Obama f’rebħa storika u memorabbli

Li kieku stajt tara dan l-artiklu l-Ħadd li għadda, kont tintebaħ li ma kelli ebda dubju li Barack Obama se jirbaħ l-elezzjoni Amerikana tat-Tlieta li għaddew. Minkejja li t-tellieqa bejn iż-żewġ partiti l-kbar kienet qalila u xi ftit jew wisq ras imb’ras, Obama ħareġ rebbieħ għat-tieni darba b’maġġoranza komda. Hi rebħa storika u memorabbli.

Kampanja diffiċli

Għalina, li nħarsu lejn l-Amerika ‘minn barra’, għandna l-ħila nistagħġbu għala, f’din il-kampanja elettorali, Obama kellu jegħreq l-għaraq tad-demm u jissielet bi snienu għal kull pulzier li kiseb. L-oppożizzjoni għalih min-naħa tal-Partit Repubblikan u ta’ partiti oħrajn kienet formidabbli. Nistagħġbu għax ma jidhirx għal kollox ċar x’inhu, wara kollox, dak li jrid l-elettorat Amerikan.

L-ewwel u qabel kollox irid li pajjiżu jibqa’ fil-quċċata ekonomika u politika tad-dinja. Dan huwa ċert. Fi kliem ieħor, irid prosperità domestika akkost ta’ kollox. Ma jinpurtax kemm pajjiżu jgħaffeġ ġnus, kemm ideffes imnieħru fi ħwejjeġ interni ta’ ħaddieħor u x’mezzi juża biex jimmanipula gvernijiet oħrajn. L-aqwa li l-Amerika tibqa’ taħkem u tistagħna. F’din il-ħaġa, Obama kellu żvantaġġ fuq Mitt Romney (il-kandidat Repubblikan), għax dan hu eħrex u aktar intransiġenti mill-ieħor.

Iżda min-naħa l-oħra, minkejja din ir-rieda komuni, il-prosperità domestika ma tidhirx li jirnexxielha tmiss l-istess lil kulħadd. Minn hawn tidher li tiġi l-akbar differenza bejn il-pożizzjonijiet tad-Demokratiċi u tar-Repubblikani. It-tnejn huma favur il-kapitaliżmu, iżda filwaqt li xi ftit jew wisq tal-ewwel aktarx jaħseb fil-ħaddiema tal-produzzjoni aktar milli fis-sidien tal-mezzi tal-produzzjoni, tat-tieni aktarx jaħseb aktar fis-sidien milli fil-ħaddiema.

President liberali

Din tista’ ma tagħmilx differenza kbira għall-biċċa l-kbira tal-50 miljun fqar tal-Amerika (xi 17% tal-popolazzjoni kollha), għax hekk jew b’hekk, kemm taħt wieħed u kemm taħt l-ieħor, xorta se jibqgħu fqar. Iżda tista’ tagħmel differenza sustanzjali għall-klassi tan-nofs (xi 70% tal-popolazzjoni), li jistgħu jispiċċaw iħallsu anqas jew aktar taxxi diretti, interessi fuq self u l-bqija skont ikunx hemm Obama jew Romney fil-gvern rispettivament.

Għalkemm fl-erba’ snin li għaddew Obama jidher li pprova jaġevola ’l din il-klassi tal-popolazzjoni, ma jidhirx li l-impressjoni li ħalla fuqha kienet xi ħaġa ta’ barra minn hawn. Id-diffikultajiet li sab ma’ wiċċu la kienu ftit u lanqas żgħar. Iżda kollox ma’ kollox, jidher li fl-aħħar mill-aħħar irnexxielu jikkonvinċi l-biċċa l-kbira tal-votanti tan-nofs (għall-anqas aktar minn Romney) li hu jista’ jkun president aħjar għal buthom.

