Sunday, 23 December 2012

“Mhux biex inkun moqdi ...”

Dan il-kliem huwa parti minn stqarrija li kien għamel Ġesù: “Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”. Din hi waħda mill-akbar tifsiriet tal-Milied, tifsira li tmur lil hinn minn sempliċi attitudni umli ta’ qadi. Din il-kelma ta’ Ġesù hi parti minn programm sħiħ ta’ riforma li ried li jseħħ permezz tal-komunità tiegħu.

Kuntrast u oppożizzjoni

Is-silta li għadni kemm slitt mill-evanġelju ta’ San Mattew (20:28) hija parti minn taħdita akbar li Ġesù kien qiegħed jagħmel lid-dixxipli tiegħu. “Tafu intom,” kien qed jgħidilhom, “fost il-pagani l-kapijiet qegħdin biex jikkmandawhom, u l-kbarat biex iħaddmu fuqhom is-setgħa. Fostkom m’għandux ikun hekk; imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu jkun l-ilsir tagħkom” (Mt 20:25–27). Wara dan, jgħidilhom il-kelma li bdejt biha.

B’dan it-taħdit huwa ċar li Ġesù qiegħed jipproponi programm ta’ għajxien (politiku u soċjali) li jikkuntrasta mas-sistemi ta’ tmexxija li n-nies kienu mdorrijin bihom, jekk mhux ukoll jopponihom għal kollox. Fil-komunità tiegħu, Ġesù ma riedx lil min ‘jikkmanda’ jew lil min ‘iħaddem is-setgħa’ fuq l-oħrajn. Dan għax Ġesù ma ried iwaqqaf ebda istituzzjoni ta’ kmand jew ta’ setgħa fi ħdan il-komunità tiegħu.

Xi wħud jieħdu l-kliem li slitt mill-evanġelju f’sens spiritwalistiku li jxejnilhom għal kollox il-qawwa politika tagħhom. Ħafna drabi, dawn jifhmu l-mandat tal-qadi evanġeliku bħala attitudni personali li ma jorbot xejn mas-sistema politika ta’ min jikkmanda u jħaddem is-setgħa. Iżda huwa ċar li l-kliem ta’ Ġesù la huwa spiritwalistiku u lanqas personalistiku. Huwa programm, anki politiku.

Proġett ta’ ħajja

Dan il-programm Ġesù fittex li jfissru b’ħafna modi u anki jipprattikah fil-konkret tul ħajtu. Fost ħafna ħwejjeġ oħra, evidenza ta’ dan jinsab fid-‘Diskors tal-Muntanja’ (Mt. 5:1–7:27). Hemmhekk m’għandna ebda taħdit ta’ natura spiritwalistika jew personalistika; it-taħdit huwa kollu kemm hu soċjali u politiku. Fi kliem ieħor, ifittex li jagħti proġett (kif ukoll programm ta’ kif jitwettaq) dwar b’liema għamla kellha tkun organizzata s-soċjetà jew il-komunità tiegħu skond ir-rieda u l-qalb ta’ Alla.

Għaldaqstant, il-mandat tal-qadi mhuwiex iżolat minn tali proġett; huwa parti mill-programm essenzjali ta’ kif dak il-proġett kellu jitwettaq. Bih Ġesù indika li għalih ebda uffiċċju ta’ awtorità ma’ kien jagħmel sens, la formalment u lanqas materjalment, jekk mhux f’kuntest ta’ struttura egalitarja u ħielsa fejn is-setgħa tiġi mill-komunità u tikseb it-tifsir tagħha biss fi ħdan il-komunità. Kull sura ta’ setgħa oħra hi sempliċiment użurpazzjoni.

Hija l-komunità bħala tali, skont Ġesù, li għandha s-setgħa. Din is-setgħa ma ċċedih lil ħadd, wisq u wisq anqas lil dawk li l-komunità tagħtihom id-delega li jmexxu xi uffiċċju li jkun hemm fi ħdanha għal skop ta’ organizzazzjoni u effiċjenza.

Sinjal viżibbli

Fil-Milied, Alla ta sinjal viżibbli li mhuwiex xi awtoritarju u li ma jemminx fl-awtoritariżmu. Hu li kellu kull dritt li jġib ruħu bħala Sid il-bnedmin għażel li ma jeżerċitax dan id-dritt, iżda jsir wieħed fost il-komunità ta’ bnedmin. F’dan wera x’għamla ta’ tmexxija u ta’ organizzazzjoni ried li l-bnedmin ikollhom.

Tul ħajtu, Ġesù baqa’ dejjem fidil lejn il-messaġġ ewlieni tal-Milied: huwa għallmu u għexu dejjem. Aktar minn hekk, kompla jfissru bit-tagħlim tiegħu u, fuq kollox, bil-prattika. Hu stess kien, qabel xejn, parti mill-komunità li nieda. B’hekk wera li ħadd ma kellu l-jedd li jkun b’xi mod ’il fuq mill-komunità.

Għal Ġesù, il-komunjoni kienu kollox. Kienet din biss l-għamla ta’ komunità li emmen li setgħet iġġib is-sigurtà, ir-rispett u l-ferħ lill-bnedmin. Hawnhekk, u hawnhekk biss, kienet is-salvazzjoni.

No comments:

Post a Comment