Saflaħħar ...

Saflaħħar waslet l-aħħar ġimgħa ta’ din il-kampanja elettorali li damet wisq u wisq u wisq. It-tul tagħha qata’ nifs kemm lill-protagonisti tagħha u kemm lill-ispettaturi. Kienet qisha ħolma kerha li ma trid tispiċċa qatt, jew telenovella li l-produtturi ġebbdu u tawwlu kemm felħu mingħajr kas li tilfu l-fil tal-istorja. Għall-grazzja t’Alla, fi żmien ġimgħa biss din il-kedda tkun intemmet u diġà bdiet tintesa.

Eżawriment

L-eżawriment hu evidenti. Wara erba’ ġimgħat ta’ kampanja, beda millewwel jidher ċar li l-argumenti ewlenin tal-protagonisti kienu bdew jinxfu u jitnawru. L-ewwel xahar kien interessanti, maħdum sew u meqjus (speċjalment min minn kien aktar ippreparat minn ħaddieħor). Kien hemm binja fl-argumenti li żammet l-attenzjoni u ħolqot aspettattiva.

Iżda wara dak l-ewwel xahar, min ma kellux wisq xi jgħid sa mill-bidu beda dieħel aktar fl-element tiegħu u jrabbi l-kunfidenza. Dan minħabba li l-kampanja bdiet dejjem aktar tieħu x-xejra ta’ kampanji preċedenti ta’ tmaqdir u tgħajjir. Dan kien aktarx inevitabbli meta tqis it-tul żejjed tagħha.

Trid sustanza u fibra morali konsiderevoli sabiex, f’ċirkustanzi bħal dawn, tibqa’ pożittiv. Infatti, min ma kellux xi waħda jew oħra minn dawn, ma rnexxilux. Imma min kellu, ħareġ aktar ta’ nies. Huwa faċli toħroġ ta’ raġel f’ċirkustanzi normali; huwa ammirevoli meta ċ-ċirkustanzi jkunu straordinarji.

Spettaklu

Kampanja elettorali hi dejjem xi ftit jew wisq spettaklu. Għal xi wħud li jifirħu b’kollox, din id-darba wkoll kellhom xalata. Għal oħrajn li jistennew xi ħaġa aktar, l-ispettaklu kien wieħed tedjanti u repetittiv. Imn’alla f’dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm spettakli oħra għaddejjin, bħall-burraxki fl-Italja u l-addiji fil-Vatikan. Għallanqas dawn kien fihom x’tara.

Iżda hawnhekk, biex iżid mal-kruha ta’ skandli mikxufa, l-ispettaklu ddeġenera aktar u aktar għal xejra kattiva u immorali meta mijiet għażlu li jmorru jiżżuffjettaw b’persuna li aktarx ma tafx b’mod ieħor. Kien patetiku li tara dal-mijiet jidħqu b’ħaddieħor filwaqt li huma stess ma jafux jidħqu bihom infushom u bir-redikolaġni tagħhom stess.

Anki l-kummiedja Taljana ta’ Grillo hi aktar politikament matura mill-ispettaklu Malti li rajna f’dawn l-aħħar ġimgħat. Xejn xejn, tal-ewwel uriet kemm għandha subgħajha fuq il-polz tal-fibra Ewropea, filwaqt li tat-tieni wriet kemm aħna żgħar fil-politika tagħna u maqtugħa mid-dinja ta’ madwarna.

Provinċjaliżmu

Għal ħafna nies, għal darba oħra l-kampanja elettorali kienet tinġabar f’kelma waħda biss: ‘Nirbħulhom?’ Dan biss kien li jinterassahom. X’jinpurahom x’inhuma l-argumenti tal-kontestanti jew il-kuntest Ewropew! Kien u għadhom jinpurtahom biss humiex se joħorġu rebbiħin fuq l-oħrajn; min se jifraħ nhar il-Ħadd.

Din hi politika tipika ta’ post provinċjali li jrid jippreżumi li jilgħab mal-kbar mingħajr ma jaf jew għandu l-ħila. Minkejja l-isforz ammirevoli ta’ xi wħud biex jagħtu impressjoni oħra, ma jidhirx li s’issa nistgħu b’mod ġenerali nilmħu xi maturità politika li tagħtina ġieħ. Għadna politikament tfal u immaturi daqstant.

Il-ħasra hi li, meta minn nhar il-Ħadd ’il quddiem l-affarijiet jerġgħu jibdew jiġu għan-normal, tintebaħ li l-biċċa l-kbira ma jkunu tgħallmu xejn; jerġgħu jitfgħu taħt it-tapit dak li jmisshom jistħu minnu, lest hemmhekk biex joħroġ ħames snin oħra.

Tama ċkejkna

Jien nammira l-għajta ta’ xi wħud li għandna nibdew paġna ġdida fil-mod kif nagħmlu l-politika f’pajjiżna. Iżda wisq nibża’ li din hija biss għajta oħra fid-deżert. Tassew għandna bżonn li l-istil tal-politika lokali jinfatam minn suriet qodma u sorpassati. Iżda meta dan il-bżonn se jibda jsir realtà ma nafx kemm jinsab fil-qrib.

Sadattant, nissaportu l-aħħar ġimgħa ...

Comments

  1. Naqbel mieghek f'kollox Mark, apparti fuq il-mijiet li ghidt li marru jizzuffjettaw b'xi hadd. Ma nahsibx li l-individwu li qed tirreferi ghalih hassu b'xi mod umiljat jew iddizappuntat bil-massa li kellu quddiemu. Anzi nemmen li ha pjacir bl-attenzjoni daqs kemm ha pjacir min mar jarah. Nemmen li n-nies tant iddejqet bil-politika kif nafuha, u tant tilfet il-fiducja fil-politikanti b'mod generali, li dan l-individwu pprovdielhom sors ta' comic relief u ppermettielhom biex jiehdu l-kampanja fuq nota leggera. Iktar milli n-nies izzufjettat bih, nahseb iktar kien hu li rnexxielu jizzuffjetta bis-sistema politika.

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?