It-traġedja ta’ Gaza

Dak li ġara għal dawn l-aħħar ġimgħatejn f’Gaza hu traġedja umana għal kulħadd. La hi l-unika traġedja fid-dinja llum, la l-akbar waħda u lanqas l-aktar imtawla. Però, aktarx hija l-aktar waħda rrappurtata. Kull traġedja umana hija soppa ta’ dulur, passjonijiet u sentimenti. Quddiemhom wieħed jista’ biss jintafa’ f’għoġba għall-miżerja umana, imma wkoll isaħħaħ il-ħrara fraġli f’dinja isbaħ għal kulħadd.

44 traġedja dinjija

Skont il-‘Programm ta’ Tagħrif dwar il-Konflitti Dinjija’ (UCDP) tal-Università ta’ Uppsala, l-Iżvezja, fid-dinja llum hawn 13-il traġedja għaddejja bla waqfien fuq skala qerrieda agħar minn dik ta’ Gaza. Fost dawn hemm dik fil-Libja, il-ġara tagħna. Il-ġurnalisti ftit jagħtu kashom; il-biċċa l-kbira minnhom qishom ma jeżistux.

Minbarra fil-Libja, dawn it-traġedji mdemma jinsabu f’Burma, il-Kolumbja, l-Afganistan, is-Somalja, il-Jemen, il-Pakistan, il-Messiku, is-Sudan, is-Sirja, l-Iraq u l-Mali. Fihom imutu għexieren ta’ eluf ta’ nies kull sena, ħafna minnhom mingħajr l-attenzjoni ta’ ħadd ’il barra minn pajjiżhom.

Barra dawn, għaddejjin bħalissa wkoll 31 traġedja oħra madwar id-dinja kollha fuq l-istess skala ta’ qerda bħal dik f’Gaza u t-Territorji Okkupati tal-Palestina. Sebgħa minn dawn it-traġedji jinsabu fl-Afrika, 10 fl-Asja, 2 fl-Ewropa (fir-Repubblika Irlandiża u fir-Russja), 9 fil-Lvant Nofsani, 2 fil-Magreb (Afrika ta’ Fuq) u waħda fl-Amerika ta’ Isfel (il-Perù). Dawn it-traġedji huma responsabbli għal mijiet ta’ eluf ta’ mwiet kull sena.

Dawn l-44 traġedja kerha jinvolvu xejn anqas minn 57 pajjiż minn kull kontinent tad-dinja.

Traġedja kontinwa

Dan qiegħed ngħidu sabiex, meta nqisu t-traġedja ta’ Gaza, inżommu dejjem sens ta’ proporzjon. Tabilħaqq, kull persuna li tinqatel―tkunx f’Gaza jew f’xi parti oħra tad-dinja; tkunx minħabba gwerra jew għal xi raġuni oħra―dejjem hi rovina ta’ qsim il-qalb. Dan minkejja l-importanza li jagħtuha l-ġurnalisti.

It-traġedja ta’ Gaza ilha sejħa sa mill-1948, jiġifieri 64 sena sħaħ! Iżda, oħroġ il-għaġeb, mhijiex l-itwal traġedja kontinwa. It-traġedji f’Burma u fil-Baloċistan bdew qabel dik ta’ Gaza fl-istess sena; u dik fil-Filippini, l-aktar waħda twila, saħansitra sitt snin qabel, fl-1942 (70 sena ilu!).

Mill-bqija, 12-il traġedja fid-dinja llum ilhom għaddejjin 5 snin; 8 oħra, 10 snin; 4 oħra, 20 sena; 5 oħra, 30 sena; 3 oħra, 40 sena; u 6 oħra, 50 sena!

Dawn kollha qed iseħħu f’medda storika hekk imsejjaħ (b’ironija kbira) ‘Żmien ta’ Paċi’! Skont il-UCDP u għejjun oħrajn (bħall-MOD tal-Ġappun), hu kkalkulat li, minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn (f’67 sena) saru madwar 150 konflitt armat madwar id-dinja, bl-aktar sitwazzjoni mwiegħra milħuqa s’issa fis-snin 1991–92.

Skont studju ta’ Dr Milton Leitenberg tal-Università ta’ Cornell, New York (l-Amerika), dawn il-konflitti armati kollha dolorożament irriżultaw f’aktar minn 42 miljun imwiet, li minnhom 7 miljun ‘biss’ (17%) kienu nies militari; il-bqija―mal-35 miljun ruħ―kienu nies ċivili, il-biċċa l-kbira innoċenti, maqbuda fil-konflitti.

Il-paċi dejjiema f’Gaza

Jekk mhux kollha, il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-konflitti armati traġiċi―inkluż dak ta’ Gaza―inqalgħu primarjament għal raġunijiet ekonomiċi; mhux biss minħabba nuqqas ta’ żvilupp ekonomiku u tqassim ħażin tal-ġid, iżda wkoll―u forsi fuq kollox―minħabba l-isfruttament (jew it-tentattiv ta’ sfruttament) minn korpi ċivili jew militari (inkluż gvernijiet uffiċjali) tar-riżorsi produttivi ta’ ħaddieħor.

Fi kliem ieħor, il-problema mhijiex biss militari. Hija fuq kollox kwestjoni ta’ ġustizzja; kwestjoni li għandha l-għeruq tagħha fil-kilba għall-flus u l-għana li tiġi mill-mod kif l-hekk imsejħa ‘ċiviltà’ spiċċat biex organizzat lilha nnifisha fl-aħħar 800 sena jew aktar. Il-pjaga tal-gwerra u ta’ kull konflitt armat ieħor (kemm domestiku u kemm inter-statali) huwa riżultat dirett tal-organizzazzjoni soċjali (ekonomika u politika).

Partikularment, il-‘Ħamas’ f’Gaza―miżmuma bħala organizzazzjoni terrorista minn Israel, l-Amerika, il-Ġappun u l-Unjoni Ewropea (u, għaldaqstant, indirettament minna wkoll), iżda mhux mill-pajjiżi Għarab, ir-Russja u t-Turkija―mhumiex għajr qed jirvellaw kontra struttura inġusta maħluqa minn ħaddieħor (speċjalment il-Gran Britannja) ħafna snin ilu.

Il-paċi dejjiema, kemm f’Gaza u kemm fit-Territorji Okkupati tal-Palestina, ma tista’ qatt isseħħ mingħajr it-tiswija ta’ din l-inġustizzja. Żgur li mhijiex se tissolva b’wiri ta’ forza militari (minn Israel) jew b’xi diplomazija (mill-Amerika) li tostor l-inġustizzja.

Hu għalhekk li n-nies ta’ Gaza u tat-Territorji Okkupati tal-Palestina jistħoqqilhom l-appoġġ ta’ kulmin għandu sens ta’ deċenza.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?