Lil bniedem mhux magħruf

Bosta nies jitkellmu f’isem ħafna oħrajn li lanqas biss jafu jew li qatt ma ltaqgħu magħhom. Komdi fis-sigurtajiet tagħhom, dawn il-bosta nies, aktarx professjonisti ta’ xi tip, jippużaw bħala Difensuri tal-Ġusizzja mingħajr ma huma kapaċi mqar joħolmu jew jobsru xi jfisser tgħix fi stat ta’ inġustizzja. Bl-intenzjonijiet tajba tagħhom kollha, qajla jimmaġinaw li l-poża tagħhom hi falza daqskemm insolenti. Fuq kollox, hi għamla ta’ kif timraħ u tissaħħaħ l-istess inġustizzja li jgħixu kontinwament dawk il-ħafna mhux magħrufa li l-oħrajn taparsi jitkellmu f’isimhom.

Espressjoni Griega

L-espressjoni li wżat f’ras dawn il-kelmtejn hi mislufa mill-artali Griegi tal-qedem iddedikati lil ‘Alla mhux magħruf’ (‘Agnostos Teos’). Isemmiha San Pawl fid-diskors tiegħu fl-Areopagu ta’ Ateni (Atti tal-Appostli 17:23; sek. 1 WK), kif ukoll kittieba oħrajn tas-seklu 2 WK, bħal Pseudo-Lucianus (Filospatris, 9) u Pausanias (Perjegeta, 1.1.4). Hemm ukoll evidenza arkeoloġika ta’ dawn l-artali.

L-espressjoni hi waħda kurjuża. Skont il-magħrufa teżi ta’ Eduard Norden (1913), dawn l-artali kienu jitwaqqfu lil allat ta’ popli barranin li ma kinux jingħataw qima fil-Greċja. (Il-Latini kellhom artari simili bl-isem ‘Ignoto Deo’.) Fost dawn kien hemm l-‘alla’ tal-Lhud: magħruf għall-fatt li ma kellux isem. Dan kien juri li ħadd ma seta’ jkun jafu fih innifsu.

L-indikazzjoni b’erba’ ittri―YHVH (tinqara ‘Jaħwè’)―li kienu jużaw l-Ebrej u l-Lhud għal Alla ma kienx isem, imma derivazzjoni lingwistika mill-għerq H-Y-H tal-verb ‘Jien hu’. Kienet tindika biss l-eżistenza ta’ Alla. Biex jevitaw anki din id-derivazzjoni, lil Alla kienu ġeneralment jirreferu għalih fil-plural maskil, ‘Eloħim’ (is-singular tal-kelma huwa femminil), jew ‘El Xaddaj’ (Is-Setgħani).

Sensittività

Il-qima lil allat barranin mhux-Griegi tixhed għas-sensittività u n-nuqqas ta’ prepotenza tipika tal-poplu Grieg tal-qedem. Il-limiti tagħhom kienu konxji tagħhom u anki jirrikonoxxuhom. Hu bl-istess sentiment li qiegħed nissellef mingħandhom l-espressjoni ‘Lil bniedem mhux magħruf’. Għax lil min ma tgħixx (jew qatt ma għext) bħalu ma tistax tkun tafu tassew; wisq anqas titkellem f’ismu jew għalih.

L-aktar li tista’ tagħmel, la darba konxju tiegħu, hu biss li tirrikonoxxi l-eżistenza tiegħu u turi rispett lejn l-anonimità tagħha. L-istess kif kienu jagħmlu l-Griegi anki lis-suldati bla identità (‘Agnostos stratiotos’) minn żmien il-Gwerer Peloponnesji (sek. 4 QK) ’l quddiem.

Biex insemmi xi ftit, bħal dawn il-‘bnedmin mhux magħrufa’ ssib minnhom fil-ħabs ta’ Kordin, fl-isptar Monte Carmeli, fil-kampijiet ta’ detenzjoni (bħal ta’ Lyster Barracks, Ħal Safi u Ta’ Kandja), fid-djar tal-anzjani, fl-istituti tat-tfal, kif ukoll fil-mijiet ta’ residenzi ‘substandard’ madwar Malta u Għawdex. L-aħħar ħaġa li dawn l-imsejkna jeħtieġu huwa li xi ħadd iċarla f’isimhom għax taparsi jafhom jew iħobbhom.

Biex tiftakar

F’dawn l-aħħar jiem tas-sena, jien ridt infakkrek f’dawn in-nies biex, waqt li tifraħ mal-familja u l-ħbieb tiegħek, għall-anqas ma tinsiex li dawn jeżistu. Tippreżumix li tafhom; wisq anqas li titkellem f’isimhom. Iżda biss li ma taħsibx li, la darba int kuntent, kuntenta d-dinja kollha.

Barra hekk, ridt ukoll infakkrek f’dawk il-bosta oħrajn―ħafna drabi mhux magħrufa wkoll―li jaħdmu ma’ dawn in-nies, li jgħinuhom mill-koxxa u li joħorġu minn triqathom biex jagħmlulhom il-ħajja misera tagħhom daqsxejn aktar tollerabbli.

Li mqar tiftakar f’dawn il-‘mhux magħrufa’ kollha jiswa lilek jekk mhux lilhom. Għax qalb li tiftakar hija qalb li tħobb.

Comments

  1. This comment has been removed by the author.

    ReplyDelete
  2. Il-prinċipji ta 'Viktor Frankl jippreżentaw sfida pożittiva għall-knisja moderna, li qed tfittex tifsira eżistenzjali, f'ambjent stramba...

    ReplyDelete
  3. Kemm naqbel ma dak li qal il-qassis Ortodossi, Fr. Meletios Webber hawn:

    “Being right” takes numerous forms. Sometimes simply stating how wrong everything is makes one feel right by comparison. Snatching the moral high ground (simply because no one else has) is another way.

    Members of the clergy have a particularly difficult task in ensuring that the exercise of their ministry is not one of ego-boosting. Sitting in a meeting, it is very tempting for a priest to attempt to show all the skills of leadership that he may be required to display in the secular world, including being the figure-head, the source of authority and the person with the most influence in the parish. Some bishops may actually encourage this sort of leadership from their priests, since parishes run along these lines may appear to be the most successful, or at least require the least maintenance.

    In the Church, however, the dynamic of authority and leadership is quite different from that which is deemed to be successful in boardrooms, union meetings or political parties. Coercion, manipulation and power-ploys are not the required tools. Members of the clergy, in particular, need to turn back time and time again to the Gospel sayings in which leadership is genuinely and obviously viewed as a mode of service – not in any metaphorical sense, but in a straight-forward “down on your hands and knees washing feet” sort of way.

    (Source: Peacemaking in the Parish: When Taking Cover Is Not Enough by Fr. Meletios Webber, Summer 2006).

    Illum jahbat hija l-festa ta' San Hilarju ta' (300-368; Isqof ta 'Poitiers) li fir-raba' seklu għen lill-Knisja tiddefinixxi l-identità dommatika tahha. Kif ghal Archmandrit Irenei hawn, ftit jew xejn ma nbidel.

    Grazzi li urejtna bl'ezempju, li l-imprimatur tal-Missier Alla il-hanin, hu l-awtentikizmu.

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?