Il-Parowl: Bewsa ta’ Ġuda

Waħda mill-wegħdiet elettorali li l-aktar kienu jinteressawni fl-aħħar elezzjoni ġenerali tal-2008 kienet dik tal-Parowl. Sħabi u jien, flimkien mal-priġunieri, il-familji tagħhom u bosta kollaboraturi, konna ħdimna ħafna sabiex nippromovuha, u konna ferm kuntenti li l-wegħda elettorali ġiet magħmula. Emminna ħafna fit-twettiq tagħha. Illum, ħames snin wara, u lejlet elezzjoni ġenerali oħra, ikollna nammettu li l-wegħda kienet biss bewsa ta’ Ġuda.

Wegħda elettorali

Biex inkun eżatt, il-wegħda kienet li l-gvern idaħħal is-sistema tal-Parowl fil-leġislatura li jmiss (2008–13). Din kienet iswed fuq l-abjad fil-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista (PN) fil-gvern. Iddaħħlet wara li, f’laqgħa semi-pubblika ftit qabel l-elezzjoni fil-Kwartieri Ġenerali tal-PN, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien għamilha bil-fomm u ta l-assigurazzjonijiet tiegħu għat-twettiq tagħha.

Il-Parowl hija sistema li biha priġunier jiġi rilaxxat mill-ħabs fuq kundizzjonijiet speċifiċi bil-patt li jekk jiksirhom jerġa’ jiddaħħal il-ħabs. Is-sistema, użata fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ċivilizzati, tispostja l-piż tar-responsabbiltà minn fuq is-soċjetà għal fuq il-priġunier innifsu. Biha, ikun il-ħati nnifsu responsabbli mil-libertà tiegħu. Is-sistema hija xjentifikament ippruvata li taħdem b’suċċess kulfejn teżisti.

Il-laqgħa ma’ Dr Gonzi ma kinetx xi sulluzzu ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali. Kienet il-quċċata ta’ ħafna u ħafna laqgħat oħra, kemm pubbliċi u kemm privati, kemm ta’ non-esperti u kemm ta’ esperti, sabiex il-kunċett, il-legalità u l-amministrazzjoni tal-Parowl tiġi studjata, mistħarrġa, adoperata u mwettqa fil-qafas tal-kuntest Malti.

Wegħda miksura

X’ġara minn dak iż-żmien? Sal-elezzjoni tal-2008, il-Ministru responsabbli għall-introduzzjoni tal-Parowl fil-liġi Maltija kien Dr Tonio Borg. Wara, sar responsabbli Dr Karm Mifsud Bonnici, li laħaq Ministru minfloku. Imbagħad, fl-2012, meta Dr Karm kellu jirriżenza, sar responsabbli Dr Chris Said.

Il-liġi tal-Parowl saret tabilħaqq parti mil-liġi Maltija. Dan kien fi Frar tal-2012 taħt il-ħarsien ta’ Dr Mifsud Bonnici. IŻDA MA ĠIET IMĦADDMA QATT.

Sa ċertu punt, il-wegħda elettorali tal-2008 inżammet. Sa ċertu punt biss però. Għax il-fatt li s’issa ebda priġunier, imqar wieħed, ma gawda minnha, huwa bħallikieku ma mżammet xejn. Hu għalhekk li nsejħilha ‘bewsa ta’ Ġuda’, għax il-bewsa ħadd ma jista’ jgħid li ma saritx. Bħal kull bewsa oħra, hi ħelwa u sabiħa. Iżda kienet bewża, mhux ta’ mħabba, iżda ta’ tradiment.

It-tradiment jinsab fil-fatt tal-fregatura politika li twettqet. Legalment Malta għandha l-Parowl. Fil-konkret, m’għandha xejn, għax ma twettaq xejn. Meta fl-2008 emminna fit-twettiq tal-Parowl, ma bsarniex li din se tkun biss fuq il-karta u xejn aktar. Emminna li se tkun imħaddma tabilħaqq fil-prattika. Iżda ġejna mqarrqin, għax minn dan ma sar xejn.

Tiġdid tat-tama

Kulmin jemmen fis-sistema tal-Parowl ma jistax, illum, ma jkunx iddiżappuntat ħafna u ħafna minn din is-sitwazzjoni deplorevoli. Wara snin u snin ta’ ħidma iebsa għall-introduzzjoni tagħha, kif ukoll wara t-tama qawwija li ġabet magħha l-wegħda elettorali ta’ ħames snin ilu, in-nuqqas assolut tat-tħaddim tal-Parowl fil-prattika hija daqqa ta’ ħarta kbira.

Għal dan il-falliment, u għal dan il-ksur – wara kollox – tal-wegħda elettorali tal-2008, hu responsabbli Dr Said daqskemm Dr Mifsud Bonnici. Fl-aħħar mill-aħħar, hu responsabbli Dr Gonzi.

Naturalment, il-wegħda tal-Parowl la kienet l-aktar wegħda importanti tal-Programm Elettorali tal-PN u tal-gvern fl-2008, u lanqas ma hi l-aktar kwestjoni importanti issa. Fiha nnifisha, il-ksur prattiku ta’ din il-wegħda m’għandhiex għalfejn tinfluwixxi l-għażla elettorali ta’ xi ħadd f’din l-elezzjoni.

Kulma qiegħed nagħmel hawnhekk, għar-rekord, hu li ngħid x’sar minn dik il-wegħda li fuqha kienet u għadha tiddependi l-kuntentizza ta’ eluf ta’ nies u familji Maltin u Għawdxin. Nittama li, ikun min ikun fil-gvern fi żmien ġimgħatejn oħra, dak li llum hu biss liġi mejta titqajjem mill-mewt u saflaħħar tingħata l-ħajja.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?