedem ikun ivvota direttament u personalment ghal xi hadd biex jirrapprezentah, dan m’ghandux ifisser li l-bniedem elett ghandu jkollu l-libertà kollha, minghajr limiti, fuq id-decizjonijiet li jiehu f’ismek jew meta u kif jitkellem ghalik.

Is-sistema hi mahduma ghall-abbuz. Hija mahduma b’tali mod li taghti lil xi nies diskrezzjoni illimitata biex jaghmel li jrid f’isem haddiehor u ghalih. Tassew, ghalkemm fuq il-karti jezistu modi kif bniedem tista’ twaqqfu milli jaghmel dan, fil-prattika dawn ir-‘rimedji’ ma jfissru assolutament xejn.

La darba tkun ivvutajt, direttament jew indirettament, ghal xi hadd biex jirrapprezentak, tkun tlift ghal kollox minn idejk il-possibbiltà li tikkontrolla dak li jigi deciz minflokok jew x’jinghad f’ismek. Hekk tahdem is-sistema hekk imsejha demokratika.

Sistema abbuziva

Min-naha l-ohra, meta ma tkun ivvutajt lil hadd, hadd m’ghandu jkollu l-prezunzjoni tad-dritt li jirrapprezentak, jitkellem f’ismek jew jiehu decizjonijiet minflokok. Naturalment, is-sistema ‘demokratika’ ma tirragunax hekk. Allavolja dan id-dritt li inti tiddeciedi ghalik innifsek u li titkellem int ghalik innifsek ma tkun cedejtu lil hadd, xorta wahda s-sistema tisraqulek minn idejk u xxejru mal-erbat irjieh tad-dinja.

Din hi sistema li hija mahduma sabiex izomm lil ftit nies fis-setgha filwaqt li thalli lil hafna u hafna ohrajn, miljuni xi kultant, minghajr setgha ta’ xejn. Xi whud jghidu li din hi sistema li taghti lok ghal abbuz. Imma mhuwiex hekk biss; is-sistema hi abbuziva minnha nnifisha. Hija hasra li hafna jibqghu jaccettawha bhala naturali jew inevitabbli u jmorru ghal ghajnha.

Izda mhux kulhadd. Hawn min qatt ma jivvota ghal hadd ghas-semplici raguni li hadd ma jista’, f’dinja ta’ adulti, jirrapprezenta lil hadd, jitkellem f’ismu jew jiddeciedi ghalih. Hawn min ghal din ir-raguni din is-sistema ma jaccettahiex u lanqas ma jaccetta li hu (jew hi) jirrapprezenta lil xi hadd, jitkellem f’isem xi hadd jew jiddeciedi ghal xi hadd.

Adulti li jgibu ruhhom ta’ tfal ma jisthoqqilhomx ghajr li jigu ttrattati ta’ tfal.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?