L-irrazzjonalità tal-votant

Parti mill-aġir irrazzjonali tan-nies huwa meta f’moħħhom jirrikonċiljaw ħsibijiet inkonsistenti ma’ xulxin u kontradittorji għal xulxin. Il-lealtà lejn l-affiljazzjoni ideoloġika tagħhom ħafna drabi tiġi ’l fuq mis-sewwa tal-fatti. Dan jiġri kemm fi ħwejjeġ ta’ politika u kemm fi ħwejjeġ ta’ reliġjon, għall-anqas f’Malta u Għawdex. Huwa għalhekk li f’dawn iż-żewġ oqsma n-nies ftit jirraġunaw. Ħafna drabi, kampanja elettorali intensa donnha ssir proprju għalhekk: sabiex in-nies jirraġunaw dejjem anqas u anqas, u jkunu irrazzjonali dejjem aktar u aktar.

Ebda intelliġenza

Għall-mument, ħa nħallu r-reliġjon fil-ġenb. Meta titkellem man-nies dwar kwistjonijiet politiċi li qegħdin jissemmew fil-kampanja elettorali – ngħidu aħna, dwar il-gass u ż-żejt, dwar il-ħlas tal-parlamentarji, dwar is-saħħa jew ukoll dwar il-ħolqien tax-xogħol – tistenniex li se tismagħhom jagħmlu xi raġunament loġiku. Il-biċċa l-kbira se jgħidulek dak li jtaqtqu fuqu l-mexxejja politiċi tagħhom.

Għalxejn tipprova tirraġuna magħhom biex forsi tagħmel taħdita intelliġenti. F’kampanja elettorali, l-intelliġenza ma tidħol kważi xejn. Il-biċċa l-kbira tan-nies tirraġuna dwar l-affarijiet skont kif dawn jaffettwaw il-lealtà politika tagħhom. Addio prinċipji. Addio loġika. L-aqwa l-partit.

Jekk xi ħadd jitkellem fuq il-Mater Dei, ngħidu aħna, ħafna nies jieħdu l-iċken tgergira bħala attakk fuq il-partit fil-gvern; hekk ukoll l-iċken kumment pożittiv bħala argument kontra l-partit fl-oppożizzjoni. Dan jgħodd għal kull qasam ieħor, ibda mit-taxxi indiretti u l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u spiċċa fis-sistemi tal-ġustizzja u l-edukazzjoni.

Trunċieri ideoloġiċi

L-irrazzjonalità tidħol meta l-fatti jikkontradixxu t-twemmin ta’ dak li jkun. Bosta drabi ssib li ħafna nies isibu skużi u tifsiriet għal dawn il-kontradizzjonijiet skont l-affiljazzjoni politika li jkollhom. Fil-fatt, m’hemm assolutament XEJN li tista’ tgħid lil partitarju sabiex tikkonvinċih jirrevedi l-konvinzjoni politika tiegħu. Anki jekk il-fatti jweżqu f’wiċċu, xorta waħda jibqa’ jsib skużi u tifsiriet ħalli jibqa’ jemmen dak li jemmen.

Fil-bidu ta’ kampanja elettorali, wieħed jista’ jassumi li ħafna nies ikunu għadhom rashom fuq għonqhom. Iżda mal-medda tal-kampanja, l-irrazzjonalità tidħol aktar ’il ġewwa. Hekk anqas u anqas nies jibqgħu jirraġunaw b’moħħhom. L-irrazzjonalitajiet inizzjali, jekk ikun hemm, jiġu mwittija kollha. Il-ħsieb individwali jsir dak tal-merħla partitarja.

Donnu l-iskop kollu ta’ kampanja elettorali huwa li tixħet in-nies fi trunċieri ideoloġiċi opposti. Ma tagħmilx differenza għal ħafna nies jekk kap ta’ partit huwiex qed jagħmel sens jew huwiex qed jagħmel kutrumbajsi intellettwali u loġiċi. Il-fatt li qed jgħidhom hu jiġġustifika s-sewwa tagħhom, irrispettivament jaqblux mal-fatti. Il-politiċi dan jafuh, u jużawh għall-vantaġġ u l-iskop tagħhom infushom.

