Jum Nazzjonali wieħed

F’diskors li għamel il-President ta’ Malta, Dr George Abela, fit-13 ta’ Diċembru li għadda, reġa’ semma’, kif għamel bosta drabi oħra, il-‘kwestjoni’ tal-Jiem Nazzjonali ta’ Malta. Fil-fatt, din hi kwestjoni li ilha għaddejja diversi snin u qatt ma ġiet risolta b’mod sodisfaċenti. Il-President qal li jidhirlu li aħna, bħala poplu, issa sirna “maturi biżżejjed” biex din il-kwestjoni nsolvuha.

Wieħed u wieħed biss

Jekk il-poplu Malti hux tabilħaqq sar ‘matur biżżejjed’ biex isolvi xi ħaġa ma nafx. Naf li l-President stess wera kemm sirna ‘maturi’ meta ppropona li flok Jum Nazzjonali wieħed, bħalma għandhom il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi kollha tad-dinja, ikollna tnejn: il-21 ta’ Settembru u t-13 ta’ Diċembru – waħda tan-Nazzjonalisti u l-oħra tal-Laburisti. Dik il-maturità kollha!

Minkejja dan, jidhirli li l-President kellu raġun għallanqas meta qal li jeħtieġ li din il-kwestjoni saflaħħar tinġieb fi tmiemha. Bħalissa għandna ħames Jiem Nazzjonali: il-31 ta’ Marzu, is-7 ta’ Ġunju, it-8 ta’ Settembru, u t-tnejn li semmejna hawnfuq. Jidhirli li l-Jum Nazzjonali għandu jkun wieħed u wieħed biss.

Hekk għandhom il-pajjiżi kollha tad-dinja barra xi ftit, bħall-Arġentina, il-Pakistan, il-Litwanja, Ġeorġja, Estonja, Slovenja, l-Indja u l-Ungerija. Dawn il-pajjiżi li semmejt kollha għandhom żewġ Jiem Nazzjonali barra l-aħħar tnejn, li għandhom tlieta kull wieħed.

Definizzjoni tan-nazzjonalità

Hemm argumenti favur u kontra liema mill-ħames Jiem Nazzjonali kurrenti ta’ Malta għandu jingħata l-ġieħ li jitqies l-uniku Jum Nazzjonali tagħna. Ħafna minn dawn l-argumenti jibdew mill-konklużjoni u jippruvaw iġibu l-boċċa qrib il-likk ħalli jgħollu Jum fuq ieħor. Ġeneralment, huma sustanzjalment argumenti politiċi partiġġjani.

Il-Jum Nazzjonali huwa dak li l-aktar jiddefinixxi n-natura kostituzzjonali ta’ nazzjon. Ma naħsibx li għandu x’jaqsam liema Jum għamel lil ieħor possibbli, biex hekk jieħu importanza akbar. F’dan il-każ, bħallikieku nkun qiegħed ngħid li Jum it-Tnissil tiegħi hu aktar importanti minn Jum Twelidi, għax tal-aħħar ma kienx ikun possibbli mingħajr tal-ewwel. Imma safrattant kulħadd Jum Twelidu jiċċelebra.

Minkejja li l-31 ta’ Marzu, is-7 ta’ Ġunju, it-8 ta’ Settembru u l-21 ta’ Settembru huma lkoll dati importanti fil-kalendarju annwali Malti, ma naħsibx li jista’ jingħad li xi wieħed minnhom jiddefinixxi n-natura kostituzzjonali tan-nazzjonalità tagħna bħalma jagħmel it-13 ta’ Diċembru. Għaldaqstant, naħseb li hu dan—Jum ir-Repubblika—li għandu jitqies l-uniku Jum Nazzjonali ta’ Malta.

Jum ta’ kulħadd

L-għażla ta’ dan il-jum għandu jsib kunsens biżżejjed sabiex jiġi ddikjarat bħala l-uniku wieħed nazzjonali tagħna (filwaqt li l-erbgħa l-oħra jibqgħu Jiem Pubbliċi). Fil-fatt, huwa l-quċċata tal-kisbiet kostituzzjonali kollha tagħna u l-uniku wieħed li jiddefinixxi għal kollox in-natura kostituzzjonali Repubblikan tan-nazzjon Malti.

Dan ma jagħmluhx il-Jiem l-oħra li bħalissa huma nazzjonali wkoll. Anzi, dawn l-erbgħa huma kollha kontenzjużi, jiġifieri jfakkru xi antagoniżmu għal xi ħadd: waħda minnhom kontra l-Mislem (8 ta’ Settembru) u t-tlieta l-oħra kontra l-Britanniċi. Il-Jum Nazzjonali m’għandux ikun kontenzjuż kontra ħadd.

Infatti, Jum il-Repubblika mhuwiex hekk. Dan il-jum, la hu tan-Nazzjonalisti u lanqas tal-Laburisti; huwa tal-poplu Malti kollu. L-istat kostituzzjonali li jimmarka ġie mwaqqaf fl-1974 fuq proposta ta’ Mintoff, tabilħaqq, imma bil-vot tal-Kamra tad-Deputati kważi kollha, inkluż il-biċċa l-kbira tan-Nazzjonalisti. Dak in-nhar naħseb li kienet intweriet maturità partikularment speċjali mir-Rappreżentanti tal-Poplu taż-żewġ naħat.

