L-improbabbiltà ta’ riforma

Riformi, riformi, riformi – Il-kelma spiss tkun fuq fomm diversi nies. Minnha nnifisha, il-kelma ‘riforma’ tfisser li tagħti forma differenti jew ġdida lil xi ħaġa. Min jużaha, ħafna drabi jkollu f’moħħu xi istituzzjoni ... u, għalhekk, kif se jibdilha; kif se jagħtiha forma oħra.

F’diskors bħal dan wieħed japprezza l-fatt li min jagħmlu jkun għall-anqas qiegħed impliċitament jammetti li l-istituzzjoni li jkollu f’moħħu mhijiex qed tiffunzjona sew u li għandha bżonn tinbidel. Min-naħa l-oħra, però, wieħed ma jistax ma jilmaħx l-inġenwità tiegħu: għax ħafna drabi l-istituzzjonijiet ma jistgħux jiġu riformati; jistgħu biss jinħattu u flokhom tinbeda xi ħaġa oħra mill-ġdid.

Xi kultant, din l-ammissjoni ma tkun inġenwa xejn, iżda makakka. Għax min jagħmilha jkun jaf tajjeb li riforma mingħajr ristrutturazzjoni mhijiex probabbli. Meta sinċiera, il-mira tar-riforma hi illużjoni; meta makakka, hi qarrieqa.

Riforma titlob wisq

‘Riforma’ ħafna drabi tfisser biss li lill-istituzzjoni jsirulha bidliet kosmetiċi, ħwejjeġ ta’ natura superfiċjali, mingħajr ma jibdlulha l-istrutturi tagħha. Dan ifisser li, konkretament, fundamentalment, essenzjalment tibqa’ eżattament l-istess. Din l-inkapaċità hi dovuta għall-fatt li l-ħażna, matul ħafna snin, ta’ ħwejjeġ li jkiddu l-istituzzjoni ma tkunx tista’ għaliha ebda riforma, ebda bidla mill-qiegħ, ebda ristrutturazzjoni.

Il-ħażna ta’ impressjonijiet ħżiena, ta’ twemmin mgħawweġ, ta’ gideb sostenut matul is-snin, ta’ interpretazzjonijiet storiċi diżonesti , ta’ kattiverji moħbija, ta’ skandli mistura, ta’ negozjati maħmuġa ... mhuwiex possibbli li tinħatt jew li tiġi miċħuda. Riforma suppost titlob dan kollu, imma ma ssirx. Hi għal din ir-raġuni li, fir-realtà, ebda riforma ma hi possibbli: għax titlob wisq.

Imbagħad, barra din il-ħażna ‘kunċettwali’ li semmejt, ikun hemm ukoll il-ħażna tal-ġid materjali: il-proprjetà, l-għana, ir-rikkezzi, il-bini, l-investimenti, is-suq. Maż-żmien, istituzzjoni trawwem minnha nnifisha koċċli li jeħel magħha biex jgħix. Kif tista’ tirrinunzja għal dan kollu? Kif tista’ żżarma dak li dejjem ħadmet għalih?

Tabilħaqq, ma tistax. Tista’ biss tiżbgħu b’ilwien differenti, tgħattih b’dehriet oħra, ixxiddlu lbiesi ġodda, tpittru f’ilsien maħdum b’vokabularju divers ... imma ma tistax tibdlu, tiċħdu jew tħallih warajha.

Triq differenti

Kulmeta tagħmel bidliet superfiċjali u kosmetiċi, istituzzjoni tkun biss qed togħdos aktar u aktar ’l isfel; tkun biss qed issaħħaħ dak li tgħid li trid teqred; tkun biss qed tkabbar il-problema li tgħid li trid issolvi; tkun biss qed tmarrad lilha nnifisha dejjem aktar.

Ma tistax tirriforma dak li hu fundamentali għalik. La darba jinbena, jista’ jispiċċa biss bil-mewt; iżda r-rieda għar-riforma turi li din mhijiex triq li trid tiġi magħżula. Għalhekk, iċ-ċirku hu vizzjuż u ma jistax jiġi maħrub jew megħlub.

Jekk ikun hemm f’istituzzjoni viżjoni differenti, viżjoni strutturali ta’ bidla, din ma tistax isseħħ jekk mhux billi l-qadim jitħalla għal kollox u jitħaddan il-ġdid. Bħalma darba ntqal: ‘Inbid ġdid jitqiegħed fi ġlud ġodda’. U wkoll: ‘Ħadd ma jraqqa’ biċċa drapp qadima b’biċċa drapp ġdida’. Dan il-kliem għaref jgħodd għall-bieraħ daqskemm għal-lum u għal għada.

Jekk wieħed jemmen tant fl-ideali għolja li bihom istituzzjoni tkun bdiet il-ġrajja tagħha ― aktarx fi żmien pre-istituzzjonali ― u jingħatalu li jagħraf li dik l-istituzzjoni tilfet it-triq u, fl-hemm istituzzjonali tagħha, ma baqa’ ebda mod kif twettaq dawk l-ideali, allura jrid jaħseb fi triq differenti mir-riforma. Ir-riformi ma jwassluhx fejn iħoss li għandu jasal.

Għeruq iebsin

Ir-riformi ― jew il-ħrafa tat-twettiq tagħhom ― huma biss għad-diżillużi u l-inġenwi; jew inkella għall-qarrieqa. Kontrihom għandhom it-toqol tal-istorja u l-kurrent tal-ideoloġija. Jippruvaw jaslu fejn ma jistgħux. Għax l-għeruq fondi u ħoxnin ma jistgħux jibdlu l-mixjiet twal u mudlama tagħhom wara l-ebusija tad-drawwiet. Ukoll jekk tostorhom, isibu mod kif jixirfu mill-ġdid.

Frott ġdid jeħtieġ żraġen ġodda.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?