Ħwejjeġ illoġiċi

L-irrazzjonalità tiżdied gradwament hekk kif il-kampanja elettorali tipprogressa. Ma’ kull jum li jgħaddi, anqas u anqas nies jibqgħu sidien tar-razzjonalità tagħhom, u aktar u aktar nies jintefgħu fi trunċieri ta’ pappagalliżmu u għama intellettwali. Infatti, tara nies iċapċpu għal ħwejjeġ li lilhom se jgħarrquhom, jew ukoll għal ħwejjeġ tant illoġiċi u stupidi li tiddubita jkunux fehmu x’ikun ingħad.

Din hi ħaġa straordinarja meta tqis li, suppost, kampanja elettorali hija parti minn proċess demokratiku, ... jiġifieri parti minn proċess li, suppost, ikabbar ir-responsabbiltà tan-nies fis-sehem tagħhom fit-tmexxija. Iżda fil-fatt li jiġri hu l-kontra. Ħafna nies JIEQFU jirraġunaw. Isiru parti minn karru wieħed li jeħodhom fejn lanqas biss jafu fejn sejjer.

Forsi dan kollu hu parti mill-farsa tal-hekk imsejħa demokrazija li ngħixu ta’ kuljum is-sena kollha. Wara kollox, x’tistenna minn sistema li lanqas taf xi jfisser isimha jekk mhux eluf ta’ votanti settarji li moħħhom biss ‘li nerbħulhom’!?

Kampanja elettorali mhijiex dwar razzjonalità. Hija dwar votanti li illoġikament jiġġustifikaw l-irrazzjonalità. Imbierek hu min f’din il-karnivalata ma jiġġenninx!

Comments

  1. Unfortunately, democracy as practiced in our culture, is the best system we have come up with. On paper there are better systems but they don't seem to work in real life because of human nature being what it is.

    ReplyDelete
  2. Indeed, Joe, and I love democracy as much as you do. However, the problem is that, most of the time, our 'culture''s democracy is NOT democracy at all!

    ReplyDelete
  3. Mark, hemm xi ħaġa ma ddoqqlix f'dan il-paragrafu:

    Jekk xi ħadd jitkellem fuq il-Mater Dei, ngħidu aħna, ħafna nies jieħdu l-iċken tgergira bħala attakk fuq il-partit fil-gvern; hekk ukoll l-iċken kumment pożittiv bħala argument favur il-partit fl-oppożizzjoni.

    Naħseb kellha tiġi "argument kontra l-partit fl-oppożizzjoni".

    ReplyDelete
  4. Il-ħsieb ta' ħafna miktub fi kliem dirett. L-istramberija hi li naħseb li hawn numru sostanzjali li jafu li din hi 'farsa' imma minn naħa l-oħra jaġixxu daqs li kieku mhix. Per eżempju, dil-kummiedja tat-tablets, possibli li hemm min jemmen li l-qabża fil-kwalita ta edukazzjoni nistgħu nilħquha billi it-tfal jkunu jistgħu jilgħabu 'angry birds' u li hu metodu posittiv ta' kif tuża r-riżorsi?

    ReplyDelete
  5. Naqbel miegħek mijja fil-mijja. Jekk fuq Facebook tikkummenta favur proposta tal-Gvern, jgħajjruk Nazzjonalist tinten u jekk tikkummenta kontra tkun Laburist ippatentjat. Sfortunatament hija sitwazzjoni li taqbel ħafna lill-partiti politiċi l-kbar.

    Dan l-istess argument japplika fil-kaz ta' Franco Debono u JPO. Il-mentalita' li la darba int parti minn partit, hu dover tiegħek taqbel miegħu jgħid xi jgħid, tant qegħda mnaqqxa fina li min jazzarda jaħseb b'moħħu jiġi trattat ta' traditur jew miġnun.

    ReplyDelete
  6. @d. Iva, għandek raġun 100%. Tks.

    ReplyDelete
  7. Tkellem ma' min trid u tintebaħ li, fit-taparsi evalwazzjoni li jagħmlu tal-proposti elettorali kemm ta' partit u kemn ta' ieħor, il-biċċa l-kbira (biex ma ngħidx kollha) ma jkunux qegħdin jirraġunaw. Ikunu biss qegħdin isibu raġunijiet biex, kif għedt, jiġġustifikaw l-irrazzjonalita' tagħhom infushom, jiġifieri jqabblu dak li qegħdin jisimgħu ma' dak li jemmnu. It-twemmin jiġi l-ewwel - kemm politikament u kemm reliġjożament. Ma tkunx qiegħda ssir analiżi ta' xejn. L-isfortuna hi, naraha jien, li kampanja elettorali kulma tagħmel huwa żewġ affarijiet ewlenin: (1) tikkonferma n-nies (anki nies intelliġenti u istruwiti) fl-irrazzjonalita' tagħhom, u (2) tħeġġeġ in-nies ikunu dejjem aktar irrazzjonali.

