Żmien l-innoċenza

Jien nistqarr miegħek li għalija l-kampanja elettorali tista’ ma ssir xejn. Għax ma nisma’ lil ħadd. Televiżjoni (aktar u aktar stazzjonijiet Maltin) ma nara qatt; radju ma nisma’ qatt; u bħalissa, gazzetti ma narax.

Minkejja dan, ma tistax ma taqbadx kelma minn hawn u kelma minn hemm. Għax sew fuq tal-linja, sew titkellem man-nies, sew fuq facebook, u sew fuq twitter, politika tiela’ u politika nieżla’. Donnhom in-nies m’għandhomx fiex jaħsbu għajr fuq hekk.

Sofistikazzjoni kerha

Għalhekk, mingħajr ma rrid, ikolli nsir naf x’inhu għaddej, x’qal dan u x’qal l-ieħor. Nistqarr li l-impressjoni li ħadt s’issa, ukoll minn dawn it-tentufiet, mhijiex tajba. Kif stennejt, għal waħda twila wisq u wisq, il-kampanja ġmielha qiegħda tiddeġenera.

Iżda mhux biss. Ninnota wkoll li s-sofistikazzjoni tat-tgħajjir, il-kumplessità tat-tmaqdir, il-makakkerija tal-akkużi, il-finezza tad-denunzjazzjonijiet, u l-kattiverja tal-insinwazzjonijiet qegħdin jilħqu livelli ta’ baxxezza li jbeżżgħuk. Jekk xejn, il-politika—anki dik partiġġjana—m’għadhiex innoċenti. L-istat adult tagħha, għall-anqas kif qed narawha fostna bħalissa, sar ikexkxek.

Dan ma setax ifakkarni fi żmien meta l-politika partiġġjana, anki jekk qalila u storbjuża, kienet ferm aktar innoċenti. Filwaqt li għarrixt ftit pubblikazzjonijiet tas-snin sebgħin u rajt it-tip ta’ propaganda li kienet issir f’dak iż-żmien, ma stajtx ma titbissimx. Jgħidu li dak kien żmien il-firda u l-ġlied. Imma tibqa’ mistagħġeb kemm, meta tqabblu ma’ tallum, dak kien żmien l-innoċenza.

Żieda fil-perikolożità

Dak li rrid ngħid b’dan huwa li, f’dak iż-żmien, minkejja t-tgħajjir u l-baxxezzi tipiċi ta’ kull kampanja elettorali Maltija, l-affarijiet kienu ferm aktar trasparenti. Kienu ħorox u qliel kemm trid, iżda donnu ma kienx hemm dik il-malizja li tara u tisma’ biha llum.

Se ngħid waħda goffa: f’dak iż-żmien, anki l-korruzzjoni kienet aktar innoċenti minn dik li nisimgħu biha llum. Lorry Sant—li dejjem jissemma’ fil-manuvri dwar il-permessi—jidher qisu tifel ċkejken ħdejn dak li jissemma’ f’każijiet ta’ korruzzjoni llum. Mintoff stess, li għal ħafna huwa l-personifikazzjoni tal-aggressività, lanqas biss jibda mal-insidjosità u l-moħħ ħażin li ninnota li għandhom ċerti politiċi llum.

Man-nuqqas tal-innoċenza llum żdiedet il-perikolożità. Din hi l-impressjoni tiegħi. F’dak iż-żmien, meta l-ekonomija ta’ Malta kienet għadha qiegħda tinbena mix-xejn, il-ġlied tal-politika partiġġjana kien għadu dwar kwestjonijiet li huma essenzjali u xi kultant fundamentali. Illum mhuwiex hekk. Illum, meta l-ekonomija ta’ Malta tinsab fl-aħmar sew, donnu m’għadx hawn aktar kwestjonijiet għal xiex il-politiċi jiddedikaw lilhom infushom. Illum jaqbdu f’xulxin u jridu biss jikkonvinċuna min minnhom huwa l-anqas korrott.

Innoċenza ġdida

Wieħed ma jistax jinnota wkoll it-tinfiq enormi ta’ flus li qiegħed isir f’din il-kampanja elettorali. Enormi. Nobsor li jidħol fil-mijiet tal-eluf ta’ ewro, jekk mhux aktar. X’differenza minn erbgħin, tletin sena ilu, meta kampanja elettorali kienet issir kważi bix-xejn! Illum, dawn il-flejjes esaġerati kollha jintefqu bħallikieku konna lkoll geddumna fix-xgħir. Ħafna minn dawk il-flus jintefqu għalxejn.

Jiena la nħobb il-politika partiġġjana u lanqas il-kampanji elettorali li tagħmel. Iżda nitnikket nara f’liema stat waslet fostna. Meta tqis li dan l-isfreġju kollu jintesa l-għada tal-elezzjoni ġenerali, wieħed ma jistax ma jitħassibx x’sens jagħmel dan kollu.

Żmien l-innoċenza jista’ jerġa’ jinkiseb li kieku rridu. Iżda mhux mingħajr ma l-poplu—aħna—nieqfu nappoġġjaw dan il-ġenn u t-tinfiq żejjed. Jekk xi wħud mill-politiċi tagħna m’għandhomx għaqal, xejn ma jżomm milli jkollna l-għaqal aħna.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?