Id-distribuzzjoni tal-kotba fil-gżejjer Maltin

Minħabba li fil-bidu tas-sena jsiru ħafna proponimenti li ma jitwettqux, xtaqt li jien ukoll inżid ieħor magħhom. Huwa dwar suġġett li, sa fejn naf jien, ħadd ma jażżarda jitkellem dwaru fil-miftuħ, iżda li jien jolqotni mill-qrib u dwaru naħseb ħafna. Naf li b’dan li se ngħid aktarx li ma jien se nibdel xejn, imma rrid naqilgħu minn fuq l-istonku u saflaħħar inniżżlu iswed fuq l-abjad.

Żvilupp għall-aħjar

Mill-1992 lil hawn, għal aktar minn għoxrin sena, kelli kotba kemm bil-Malti u kemm bl-Ingliż maħruġa għas-suq Malti u anki għal dak barrani. Għandi ppubblikati 26 ktieb ta’ għamliet, suriet u kalibri differenti, xi wħud maġġuri u oħrajn minuri; kollha ppubblikati Malta barra tnejn. Tul dawn is-snin ħdimt ma’ 15-il entità pubblikattriċi differenti.

Dan qiegħed ngħidu mhux biex niftaħar b’rixi (li m’għandix għalfejn). Qed ngħidu biss biex nurik li s-suġġett tal-pubblikazzjoni u d-distribuzzjoni tal-kotba fil-gżejjer Maltin nafu tajjeb ħafna u nista’ nitkellem fuqu b’wiċċi minn quddiem. Għalhekk dan li se ngħid japplika b’mod ġenerali u għal ebda entità pubblikattriċi b’mod partikulari.

F’dawn l-aħħar għoxrin sena nista’ ngħid li rajt il-qasam tad-distribuzzjoni tal-kotba fil-gżejjer Maltin jiżviluppa u jitjieb ferm. Minn qasam nieqes u difettuż għoxrin sena ilu, rajtu jiġi organizzat aħjar u b’mod ferm aktar effiċjenti minn qabel. Fortunatment, b’mod ġenerali llum il-qarrej Malti għandu l-opportunità li jsib ktieb x’jixtri b’mod ferm aktar faċli milli seta’ ftit snin ilu.

Konflitt ta’ interess

Iżda dan ma jfissirx li ninsab kuntent bis-servizz tad-distribuzzjoni. Xejn affattu. Anzi, jidhirli li, minkejja l-progress li sar f’dan il-qasam, sfortunatament erġajna qegħdin naraw li s-settur żviluppa difetti li, b’mod kumplessiv, qegħdin jitfgħu lura s-suq tal-ktieb Malti.

Waħda mill-iprem raġunijiet għal dan huwa li, minkejja l-effiċjenza tal-ftit kumpaniji tad-distribuzzjoni f’Malta, dawn il-kumpaniji huma lkoll pubblikaturi wkoll. Sa fejn naf jien, f’Malta m’għandna ebda kumpanija maġġuri li tqassam il-kotba fil-ħwienet li hi stess ma tistampax ukoll il-kotba tagħha.

Dan ifisser li l-kumpaniji kollha f’Malta tad-distribuzzjoni tal-kotba huma maqbudin f’konflitt ta’ interess. Iridu jqassmu l-kotba ta’ pubblikaturi oħrajn (li minn fuqhom għandhom qliegħ parzjali) waqt li jridu wkoll iqassmu lill-ħwienet il-kotba tagħhom stess (li minnhom għandhom qliegħ kważi sħiħ). Huwa minn ewl id-dinja li f’din il-biċċa jagħtu l-ewwel preferenza (jekk mhux it-tieni u t-tielet ukoll) lill-kotba tagħhom stess u mhux ta’ ħaddieħor.

Kwestjoni ta’ qliegħ

Dan l-aspett―li hu diġà serju fih innifsu u assolutament detrimentali għal pubblikaturi li m’għandhomx servizz proprju ta’ distribuzzjoni―jorbot mal-persentaġġi ta’ qliegħ li d-distributuri jżommu biex iqassmu l-kotba ta’ pubblikaturi oħrajn. Dawn il-persentaġġi huma hekk għoljin li, minħabba l-ispejjeż tal-istampa li jkollhom biex joħorġu ktieb, min jippubblika l-kotba jkollu kontra qalbu jagħżel li fl-aħħar mill-aħħar ma jużax is-servizzi eżistenti ta’ distribuzzjoni.

Dan ifisser li f’ħafna ħwienet m’intix se ssib kotba maħruġa minn pubblikaturi li m’għandhomx servizz ta’ distribuzzjoni, iżda biss (jew kważi) tal-oħrajn li għandhom ukoll servizz bħal dan. Għalkemm dan japplika f’Malta, japplika ħafna u ħafna aktar f’Għawdex, fejn kotba ta’ ħafna pubblikaturi mhux-distributuri ma jaslu qatt.

Meta tqis li l-investiment fil-qasam tal-pubbliċità jsir għal Malta u Għawdex flimkien, dan in-nuqqas fid-distribuzzjoni tal-kotba qiegħed joħloq żvantaġġ kbir għall-Għawdxin li jkunu jridu jixtru ktieb li raw irreklamat u ma jsibuh imkien f’Għawdex. Naħseb li l-Għawdxin jistħoqqilhom aħjar.

Jiena nemmen li, bi ftit aktar rieda tajba u b’imħabba daqsxejn aktar diżinteressata għall-kotba, f’din is-sena li bdiet il-qagħda tista’ ma tibqax daqshekk imwiegħra.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?