    ReplyDelete
  8. Naqbel 100% ma' dak li hawn miktub. Pero din hija n- natura tal- bniedem u ta kull annimal li jghix f' xi forma ta' socjeta' jew grupp. Il- mexxejja dejjem ha jkunu ftit u s- segwaci dejjem ha jkunu l- hafna.

    Allura l- fatt li ghandek massa ta' nies isegwu l- mexxej taghhom bhala raghaj ma nqisiex tragedja izda limitazzjoni ta kif evolvejna. Hija decizament frustranti meta tpoggiha fil- kuntest tal- ideologija demokratika li nhaddnu, pero ma tantx hemm wiehed x' jista jaghmel.

    Din l- irrazjonalita' hija 'by-product' ta' kif wiehed ikampa u jghix skond ir- realta' ta' hajtu. L- eqreb li ahna n- nies kapaci naslu nkunu fil- poter (ie. nkunu mexxeja) hija billi nidentifikaw ma' dawn il- mexxeja u nsiru parti mill- grupp (merhla). Kawza t'hekk, l- ideologija demokratika taqa' ghax biex naqtghu din ix- xewqa nissagrifikaw il- hiliet intelletwali taghna. Imma dik hi n- natura tal- bniedem u kawza t'hekk limitati ta' x'nistghu naghmlu.

    Nahseb l- ahjar haga tkun li naccettaw in- nuqqas ta' hsieb razzjonali bhala stat ta' fatt ghall- maggoranza tan- nies, filwaqt li inheggu u naghmlu kuragg lil min kapaci jahseb b' mod kemmxejn indipendenti biex ikompli jaghmel dan u jkun vuci ta' raguni f' nofs din it- taqbida ta' poter.

    L- ikbar sfortuna, u din hija sfortuna vera ghax ghandna s- setgha inbiddluha, hi li f' Malta dejjem ha jkollok zewg partiti fil- parlament bi gvern minnhom igawdi hames snin ta' dominazzjoni assoluta. Jien wasalt ghall- konkluzjoni li jekk vera irridu politika progressiva ghall- futur fis- sod f' dan il- pajjiz, hemm bzonn ta sistema li taghmel it- tielet partit fil- parlament possibilita'. Din tkun rebha nazzjonali ghall- pajjiz minhabba li fl- ahhar tkun bdiet tirbah il- vuci tar- raguni.

    Mhux ha nippretendi li l- poplu Malti isir poplu kritiku f' dawn il- perjodi. Jekk xejn, skond kif tahdem in- natura, f' mumenti ta' krizi aktar infittxu li nidentifikaw ma' grupp milli naqtghu ghall- rasna. Pero dejjem ha jkollok dak il- grupp ta' nies li jibqghu jahsbu b' mod razzjonali, u l- unika mod kif dan l- ghagir, f'interess nazzjonali, jista' jigi premajat huwa billi l- parlament Malti jaghmel realistika l- possibilita' tat- tielet partit fil- parliment. Imma xi haga tghidli li qieghed inkun idealist wisq.

    ReplyDelete
  9. @Karl. Ma naqbilx li "din hija n-natura tal-bniedem". Wisq anqas meta tgħid li din hija wkoll "in-natura ... ta' kull annimal li ...". L-ewwel nett, aħna m'aħniex bħal kull annimal ieħor. Aħna għandna razzjonalita' evoluta ħafna u m'għandniex għalfejn nieħdu l-annimali l-oħra bħala xi mudell tagħna. It-tieni, n-natura tal-bniedem - meta tqisha sew - mhijiex li jkun hawn dominaturi u dominanti. Għall-anqas mhux BIL-FORS ikun hekk. Anzi, jiena naħseb li n-natura tagħna - bħala bnedmin li kull wieħed u waħda minna għandna s-siwi individwali tagħna - mhijiex hekk. L-ugwaljanza, il-liberta' u r-rispett assolut lejn kull individwu mhux bil-fors jissuġġerixxu (anzi ma jissuġġerixxux) din il-forma ta' organizzazzjoni. L-organizzazzjoni soċjali jew politika hija xi ħaġa li naħdmuha aħna u nibdluha meta rridu jew inħossu l-bżonn. Anzi, ngħid aktar minn hekk (mingħajr ma nidħol f'ħafna dettalji): b'mod naturali aħna ugwali; l-inugwaljanza nħolqot mill-isfruttaturi u l-ispekulaturi.

