Is-'Saltna' ta' Alla

L-espressjoni ‘Saltna ta’ Alla’ spiss tintuża, kemm minn insara u kemm minn monoteisti oħra (fosthom il-Ġudajċi u l-Musulmani). Xi kultant, fost l-insara tintuża wkoll l-espressjoni ‘Ġesù Sultan’ (jew ‘Kristu Re’), u wkoll issir referenza rjali simili għall-Madonna. Dawn kollha huma espressjonijiet li jagħmlu użu minn termini―‘Saltna’, ‘Sultan’, ‘Re’, ‘Sultana’, ‘Reġina’―li jistgħu jissuġġerixxu tip ta’ stat jew gvern politiku. Ikonografikament, huwa wkoll komuni li Ġesù u l-Madonna jiġu murija mlibbsa kuruni u lbies rjali, jew Ġesù saħanstira liebes trirenju papali.

Tifsir simboliku

Fil-Vanġeli jingħad li Ġesù stess uża terminoloġija rjali, kemm f’rabta ma’ Alla jew mas-Sema (‘Saltna tas-Smewwiet’), u kemm b’referenza għalih innifsu (“Jien sultan”; Ġw 18:37). It-talba stess tal-Missierna għandha l-kliem: ‘Tiġi saltnatek’.

Għalkemm il-ħsieb ta’ Ġesù kien biss simboliku―għax hu kategorikament ċaħad li jkun sultan jew li s-‘saltna’ tiegħu hi ta’ xi natura politika―xorta waħda l-kliem tiegħu ttieħed bħallikieku sanzjoni għal xi proġett monarkiku.

Jekk wieħed jiddubita minn dan irid biss iħares lejn il-papiet medjevali, li l-biċċa l-kbira tagħhom saħqu li kienu, mhux biss slaten, iżda ‘Sultan tas-Slaten’ (titlu li fil-Bibbja hu riservat biss għal Alla jew għal Ġesù). Għalkemm din l-idea baqgħet teżisti għall-anqas sal-Papa Piju XII (mal-50 sena ilu biss), illum għad baqa’ min jissokta jaħseb f’dawn it-termini billi jistħajjel li t-titli u l-insinji rjali marbuta ma’ Alla, Ġesù, il-Madonna u l-papiet mhumiex sempliċiment simboliċi, iżda litterali.

Infatti hawn insara, partikularment Kattoliċi, li għadhom sal-lum jimmaġinaw il-Knisja bħala xi istituzzjoni monarkika; jiċħdu―impliċitament u xi kultant saħansitra espressament―li l-Knisja hija bażikament ‘poplu ta’ Alla’ mingħajr distinzjonijiet essenzjali ta’ natura ġerarkika.

Kundizzjoni ħielsa

Viżjoni bħal din m’għandhiex bażi evanġelika jew skritturali. Il-kelma Griega wżata fil-Bibbja għal ‘saltna’ hija ‘basileia’. Din tittraduċi l-kelma Ebrajka ‘mamlakuth’. Minn dawn jiġu d-derivazzjonijiet terminoloġiċi l-oħra kollha (bħal sultan, isaltan u l-bqija). Il-kliem jintużaw f’waħda minn tliet tifsiriet: (1) territorju politiku monarkiku, (2) ħakma jew dominju effettiv, jew (3) kundizzjoni jew stat ta’ setgħa. Hu fis-sens tal-aħħar tifsira, u mhux tal-oħrajn, li l-kelma ‘saltna’ jew id-derivazzjonijiet tagħha jiġu marbuta ma’ Alla jew Ġesù.

Is-‘saltna’ ta’ Ġesù hi mistika, mhux temporali. “Alla huwa Imħabba u Verità,” kien qal il-Papa Benedittu XVI, “u la l-Imħabba u lanqas il-Verità ma huma qatt imġiegħla fuq xi ħadd: jiġu jħabbtu wara l-bibien tal-qalb u l-moħħ, u fejn jiġu mistiedna jidħlu jġibu s-sliem u l-hena. Din hi l-għamla li biha Alla jsaltan; dan hu l-proġett tiegħu ta’ salvazzjoni” (‘Angelus’, Pjazza San Pietru f’Ruma, il-Ħadd, 26 November 2006).

Il-kundizzjoni divina ta’ setgħa tirrispetta mija fil-mija n-natura essenzjalment ħielsa tal-aċċettazzjoni tiegħu. Dan m’għandu assolutament xejn minn xi ħakma politika jew effettiva, li hi dejjem fundamentalment sforzata u vjolenti. Hu għalhekk li s-‘saltna’ ta’ Alla jew ta’ Ġesù ma tista’ qatt tinftiehem korrettament f’termini politiċi jew tittieħed bħala pretest għal proġett politiku, kemm jekk hu ekkleżjastiku u kemm jekk ċivili.

‘Ecce homo’

L-isbaħ u l-aqwa espressjoni ikonografika ta’ dan hi dik ta’ Ġesù liebes il-kuruna tax-xewk (bħalma turi x-xbieha sabiħa t’hawnfuq ta’ Albrecht Durer mill-1492), espressjoni li ma tistax tkun aktar ’il bogħod minn xi tifsira rjali f’sens litterali. Fuq kollox, ikonografija bħal din tesprimi tabilħaqq proġett: dak tal-Knisja li taqdi permezz ta’ qaddejja essenzjalment ugwali f’kollox.

Sfortunatament, aspirazzjonijiet ta’ monarkiżmu u trijonfaliżmu mhumiex għal kollox mejtin illum. Anzi, jidhru li reġgħu refgħu r-ras iebsa tagħhom wara l-isforz bla qjies li kien sar sabiex imewtuhom. Bħal dejjem, dawn l-aspirazzjonijiet jgħawġu u jtappnu l-messaġġ evanġeliku u jkattru l-miserji tal-umanità; fundamentalment huma espressjoni ta’ immaturità spiritwali, iżda wkoll ta’ vjolenza mistura.

Comments

  1. Artiklu tassew interessanti! B'xorti hazina, hawn Malta ghad hawn hafna nies li ghadhom ipingu lil Alla bhala xi Imperatur dittatorjali li jitlob sighat ta' adorazzjoni. Din ix-xbieha t'Alla qatt ma daqqitli ghax hassejt li Alla jkun aktar interessat f'dak li naghmlu biex nibnu dinja ahjar milli fil-fassla ta' xi kult ta' personalita' fejn in-nies jintilfu f'attivitajiet li ftit jaghmlu gid lil dawk in-nies li l-aktar ghandhom bzonn imhabba u ghajnuna fid-dinja.

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?