L-'impossibbiltà' tal-Milied

It-twemmin li Alla sar bniedem hu impossibbiltà loġika. Anki irrazzjonali, jekk trid. Alla huwa Alla u l-bniedem huwa l-bniedem; in-natura ta’ wieħed ma titħallatx man-natura tal-ieħor. Iżda fil-Milied hu proprju dan li xi wħud minna jiċċelebraw: impossibbiltà fattwali; impossibbiltà li, mhux biss nemmnu li tgħid xi ħaġa dwar il-persuna ta’ Ġesù ta’ Nazaret, imma wkoll dwar il-proġett tiegħu għall-umanità.

Ħarsa storika

Fost ħafna ħwejjeġ oħra, mit-Testmest il-Qadim u minn għejjun oħra extra-Bibbliċi wieħed jista’ jara l-linji ġenerali tal-evoluzzjoni storika tal-ġens Ebrew. Fit-396 sena mill-ħruġ tiegħu mill-Eġittu (fl-1,446 QK) sat-twaqqif tas-saltna (fl-1,050 QK), il-poplu Ebrew kien organizzat f’sistema ta’ komunjonijiet fejn il-produtturi tal-ġid kienu jgħixu mill-frott ta’ xogħolhom. Is-sistema kienet mibnija fuq mudell ta’ ħidma mwaqqfa minn Mosè fuq il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-komunjonijiet u l-membri kollha tagħhom.

Dan tbiddel mat-twaqqif tas-saltna fuq il-mudell ikkopjat mill-ġnus barranin (kontra r-rieda ta’ Alla, wieħed jista’ jżid). Għall-442 sena ta’ wara, l-organizzazzjoni politika monarkika ma kinetx ġabet għajr korruzzjoni u l-agħar tbatijiet soċjali. Intemmet bl-eżilju tal-poplu fil-Babilonja fis-608 QK. Fis-70 sena li dam l-eżilju (sal-538 QK), vdal ċkejken tal-poplu Ebrew ħaseb biex, la darba jkun ħieles, jerġa’ jorganizza s-sistema politika tal-poplu mhux fuq il-mudell tas-slaten daqskemm fuq dak oriġinarjament imwaqqaf minn Mosè.

Dan seħħ b’mod relattiv għax, fis-608 snin ta’ wara l-eżilju, il-biċċa l-kbira tal-Ebrej ma kellhomx awtonomija fit-tmexxija ta’ arthom. L-ewwel baqgħu jaħkmuhom il-Persjani (għal 205 snin; sat-333 QK), imbagħad l-Elleni (għal 270 sena; sat-63 QK) u mbagħad ir-Rumani (għal 133 sena; sas-70 WK). F’din id-data, ir-Rumani ħassru lil Israel minn fuq il-mappa tad-dinja għall-1,878 sena ta’ wara (sal-1948, meta reġa’ twaqqaf l-Istat ta’ Israel fuq sistema ta’ rappreżentanza parlamentari).

Għażla preferenzjali

Din il-ħarsa storika ħafifa tista’ turina xi ftit x’kien il-wirt politiku storiku ta’ Ġesù (li twieled fi żmien ir-Rumani fis-sena 2 QK). Jidher li l-preferenza politika tiegħu kienet li, l-ewwel nett l-Lhud jieħdu rajhom f’idejhom (ngħidu aħna, jidher li fil-prinċipju kien jaqbel mal-ħelliesa Żeloti) u t-tieni li n-nazzjon Lhudi jinbena fuq il-mudell komunjalista ta’ Mosè (ngħidu aħna, dan joħroġ ċar mid-‘Diskors tal-Muntanja’).

Din il-preferenza, meta meqjusa fi ħdan is-sistemi politiċi eżistenti ta’ żmienu, kienet idealista. Biss biss, il-mudell politiku Mosajku kien ilu ma jitħaddem b’mod mifrux għal aktar minn 1,050 sena. Mil-lat pragmatiku, l-għażla radikali ta’ Ġesù ma setgħetx ma tidhirx sprattika għal kollox, jekk mhux ukoll impossibbli.

Ideali kemm kienet ideali, din l-impossibbiltà ma waqfitx milli tinħass bħala theddida reali għall-hekk imsejħa mexxejja tal-poplu Lhudi li beżgħu li minħabba fiha setgħu jitilfu l-privileġġi tagħhom fl-‘istatus quo’ Ruman. Il-proposta komunjalista ta’ Ġesù, fil-fatt, mhux biss kienet tiċħad is-setgħa politika ta’ Ruma, imma wkoll kull setgħa politika oħra – inkluż dik Lhudija.

Il-proġett ‘impossibbli’

Iċ-ċelebrazzjoni tat-twelid ta’ Ġesù, bħala ċelebrazzjoni tal-ħajja u l-missjoni kollha tiegħu, hi ukoll ċelebrazzjoni tal-għażla preferenzjali li Ġesù għamel għall-mudell politiku komunjalista. Ġesù sar bniedem proprju sabiex, bħalma Alla għamel b’ħafna modi permezz tal-profeti ta’ qabel, jerġa’ jġedded il-proponiment preferenzjali tiegħu għal dik l-għamla ta’ organizzazzjoni politika u dik is-sura ta’ ħajja soċjali li minn dejjem ried għall-poplu tiegħu.

Bħalma l-Milied huwa t-tifkira tal-bidu ġdid ta’ dan it-tiġdid, il-Knisja hija t-twettiq tiegħu. Meta xi wħud minna jfakkru b’qima kbira l-impossibbiltà fattwali tal-inkarnazzjoni divina (Alla magħmul bniedem), jiċċelebraw ukoll il-proġett ‘impossibbli’ divin li dik l-inkarnazzjoni tagħti bidu għalih. Hekk kif seħħet il-waħda, jipproklama l-Milied, isseħħ ukoll l-oħra.

Min jemmen fl-impossibbiltà tal-Milied ma jistax ma jemminx ukoll fit-twettiq tal-proġett li l-Milied jipproklama.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?