    ReplyDelete
  10. Naqbel mieghek li ahna m'ahniex bhal kull annimal iehor u li ikkumparati maghhom ghandna hsieb avvanzat hafna. Pero nemmen ukoll li ghandna certu istini li evolvejna bihom u dawn l- istinti jinstabu f' annimali socjali ohra. Jekk ikollok tezamina l- imgieba ta' annimali 'primittivi' u tqabbilha mal- imgieba taghna tinduna li hemm affarijiet komuni mhux hazin. Mhux qed nghid hekk biex inkasbar id- dinjita' tal- bniedem, madanakollu inhoss li ghandna naghtuhom importanza ghax jispjegaw certu affarijiet meqjusa koroh fin- natura tal- bniedem bhan- nuqqas ta' razzjonalita'. F'kull grupp t' annimali socjali, inkluz il- bniedem, dejjem ha ssib gerarkija, ibda minn xi gang fit- triq u spicca fil- Vatikan. Meta ahna l- bnedmin pruvajna inkissru l- kuncett ta' gerarkija, ezempju bil- kuncett tal- komunizmu, l- effett kien propju li sahhet il- firda f' din il- gerarkija. Allura nikkonkludi li hija vera li wiehed mill- kuncetti naturali tal- bniedem huwa li jkunn hawn dominaturi u min isegwi.

    Naqbel mieghek ukoll meta tghid li kull wiehed u wahda minnha ghandu s- siwi posittiv individwali tieghu u li potenzjalment ahna naturalment ugwali. Biss ghandi ftit tad- dubji meta bl- ahhar sentenza donnok timplika (ikkoregini jekk sejjer zball)li din l- INugwaljanza hloqniha ahna. Jekk qieghed nifhem sew, mela ma naqbilx minhabba l- fatt li kull ambjent hu u uniku u raguni t'hekk ha jiffaroxxi b'mod naturali individwu b' certu karateristici fuq individwi b' karatteristici differenti. L- isfruttaturi u l- ispekulaturi huma favoriti f' sistema demokratika ghax rari jinqabdu u generalment igawdu poter u konnessjonijiet ma' nies fil- poter. Jien insejhilhom sfortuna ta' sistema demokratika fejn ir- razzjonalita' flimkien mal- onesta' rari tigi premjata u tigi premjata ir- razzjonalita' biss.

    Mhux qieghed nikteb dan biex naqla' dibattiti, nahseb hemm bizzejed jekk tixghel it- TV. Anzi qieghed inhalli dawn il- posts ghax nemmen li dan ambjent tajjeb ghall- diskussjoni. M'ghandix dubju li hemm affarijiet li fuqhom qeghdin naqblu pero hemm ukoll fejn ma naqblux u dan is- sabih ta' diskussjoni razzjonali li hu nieqes hafna fix- xena politika lokali.

    ReplyDelete
  11. Naħseb li l-ġerarkiji fihom infushom mhumiex ħżiena. Ma jien qed ngħid xejn dwar li f'soċjeta' jkollok lil min imexxi. Il-problema tiġi meta min ikun qiegħed imexxi jaħseb li huwa SID ta' ħaddieħor u mhux qaddej.

    Dwar il-Komuniżmu, ma naħsibx li dan ipprova b'xi mod ikisser il-kunċett ta' ġerarkija fis-sens li qiegħed tifhimha int. Naħseb li hawnhekk qiegħed tirreferi għall-Komuniżmu Marxista jew Bolxefita (għax hemm forom oħra ta' Komuniżmu). Anzi, dawn it-tipi ta' Komuniżmu emmnu b'qalbhom u ruħhom kollha f'ġerarkija dominatriċi. Kien għalhekk li Komunisti oħrajn, inkluż fir-Russja stess, ħaduha kontrihom bl-aħrax.

