Il-Konvenzjoni taż-żwiġijiet f’Malta

Ftit jiem ilu, fit-22 ta’ Marzu, waqt żjara ta’ kortesija lill-Isqfijiet ta’ Malta, il-Prim Ministru l-ġdid, Joseph Muscat, ħabbar l-intenzjoni tal-gvern Malti li jitlob lill-Vatikan issir reviżjoni tal-Konvenzjoni li kienet ġiet iffirmata bejn is-Santa Sede u r-Republika ta’ Malta għoxrin sena ilu, fit-3 ta’ Frar tal-1993, dwar iż-żwiġijiet fil-gżejjer Maltin. L-istorja sħiħa ta’ din il-Konvenzjoni jidhirli li għad trid tingħad. Dawn il-kelmtejn jistgħu jitqiesu ftit noti għaliha.

Il-Konvenzjoni

Il-Konvenzjoni kienet ġiet iffirmata l-Belt f’żewġ kopji (Ingliż u Taljan) bejn il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Gwido de Marco, u n-Nunzju Appostoliku tal-Papa Ġwanni Pawlu II, l-Arċisqof Pier Luigi Celata. Fiha ħdax-il Artiklu u żewġ Protokolli. It-titlu sħiħ tagħha hu: “Konvenzjoni bejn is-Santa Sede u r-Repubblika ta’ Malta dwar ir-Rikonoxximent tal-Effetti Ċivili għaż-Żwiġijiet Kononiċi u għad-Deċiżjonijiet tal-Awtoritajiet u t-Tribunali Ekkleżjastiċi dwar l-istess Żwiġijiet”.

Filwaqt li l-ewwel Protokol tal-Konvenzjoni kien ġie ffirmat mal-Konvenzjoni nnifisha, it-tieni Protokol kien ġie ffirmat madwar sena qabel il-Konvenzjoni (u mbagħad sar parti minn din tal-aħħar). Dan il-Protokol kienu ffirmawh il-Ministru De Marco u n-Nunzju Celata fis-6 ta’ Jannar tal-1992.

Il-Konvenzjoni tiddikjara li l-Istat Malti jirrikonoxxi u jaċċetta ż-żwiġijiet tal-Knisja Kattolika (Art. 1), id-deċiżjonijiet tat-tribunali matrimonjali tal-Knisja (Art. 3, 5 u 6), u d-duttrina tal-Papiet dwar il-validità taż-żwiġijiet (Art. 7, 8 u 9). Sustanzjalment, dan ifisser li, f’dak li għandu x’jaqsam maż-żwieġ, l-Istat Malti ġie sottomess għal-liġi u t-tribunali tal-Knisja Kattolika.

Att fost oħrajn

Fl-istqarrija li għamel fil-preżenza tal-Isqfijiet Maltin disat ijiem ilu, il-Prim Ministru qal ċar u tond li din is-sottomissjoni trid u ser tintemm. Fil-fatt, reviżjoni bħal din se tivvendika dak li, għoxrin sena ilu, il-gvern Malti qatt ma xtaq (inkluż il-Prim Ministru Fenech Adami). F’dak iż-żmien, uwa kien imġiegħel jaċċetta dak li ma riedx.

Inċidentalment, il-Protokoll tal-1992 u l-Konvenzjoni tal-1993 kienu parti minn ‘package deal’ maħdum l-aktar minn Celata (li ngħata Ġieħ ir-Repubblika fl-1995). Iżda l-gvern Malti kien b’dahru mal-ħajt u, minkejja l-isforzi kollha li kien għamel biex ma jaċċettahomx, għal diversi raġunijiet ma kienx f’pożizzjoni li dan ma jagħmlux.

Minbarra l-provvedimenti għaż-żwiġijiet, il-pakkett kien jinkludi wkoll l-iskejjel tal-Knisja u l-proprjetà immobbli tal-Knisja. Il-Protokoll u l-Konvenzjoni taż-żwiġijiet kien biss l-aħħar att ta’ negozjati mqanqla u turmentati li kienu saru bejn l-1987 u l-1993, prattikament minn wara dahar kulħadd.

L-atti ta’ qabel kienu rriżultaw f’żewġ Konvenzjonijiet oħra, it-tnejn iffimati fit-28 ta’ Novembru tal-1991: waħda dwar l-Iskejjel tal-Knisja (iffirmata minn Celata u Fenech Adami) u l-oħra dwar il-Propjetà tal-Knisja (iffirmata minn Celeta u l-Ministru tal-Edukazzjoni u l-Intern, Ugo Mifsud Bonnici).

Ġustifikazzjoni u tiswija

Fl-għaġna ta’ dan it-triangolu ta’ oqsma, kien hemm ukoll xewka ħoxna oħra: dik tal-Fakultà tat-Teoloġija. Din il-Fakultà, Mintoff kien qaċċatha mill-Università ta’ Malta fl-1978 flimkien ma’ Fakultajiet oħra, imma fl-1987 il-gvern Nazzjonalista kien intrabat li jirritornaha f’postha, bħalma fil-fatt għamel fl-1988. Din l-istorja kienet ikkumplikata mill-fatt li, f’dik l-istess sena, l-aktar bil-ħidma ta’ Celata, l-Istitut Nazzjonali tal-Istudji Reliġjużi (magħruf bħala INSERM) ġie mxejjen u mgħaqqad mal-Fakultà tat-Teoloġija.

Minħabba li n-negozjati bejn il-gvern Malti u s-Santa Sede dwar il-pakkett ta’ ftehimijiet kienu dwar dawn l-oqsma kollha (barra tal-INSERM), wieħed jista’ jimmaġina kemm kienu kkumplikati. Wieħed irid japprezza l-fatt li n-negozjati ma kinux dwar kull wieħed mill-oqsma seperatament mill-oħrajn. In-negozjati, li l-interess politiku tagħhom fuq iż-żewġ naħat kien qawwi, kienu dwar l-erba’ oqsma kollha f’salt.

Fir-rigward taż-żwiġijiet, dak li biħsiebu jagħmel il-Prim Ministru Muscat jista’ jitqies bħala ġustifikazzjoni tal-pożizzjoni li kellu l-gvern Malti għoxrin sena ilu, kif ukoll bħala tiswija tardiva tal-inġurja li kienet saret lill-Istat sovran Malti.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?