Skont ‘DW-Nominate’ (sistema ta’ kejl politiku-xjentifiku indipendenti), fl-aħħar erba’ snin Obama wera li kien deċiżament liberali fl-ideoloġija u l-politika tiegħu. Meta mqabbel ma’ presidenti demokratiċi oħra, fatturi differenti juru li Obama kien kemxejn aktar liberal minn Johnson, Roosevelt u Truman, iżda kemxejn aktar konservattiv minn Carter, Clinton u Kennedy.

Rekord tajjeb

Skont ‘Politifact’ (proġett indipendenti ta’ Tampa Bay Times ta’ Florida), mill-47 wegħda li kien għamel Obama lill-elettorat Amerikan fl-2008, żamm minnhom 13 (jew 23%). Mill-bqija, Obama għamel kompromessi fuq ħamsa minnhom (9%), kiser 11 minnhom (19%), ma kienx deċiż biżżejjed fuq 3 minnhom (5%) u, sakemm temm l-ewwel perjodu tal-presidenza tiegħu, kien għadu qed jaħdem fuq 25 minnhom (34%).

Kollox ma’ kollox, dan hu rekord tajjeb li kapaċi jiġi mtejjeb sostanzjalment fl-erba’ snin li ġejjin, issa li Obama se jkollu perjodu ieħor ta’ presidenza b’pożizzjoni aktar soda minn qabel. Ovvjament, il-kritiċi tiegħu dejjem iħarsu lejn l-aspetti negattivi ta’ din il-lista li wrejt. Iżda l-istampa trid tittieħed fit-totalità tagħha sabiex isir ġudizzju xieraq. Ir-riżultat finali li joħroġ minn dan il-ġudizzju mhuwiex ħażin. Anzi.

B’mod partikulari, dan jidher ċar meta tqis il-maġġoranza komda li bih Obama rebaħ, mhux biss il-voti elettorali (59%), imma wkoll il-voti popolari (50%). L-approvazzjoni tal-elettorat Amerikan hija ċara. Dan biex ma nsemmux l-appoġġ qawwi ― ħafna aqwa milli għandu domestikament ― li Obama għandu mill-pajjiżi barranin kollha.

Jikteb storja ħajja

Ovvjament, mhux kulma għamel jew iddeċieda Obama fl-erba’ snin li għaddew seta’ sab l-approvazzjoni ta’ kulħadd, speċjalment fil-kamp liberali madwar id-dinja. Bosta stennewh aktar radikali; aktar liberali. Iżda minkejja dan, b’mod ġenerali l-andament ta’ Obama jidher li kien fil-biċċa l-kbira tiegħu pożittiv.

Waqt il-kampanja elettorali Amerika twila li għaddiet, wieħed kummentatur politiku stqarr li l-Amerikani jiddeċiedu lil min għandhom jivvutaw fuq il-bażi ta’ tliet mistoqsijiet: ‘Do I know you?’ (Nafek?), ‘Do I trust you?’ (Nafdak?) u ‘Do I like you?’ (Togħġobni?). Jista’ jkun li hu f’kull elezzjoni li l-elettorat jiddeċiedi b’dawn it-tliet mistoqsijiet f’rasu. Iżda fl-Amerika jidher li s-simpatija taħdem wisq; u Obama din is-simpatija għandu.

Issa jrid isarrafha f’aktar ħidma. X’jista’ wieħed jistenna minnu? Forsi anqas kompromessi. Aktar minn hekk, forsi wkoll aktar radikalità liberali f’ċerti oqsma (bħad-drittijiet tas-sessi; l-immigranti illegali; is-saħħa; it-tnaqqis tat-taxxi diretti). Obama diġà kiteb b’mod ħaj l-istorja bl-elezzjoni tiegħu u bl-ewwel erba’ snin tal-presidenza tiegħu. Aktarx issa jista’ jkompli jiktibha b’enerġija mġedda fl-erba’ snin li ġejjin.

Alla jkun miegħu!

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?