Il-flus huma frodi

Immaġina din: Kull ċittadin jingħata miljun ewro għall-bżonnijiet tiegħu biex ma jkollux għalfejn jaħdem u jitbagħal aktar il-bqija ta’ ħajtu. Jew immaġina din: Il-flus jiġu aboliti biex ħadd ma jkollu għalfejn jixtri xejn aktar; kollox ikun ta’ kulħadd.

Mhux neċessarji

Nistħajlek tgħidli millewwel: ‘Impossibbli!’ Daż-żgur li impossibbli, isma’ x’qallu! F’soċjetà bħal tagħna ħaġa bħal din ma tista’ sseħħ qatt. Taf għala? Għax l-idea li l-biċċa l-kbira minna nibqgħu dejjem fil-bżonn tal-flus hija proprju biex nibqgħu dejjem fil-bżonn ta’ ħaddieħor; nibqgħu dejjem indawru r-rota tal-kummerċjanti u l-politiċi.

Forsi ħaġa li għandek tkun taf hija din: li kien hemm soċjetajiet―magħmula anki minn miljuni ta’ nies―li effettivament fil-fatt abolew il-flus għal kollox. U taf xiex? Ħadmu. U hawn soċjetajiet illum ukoll li l-flus ma jeżistux fosthom. Hekk hu. L-idea mhijiex impossibbli daqskemm taħseb.

Il-flus huma mezz ta’ ħakma u kontroll ta’ dimensjonijiet epiċi. Il-ħolqien u l-użu tal-flus hija waħda mill-frodi l-aktar kbar tal-hekk imsejħa ‘ċiviltà’. (Oħra hi dik tal-proprjetà.) Illum donnu kulħadd jeħodha bħala evidenti li l-flus għandhom jeżistu. Ħadd minna ma baqa’ jemmen jew forsi jimmaġina li nistgħu ngħaddu mingħajrhom; li l-flus mhumiex neċessarji biex ngħixu fid-dinja; li ekonomija mingħajr flus hi possibbli.

Frodi istituzzjonalizzat

Il-muniti jew il-karti tal-flus m’għandhom ebda siwi fihom infushom. Is-siwi tagħhom jagħtihulhom gvern skont regoli artifiċjali tas-suq. Dawn il-bċejjeċ ‘legali’ ta’ xiri u ħlas joqogħdu flok waħda jew aktar minn tliet affarijiet: it-tpartit tal-affarijiet, il-kejl ta’ x’siwi jista’ għandhom l-affarijiet jew is-servizzi, u/jew kapital li jista’ jingħadd.

Mhumiex bilfors il-flus li kapaċi jissodisfaw dawn it-tliet funzjonijiet. Komunjoni ta’ nies li jqiegħdu kollox bejniethom fil-komun u li jaqsmu x-xogħol u l-frott tal-produzzjoni ta’ ħidmiethom jistgħu jissodisfaw dawn il-funzjonijiet mingħajr il-bżonn tal-flus. Anzi, is-siwi ta’ xogħolhom u ta’ ħwejjiġhom la jkun minfuħ biex jagħmel il-qliegħ żejjed lil xi ħadd u lanqas ma jkun imċekken biex xi ħadd jisfrutta s-saħħa, il-ħidma u l-ħajja ta’ ħaddieħor.

Jekk il-flus qatt kellhom xi skop ‘innoċenti’, dan ilu ħafna li spiċċa. Il-flus illum huma mezz mill-aktar konvenjenti, flimkien mas-sistema ta’ banek maħduma għall-profitt, għal frodisti b’ingravata u ġlekk. Il-prezzijiet li jitqiegħdu fuq kull oġġett huma qerq titaniku li qiegħed iżomm lid-dinja kollha ostaġġ tagħha.

Mentalità skjavista

Ikollok frodi meta xi ħadd jikseb xi ħaġa taħt pretenzjonijiet foloz. Il-flus―bħall-proprjetà―dak li huma. L-hekk imsejjaħ ‘siwi’ (jew valur) ta’ kull oġġett li jeżisti huwa, mhux biss artifiċjali (din hi ħaġa ovvja), iżda wkoll ineżistenti bħala tali. Ngħid ‘bħala tali’ għax ix-xogħol xi siwi fih, naturalment, iżda dan mhuwiex fedelment rifless fil-prezzijiet. Il-prezzijiet u, għaldaqstant, il-kwantifikazzjoni monetarja, huma minfuħa jew imċekkna arbitrarjament għal skopijiet ta’ qliegħ u sfruttament.

L-użu tal-flus bħala mezz ta’ qliegħ artifiċjali―hekk miġġielda feroċement fil-Medjuevu u wara―ħoloq mentalità ta’ oppressjoni kemm fuq dak li jagħmel il-qliegħ u kemm fuq dak li minn fuq dahru jsir il-qliegħ. Din hija mentalità tipika tal-iskjavi u l-iskjavituri. Iċ-ċirku vizzjuż li toħloq hija hekk qawwija li teħtieġ li tiġi l-ħin kollu aktar imkattra u msaħħa.

Dan il-frodi m’għandniex bżonnu. Ħabib kbir tiegħu hu l-konsumeriżmu; din l-ossessjoni li wikkew lil ħafna minna biha li nixxenqu għal affarijiet li mhumiex bżonnjużi, għal bżonnijiet maħluqa u artifiċjali. Jagħmel tajjeb kulħadd jilqa’ jew idewwi dan il-kankru tal-waħx li jżommna lkoll taħt l-id wikkiela ta’ ħaddieħor.

Comments

  1. Kif qed tgid int F. Mark, "kollox ta' kulhadd" iffiser wkoll "kollox ta' hadd". Ara x'gara wara ir-revoluzzjoni ta' 1917.

    Jekk il-flus hu falz, ghalfejn il-Knisna s-saqsiena ghall flus waqt il-Quddies? Kristu stess ghalilhom li il-flus irrid jkun. Ghal hekk ghax kien jaf x'qal L-Spirtu fil ktieb ta Malachi.

    A world where nobody owns anything is a sterile world indeed - the joy of giving is not to be dissed. This is wisdom.

    Mhux ta b'xejn, l-akbar donaturi fid dinja huma nies bhal Warren Buffet u Bill Gates. Il-Knisja ghandha titghallem minn benefatturi bhal dawn.

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?