    Dwar l-ugwaljanza, naħseb li kulħadd hu l-istess fid-dinjitá, għalkemm mhux fil-ħiliet u s-snajja. Soċjeta' ta' dominaturi u dominati tfixkel tal-aħħar ma' tal-ewwel, u min hawn tiġġustifika l-inġustizzja u l-isfruttament tagħha. Minkejja l-ħiliet u s-snajja differenti tagħna, aħna lkoll ugwali fid-dinjita'. Dan għandu jkun ta' bażi għar-rispett ta' kulħadd, tkun xi tkun il-pożizzjoni li jgawdi fis-soċjeta'.

    ReplyDelete
  12. "Il-problema tiġi meta min ikun qiegħed imexxi jaħseb li huwa SID ta' ħaddieħor u mhux qaddej." Naqbel 100% u jien natribwixxi raguni sostanjzali tal- korruzzjoni ghall- dan il- fatt. Nies genwini jezistu pero ma nahsibx li jinsabu fil- parlament. Nemmen li minhabba it- tip ta' poter li joffri dak il- post jigbed lejh nies b' tendenzi inqas minn genwini. Forsi jien ciniku izzejjed...

    Rigward il- punt dwar il- komunizmu, ghandek ragun dwar il- mod kif interpretajtu jien. Ikolli nghid li l- mod kif nahseb li qed tinterpretah int huwa decizament aktar Kristjan fejn is- sens ta' komunita' jinbena fuq altruwismu u imhabba bla kondizzjoni. Din it- tip ta' ideologija nammiraha pero kemm hi possibli li ssir ghal tul twil ta' zmien ghandi d- dubji ghax dejjem ha ssib min jipprova japprofitta ruhu minnek. Tispicca tasal f' punt fejn hemm limitu kemm ha ddum taqla' f'wiccek. Hawnhekk huwa l- punt fejn issib min jinghaqqad mad- dominaturi biex igawdi hu stess maghhom. Ovjament, mhux ha jgawdi daqshom u allura jkun dominat. B'hekk tibda tifforma gerarkija. Biex inzomm mat- tema tal- post originali, nista' nghid li dan huwa fattur socjo-biologiku li johnoq il- hsieb razzjonali fi zmien ta' elezzjoni.

    Dwar li l- ugwaljanza ghandha tkun il- bazi ghar- rispett lejn kulhadd, naqbel. Ir- realta' hi lis- socjeta' taghti valur differenti ghall- kull haga u hawnhekk fejn in- nuqqas ta' ugwaljanza jibda u jinbet il- kuncett ta' gerarkija mill- gdid. Li nhoss li jsir importanti huwa biex, kif ghidt int, jinghata rispett lejn kull individwu. Huwa kuncett difficli biex issib bilanc fih ghax kunflitt dejjem ha jinqala' u huwa necessarju biex isir titjib minn xi klassi. Pero irridu noqghodu attenti min syllogismu meta nitkellmu hekk. Is- socjeta' hija komposta minn numru definit ta' nies imqassmin fi klassijiet socjali differenti. Allura, jekk ha jsir titjib minn klassi partikolari, bilfors tfisser li klassi ohra ha tonqos minhabba t- titjib 'tar- rivali' taghha. Imma nsomma, dan hu kuncett li nahseb haqqu blog post ghalih. ;)Biss qed naghmel referenza ghalih ghax smajt diskors ta' mexxej politiku f' dawn il- linji u geghelni nsaqsi u nahseb.

    ReplyDelete
  13. Meta qed nghidu li d-demokrazija hija l-iktar sistema li tahdem - Imbaghad fl-istess nifs qeghdin nghidu li hemm irrazjonalita` fil-votant li hija evidenti u d-demokrazija tiddependi mid-'decizjoni' li qieghed jiehu dan il-votant irrazjonali.

    Ma tahsbux li hija xi ftit kontradittorja? U kemm il-parti mid-demokrazija ghandha tkun qieghda 'tahdem' biex niddeciedu li fil-fatt 'tahdem'? U kif ghandha titkejjel dik il-parti biex niddeciedu hiex 'tahdem' jew le?

