L-aqwa u l-aħjar

Bħalma bżajt, kampanja elettorali li ddum wisq diġà donnha qabdet diska li ma tridx tħalliha. Għad fadal tliet ġimgħat nisimgħuha. Fil-fatt, jien tabilħaqq jgħaġġbuni ċerti politiċi kemm huma kapaċi jvarjaw fuq l-istess tema mingħajr ma qatt jiddejqu jew jaqtgħu qalbhom. Lanqas Mozart ma kien kapaċi daqshekk. Ngħid għalija, dat-temi xebbgħuni minn qabel ma bdew; aħseb u ara issa li ilhom diġà fuq ġimgħa jreddnulna.

Kollox l-aqwa

Wieħed mill-partiti l-kbar—m’għandix għalfejn ngħid liem—daħħalha f’moħħu li jrid iwebbilna li kollox f’Malta u Għawdex huwa L-AQWA. Jekk hi ekonomija, jekk huma fabbriki, jekk huwa l-kappar, jekk il-busbies, jekk l-enerġija, jekk l-ikel, jekk in-nisa, jekk l-irġiel, jekk it-tfal, jekk kollox. Kollox huwa l-aqwa. L-aqwa fl-Ewropa.

Li ma nistax nifhem hu dan: għala għandu xi ħadd jaħtar gvern biex itejjeb l-affarijiet jekk kollox huwa diġà l-aqwa. Forsi xi ħadd jgħidlek: jaħtru biex l-aqwa ma jintilifx. Mitt darba u elf; imma min jiftaħar bl-aqwa ma naħsibx li jista’ qatt jaqgħalu f’moħħu x’jista’ jkun hemm aqwa mill-aqwa, le? L-aqwa huwa donnu t-tmiem ta’ kollox; lil hinn mill-aqwa ma hemmx.

Naħseb li min jippriedka li wasalna fl-AQWA stat possibbli jeħtieġ li jitgħallem jimmodera naqra ruħu. Mingħajr ma jrid, qiegħed joħloq sfiduċja fil-ġejjieni – għax jekk dak li għandna llum huwa l-aqwa, allura hija tabilħaqq disperanti l-qagħda tagħna, għax m’għandniex fejn nitjiebu!

Barra minn hekk, min jipprriedka li ninsabu fl-aqwa stat possibbli, mhux biss moderazzjoni m’għandux, iżda lanqas pudur. Jekk l-istat tagħna huwa l-aqwa possibbli, u l-aqwa fl-Ewropa, allura x’jissejħu pajjiżi oħrajn li jħalluna l-art f’ħafna oqsma?

Kollox aħjar

Insomma, din id-diska tal-AQWA qabduha xi wħud u se jibqgħu sejrin biha. Jagħmlu huma. Oħrajn qabdu diska differenti: dik li jagħmlu kollox AĦJAR. Xejn ma hu sodisfaċenti; xejn ma jilħaq l-istandard; xejn ma hu kif għandu jkun; għaldaqstant, kollox irid jiġi mibdul jew imtejjeb. Xejn ma jista’ jibqa’ kif inhu bħalissa.

Hija ta’ min ifaħħarha x-xewqa ta’ xi ħadd li jrid itejjeb l-affarijiet – din hi l-fibra ta’ kull ħajja, wara kollox – imma dan l-argument jaħbi xi presupposti li jistgħu jkunu preokkupanti. L-ewwel, li min jitkellem hekk ma jarax gradazzjoni fit-tajjeb li sar. Tassew li l-ħajja hija kumplessivament sabiħa. Imma hemm ħwejjeġ li huma aktar importanti jew meħtieġa minn oħrajn.

Meta wieħed jgħid li jrid itejjeb KOLLOX donnu ma jafx jagħmel distinzjoni bejn dak li huwa essenzjali u dak li mhux; dak li titjib fih hu meħtieġ u dak li l-livell li jinsab fih huwa biżżejjed (u titjib aktar jista’ jistenna). Min juża’ superlattivi bħal dawn ikun immoderat daqs min jgħid li KOLLOX huwa diġà l-aqwa.

Diski elettorali dan hu d-difett kbir tagħhom: l-immoderazzjoni (li, skont il-filosfi l-aktar qodma, hi waħda mill-agħar difetti, jekk ma tridx): kollox hu ġeneralizzat; kollox esaġerat; kollox minfuħ.

Id-diski jissoktaw

Ftit jidher li jista’ jsir xi ħaġa dwar diski bħal dawn. Huma maħduma sabiex jimpressjonaw b’għadd ta’ platitudnijiet xi ftit jew wisq vojta; mingħajr sustanza. Xi wħud jieħdu gost bihom minħabba l-ħsieb biss li “se nerbħulhom”. U forsi dan hu l-mekkaniżmu psikoloġiku li jaħdem fil-qiegħ ta’ kull mument ta’ kampanja elettorali u l-ġudizzji li jsiru fiha.

Jiena naħseb li, jekk tabilħaqq wasal iż-żmien li ssir għamla oħra ta’ politika fil-gżejjer Maltin, is-sistema kollha trid tiġi riveduta. Forsi rridu nibdew naħsbu lil hinn mis-sistema ta’ partiti, ta’ gvern u oppożizzjoni, u flok sistema politika konfrontazzjonali naħsbu f’sistema ta’ politika restorattiva.

Imma din hi ħaġa oħra. Għalissa nisimgħu d-diski.

Comments

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?