It-tafal merħi tas-superfiċjalità

Meta ngħidu li xi ħadd huwa superfiċjali, inkunu rridu nfissru li mhuwiex kapaċi, ma jridx jew ma jaqbillux jara l-implikazzjonijiet jew il-kawżi ta’ dak li jkun qiegħed jikkunsidra. La jara l-ħaġa minfejn ġiet u lanqas fejn ikun sejjer biha. Għalkemm jaħseb li qiegħed fis-sod, il-bniedem superfiċjali jimxi fuq art taflija li għada jew pitgħada tintreħa taħtu u ċċedi minn taħt saqajh.

Għala s-superfiċjalità?

Il-kelma ‘superfiċjalità’ ġejja minn żewġ termini Latini: ‘super’, li tfisser ‘fuq’ jew ‘’il fuq minn’, u ‘facies’, li tfisser ‘wiċċ’ jew ‘qoxra’. Għaldaqstant, il-kelma ‘superfiċjalità’ tfisser ’il fuq mill-wiċċ jew fuq il-qoxra ta’ xi ħaġa. Hija kelma li tindika li l-bniedem hu frivoluż jew m’għandu ebda profondità ta’ ħsieb. Il-bniedem superfiċjali hu dejjem wieħed li għandu viżjoni dejqa, restritta, limitata; viżjoni tipika tat-tfal.

Jista’ jkun hemm tliet raġunijiet ewlenin għala bniedem jaħseb, jitkellem jew jaġixxi b’mod superfiċjali. L-ewwel nett, jista’ sempliċiment ma jkunx kapaċi jaħseb ftit fil-fond. Moħħu ma jagħtihx. Dan jista’ jkun dovut għal żewġ raġunijiet ewlenin: jew għax ikun injorant minn qaddisu, jew għax it-tħejjija intellettwali (u, aktarx, akkademika) tiegħu tkun ikkripatlu moħħu u ġabitulu qisu lembut b’żennuna daqs naqra.

Raġuni oħra li tista’ tispjega s-superfiċjalità ta’ bniedem hija n-nuqqas ta’ rieda li jkollu li jara l-affarijiet f’kuntest wiesgħa. Dan jista’ jkun dovut għall-fatt li jkun mentalment għażżien. Għalhekk, ma jindenjax ruħu sabiex ikun informat jew aġġornat biżżejjed.

L-aħħar raġuni għala jista’ jkun superfiċjali hija għax ma jkunx jaqbillu jkun profond. Kemm għax, kif għedna qabel, ikun għażżien, u għalhekk ma jkunx irid iqanqal il-ħama, u kemm għax il-profondità tkun tiżvantaġġja lilu jew lill-istituzzjoni li jirrapreżenta.

Qtugħ mir-realtà

Is-superfiċjalità tistrieħ fuq tafal merħi għax tħalli barra ħafna mir-realtajiet li jsawru ċ-ċirkustanzi. Meta jiġri hekk, wieħed fil-fatt ikun maqtugħ mir-realtajiet qishom ma jeżistux. B’dan il-mod, il-bniedem superfiċjali jkun qiegħed jittratta ma’ ċirkustanzi li jkunu jeżistu biss f’moħħu, iżda mhux fid-dinja ta’ madwaru.

Min hu superfiċjali la jara l-ħafna kawżi li flimkien ikunu wasslu għaċ-ċirkustanzi u lanqas ma jkun qed jara l-implikazzjonijiet taċ-ċirkustanzi għar-realtajiet li jkun ħalla barra. B’hekk, li jiġri hu li l-ħsieb, il-kliem u l-aġir tiegħu jkun għal kollox irrelevanti kemm għaċ-ċirkustanzi kif ukoll għar-realtajiet.

Attitudni bħal din ma tistax ma ġġegħilx l-art ta’ taħt il-bniedem superfiċjali ċċedi. Għax meta jkun maqtugħ mir-realtà, u l-ġudizzju tiegħu taċ-ċirkustanzi u r-realtajiet ikunu limitati jew foloz, allura ma jistax jonqos li jiżbalja f’dak li jaħseb, jgħid u jagħmel. Dawn l-iżbalji tiegħu ma jkunux frott ta’ ċirkustanzi jew realtajiet ġodda li ma setax jipprevedihom, iżda frott l-injoranza tiegħu u l-falzità li biha jkun qies l-affarijiet.

Rebħa fuq is-superfiċjalità

Ħafna drabi, il-bniedem superfiċjali jemmen li s-superfiċjalità tiegħu hija profonda. Dan għaliex ġeneralment iqis li dak li jaħseb, jgħid u jagħmel huwa biżżejjed sabiex jasal għal interpretazzjoni ġusta tar-realtajiet ta’ madwaru. Fuq il-livell proprju tiegħu dan hu possibbli. Iżda mhux meta jitqiesu livelli oħra ta’ ċirkustanzi, speċjalment dawk li l-bniedem superfiċjali jippretendi li għandu jirrelazzjona magħhom.

Is-superfiċjalità titmantna u tgħix fuq in-nuqqas tas-sens kritiku. Bniedem jew grupp ta’ bnedmin li mhumiex miftuħa għall-kritika, la tagħhom infushom u lanqas ta’ ħaddieħor, jgħixu ġo bozza għalihom infushom. Dawn lanqas biss għandhom il-ħila jintebħu li l-viżjoni tagħhom hija maqtugħa u distruttiva.

Is-superfiċjalità tintrebaħ meta wieħed jitgħallem jirrikonoxxi u japprezza l-livelli differenti ta’ tifsir li jeżistu fil-ħajja. Ma teżistix profondità waħda, bħalma ma teżistix realtà waħda. Jeżistu ħafna realtajiet għax jeżistu ħafna interpretazzjonijiet u stili ta’ ħajja. Jekk wieħed irid iqis l-istampa kollha u jkun ġust fil-viżjoni tiegħu ma jistax iħalli dawn l-interpretazzjonijiet barra mill-kunsiderazzjoni tiegħu.

Hu dan li jibdel it-tafal merħi fi blat.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?