Il-patoloġija tal-partitiżmu

Kull kampanja elettorali f’sistema politika bħal tagħna hija xalata ta’ partitiżmu. Huma kemm huma inklużivi l-programmi elettorali tal-partit politiċi kollha, ma jistgħux jevitaw il-partitiżmu. Kull partitiżmu, politiku daqskemm reliġjuż, huwa separatista, u ma jistax ma joħloqx l-inugwaljanza u n-nuqqas ta’ rispett tal-individwu.

Stat patoloġiku

Nitkellmu dwar patoloġija kulmeta għandna devjazzjoni minn kundizzjoni li hi b’saħħitha, ordnata u/jew effiċjenti. Il-partitiżmu hu patoloġiku għax la hu b’saħħtu, la ordna u wisq anqas effiċjenti. Mhuwiex b’saħħtu, iżda marid, għax jifred is-soċjetà, inassas in-nies kontra xulxin u joħloq kategoriji artifiċjali li jitqiesu wieħed aħjar mill-ieħor.

Il-partitiżmu mhuwiex ordnat, iżda diżordnat, għax il-familja umana hi waħda u l-bnedmin huwa ugwali għal xulxin, jekk mhux fil-ħiliet u s-snajja, għall-anqas fid-dinjità. Mhuwiex effiċjenti, iżda ineffiċjenti, għax jagħżel bejn in-nies fuq pretesti foloz, jiżvantaġġja lil xi wħud u mhux lil oħrajn, u joħloq sistema ta’ klijentiliżmu u nepotiżmu korrott.

Minn kull lat, il-partitiżmu huwa vjolenza fuq in-natura oriġinarja tal-bniedem li n-natura tiegħu ma tafx fruntieri, firdiet settarji jew xi tip ta’ qsim ibbażat fuq ideoloġiji, etnika, reliġjon, sess jew kwalitajiet oħrajn simili.

Kontra l-imħabba

L-umanità hi waħda u l-iskop tagħha, jiġifieri li tgħix hienja fuq l-art, hi l-istess f’kull parti tagħha. Il-partitiżmu, bil-pretest li hu meħtieġ u li d-dinja jew is-soċjetà ma tistax tgħaddi mingħajru, bħal kull patoloġija jagħmel lilu nnifsu indispensabbli. Dan hu l-mod tiegħu kif jibqa’ jkattar lilu nnifsu minkejja l-perversità profonda li jiġġenera.

Il-partitiżmu huwa vjolazzjoni tal-ewwel u l-aqwa liġi li l-bniedem għandu, jiġifieri tal-imħabba. Hija l-imħabba biss li tista’ tiggarantixxi l-ferħ tal-umanità, kif ukoll il-ġustizzja fost in-nies, u r-rispett ta’ kull bniedem bid-dinjità tiegħu. Iżda l-imħabba u l-partitiżmu huma inkompatibbli ma’ xulxin.

Għax fejn hemm il-firda, il-pika, l-esklussività, il-kburija ideoloġika, id-dommatiżmu u l-intolleranza ma jistax ikollox imħabba. U fejn mhemmx imħabba ma jistax ikollok libertà, għax in-nuqqas tagħha jixħet in-nies fi stat ta’ difiża jew ta’ attakk, u hekk jingħalqu għal xulxin u jinżammu ’l bogħod minn xulxin.

Proċess mibdi

Il-partitiżmu llum sar qisu sinonimu mad-demokrazija. Iżda d-demokrazija awtentika, li tagħti lil kulħadd li jfassal ħajtu kif iħoss li hi l-aħjar għall-ferħ tiegħu f’għaqda ma’ ħaddieħor, ma tippermettix partitiżmi. Infatti, il-partitiżmu jnawwar kull demokrazija awtentika, u jibda jsejjaħ ‘demokratiku’ dak li mhuwiex.

Id-demokrazija tabilħaqq hija l-aqwa sistema li l-bniedem skopra sabiex jissalvagwardja ir-rispett lejn kull individwu u s-sens għoli ta’ ġustizzja li għandu. Iżda din mhijiex l-istess bħad-‘demokrazija partitistika’ li aħna mdorrijin biha llum. Din tal-aħħar tikkontradixxi kull prinċipju tad-demokrazija awtentika.

Kull partit li jeżisti fid-dinja, kemm jekk hu politiku u kemm jekk hu reliġjuż (u ħafna drabi ma hemmx differenza bejn il-waħda u l-oħra), jeqred l-isbaħ kwalitajiet tal-bniedem u jirrendi l-umanità bejta ta’ ħallelilin li jitqabdu ma’ xulxin. Sabiex ikollok demokrazija awtentika, u sabiex ikollox umanità sabiħa, ma jistax ikollok partiti partiġġjani fiha. Għax dawn huma sistemi morda patoloġikament li jmarrdu kull sanità mentali u affettiva fil-bniedem.

Dan narawh madwarna l-ħin kollu. Aktar ma jkollna nies li jeħilsu minnu, aktar ikollna soċjetà u demokrazija li jixirqu n-natura u d-dinjità tal-bniedem. Jien nemmen li dan il-proċess diġà beda. Iżda jeħtieġlu jitqawwa u jsib għeruq aktar b’saħħithom filosofikament u spiritwalment.

Comments

  1. Dan huwa artiklu brillanti! Ikolli nistqarr li meta Dr Joseph Muscat beda jghid li ahna lkoll Maltin u li m'ahniex Nazzjonalisti jew Laburisti, innutajt li din ir-retorika ma setghetx taqbel mar-realta' prezenti fejn ghandek aktar minn partit wiehed. F'socjeta' li ghandha aktar minn partit wiehed, il-partitizmu huwa inevitabbli u tipprova kemm tipprova biex tghaqqad lin-nies flimkien biex jahdmu bhala ahwa, dan mhux se jirnexxi ghax persuna xorta se tibqa' taghzel jew partit jew iehor. Hafna nies jghidu li aktar ma jkun hemm partiti f'socjeta', aktar ghandek demokrazija, izda jien ma naqbilx li l-livell tad-demokrazija ghandu bilfors jitkejjel skond in-numru ta' partiti. Nemmen li l-ezistenza ta' hafna partiti tfisser aktar firda, komplotti, u gherq biex wiehed jipprova jghaddi lill-iehor. Ikun interessanti kieku jkun hawn aktar xoghol akkademiku dwar ir-rwol tal-partiti politici fuq bosta aspetti marbuta mal-progress ta' pajjiz...

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?