Maturità tassew

Jekk għandu jiġi magħżul Jum Nazzjonali wieħed u wieħed biss—kif jidhirli li għandu jkun—allura naħseb li dan għandu jkun Jum ir-Repubblika, it-13 ta’ Diċembru. Jien għandi qima lejn l-erba’ dati l-oħra li llum huma nazzjonali wkoll. Imma jidhirli li jkun biżżejjed jekk dawn isiru Jiem Pubbliċi u ma jibqgħux ukoll Nazzjonali.

Jidhirli wkoll li hu b’għażla ta’ Jum Nazzjonali wieħed u wieħed biss li tintwera tabilħaqq il-maturità ta’ dan il-poplu. Saflaħħar, inkunu ħallejna fil-ġenb il-pika puwerili tagħna (kemm kontra Maltin ħutna stess, kemm kontra l-Britanniċi u kemm kontra l-Mislem) u ngħaqadna biex niċċelebraw l-ogħla u l-aqwa kisba kostituzzjonali tagħna li għamlitna n-nazzjon li aħna bl-ideali Repubblikani li għandna.

Comments

  1. Mark, jiena naqbel miegħek mija fil mija li l-Festa Nazzjonali għanda tkun dik tal-Jum ir-Repubblika. Dak in-nhar Malta VERU saret ragħja fideja bil-Kap tal-pajjiż Malti bħalna u ma kienietx aktar tikmanda r-Reġina tal-Ingilterra. Fuq kollox kienu ivvutaw għaliha kważi il-Parlamentari kollħa barra xi ħamsa... inkuluż Eddie Fenech Adami, Guido de Marco, Ċensu Tabone u Ugo Mifsud Bonnici dawn kollha kien u Presidenti ta’ Malta Repubblika.

    ReplyDelete
  2. Għażiż Mark,

    Fil-waqt li naqbel miegħek li l-kriterju li għandu jiġi użat biex jiġi stabbilit Il-Jum Nazzjonali “huwa dak li l-aktar jiddefinixxi n-natura kostituzzjonali ta’ nazzjon”, ma naqbilx mal-argumenti u l-konklużjoni tiegħek li huwa Jum ir-Repubblika li jissodisfa dan il-kriterju. Biex tasal għal konklużjoni bażata fuq dak il-kriterju trid (i) l-ewwel tanalizza sewwa x’inhu dak li jagħti n-natura kostituzzjonali ta’ nazzjon u (ii) mbagħad tanalizza l-istorja ta’ Malta biex tiddentifika l-jum meta Malta ssodisfat dik il-kondizzjoni jew kondizzjonijiet li joħorġu minn dik l-analisi.

    Il-kondizzjoni essenzjali tan-“natura kostituzjonali ta’ nazzjon” jew a ‘nation state’ huwa s-self determination – “the legal right of people to decide their own destiny in the international order” Dan huwa dritt fondamentali tal-liġi internazzjonali rikonoxxut ukoll fil-United Nations Charter bħala “a right of all peoples”. Il-poplu Malti kiseb dan id-dritt fil-21 ta’ Settembru 1964 wara eluf ta’ snin ta’ dominanza barranija. L-għajta tal-poplu biex jieħu d-destin f’idejħ ġiet attwalizzata f’ jum l-indipendenza. Malta ġiet rikonoxxuta bħala nazzjon-stat sa minn dik id-data kif jidher mit-trattati internazzjonali li Malta daħlet fihom f’isimha sa minn dik id-data inkluż sħubija fin-Nazzjonijiet Uniti. Il-fatt li r-reġina Ingliża kienet il-kap tal-istat bl-ebda mod ma jtellef minn din in-natura. Mingħajr ma nidħol f’ argumenti tekniċi, ma naħsibx li hemm xi ħadd li jargumenta li l-Awstralja u l-Kanada m’ għandhomx “n-natura kostituzzjonali ta’ nazzjon” għaliex għandhom bħala kap ta’ stat ir-reġina Ingliża.

    Il-bidla kostituzzjonali biex Malta saret Repubblika kienet bidla tajba u importanti però ċertament ma kenitx bidla li ġabet “n-natura kostituzzjonali ta’ nazzjon” għaliex dan, kif spjegat, kien ġa miksub fis-sena 1964. L-analoġija tiegħek dwar it-tnissil u t-twelid ma tapplikax għaliex sew kostituzzjonalment kif ukoll skond il-liġi u użanzi internazjonali, Malta twieldet bħal nazzjon meta l-poplu Malti ħa d-destin tiegħu f’idejħ fil-21 ta’ Settembru 1964.

    Il-fatt li l-kisba tal-indipendenza ta’ Malta wara snin sħah ta’ kolonjaliżmu saret kwistjoni ta’ politika partiġjana jew il-fatt li l-maġġoranza fil-Parlament approvaw il-bidla kostituzzjonali li biha Malta saret Repubblika jistgħu ikunu fatti li jinfluwixxu fuq l-għazla tal-Jum Nazzjonali però il-fatt jibqa’ li l-unika jum li jissodisfa l-kriterju li stabbilejt inti huwa Jum l-Indipendenza. Jekk ser nagħżlu jum nazzjonali fuq kriterju ieħor allura ma nkunux qed nagħmlu għażla ‘awtentika’ u jkun aħjar li ma nċaqalqu xejn għal issa.

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?