    Jista` jkun li sempliciment sibna sistema li hija komda jew li taghtina l-illuzjoni li qeghdin komdi jew li nistghu nkunu komdi u allura kawza t'hekk waqafns infittxu sistema li tista tkun ahjar jew qtajna qalbna li nistghu nutilizzaw xi tip ta' sistema ohra li qieghda diga fuq il-karta?

    ReplyDelete
  14. "Nonethewiser. Jekk innutajt, jien uzajt il-kliem "l-hekk imsejħa demokrazija li ngħixu ta’ kuljum is-sena kollha". Fil-bicca l-kbira taghha, din mhijiex demokrazija. Isem biss ghandha taghha. Il-vera demokrazija ghandha 'regoli' (biex insejhilhom hekk) ben precizi, ibbazati fuq l-ugwaljanza. Le, ma nara ebda kontradizzjoni filli nghid li d-demokrazija (vera) hija l-ahjar sistema u din li nhaddmu Malta u li tithaddem f'bosta imkejjen ohra (li hija travestiment tad-demokrazija vera).

    Iva, hemm mod kif titkejjel id-demokrazija vera - kejl ibbazat fuq il-principju fundamentali tal-ugwaljanza - biex tara hijiex tithaddem jew le.

    ReplyDelete
  15. (L-ewwelnett skuzani li l-messagg hareg bin-nom de plum Nonethewiser, kien xi esperiment li ghamilt qabel u rega hareg hekk - Jien Gordon.)

    F'dak li ghidt bazikament naqbel mieghek kwazi f'kollox. Pero` li nixtieq nistaqsi huwa sakemm il-principju li ghandek votant li qed jaghzel u li qed naqblu li fil-parti l-kbira jivvota b'mod irrazzjonali - kemm hi sostenibbli din is-sistema?

    Naqbel mieghek ukoll li ghandhom ikunu l-principji tal-ugwaljanza li jaghtu c-certifikat jekk hux qieghda tahdem id-demokrazija.

    Issa jekk il-votant permezz tal-vot tieghu iwassal sabiex ikun hemm sistema li ma tissodisfax dawn il-principji - is-sistema tkun falliet. Allura ikun ahjar li kieku tnehhiet l-ghazla tal-votant? u f'dak il-kaz (anke jekk tissodisfa l-ugwaljanza) tibqa demokrazija?

    U l-fatt li hafna drabi kif qed tghid int - nimxu bi travestiment tad-demokrazija, ma jistax jaghti hjiel li fil-verita` id-demokrazija ta' fuq il-karta tista tkun wisq idejalista biex tigi attwata? u allura tkun bhal dawk hafna idejologiji ohrajn li gew skartati matul iz-zmien?

    Grazzi hafna

    ReplyDelete
  16. Il-problema mhijiex il-vot jew li cittadini jivvota. Il-problema hi x'jigri wara. Is-sistema giet issabutaggjata minn nies karrieristi li, wara l-vot, ma jinteressahomx ghalfejn ikunu gew ivvutati jew min ivvutalhom. Il-problema di fondi hi li l-gvern ittiehed minn idejn in-nies u dawn m'ghandhom ebda setgha fil-hames snin ta' wara l-vot taghhom jiddeciedu huma fuq hwejjighom jew inehhu lil min qed jiddeciedi ghalihom u f'isimhom.

    L-ghageb hu li l-bicca l-kbira tan-nies accettaw li jigu ttrattati b'dan il-mod u ma jaghmlu xejn biex jibdluh.

    Iva, sakemm sistema ohra ta' demokrazija tibqa ma ssehhx, din tibqa' idealista, naturalment, ghax hija sistema li tista' ssehh biss fil-futur. Imma ma nahsibx li hu l-kaz li tista' tghid li giet skartata. Proprjament, giet abbandunata minn politici li jaqblilhom li jigri hekk.

    ReplyDelete
  17. Naqbel mieghek li l-problema mhux ic-cittadini imma hija s-sistema li fit-travestiment taghha 'irriduciet' il-votant u s-sahha tieghu fuq is-sistema u anke fuq il-mod li bih giet abbandunata.

    Pero` ma tarax li hu nuqqas fid-demokrazija stess li hija sistema li setghet daqshekk 'facilment' tigi travestita minn individwi li ghandhom interess ulterjuri u li 'kkonvincew' il-bicca l-kbira tan-nies li jaccettawha? U allura x'jaghmel differenti minn ideali utopici ohrajn?

    Grazzi ghal darb ohra

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?