17 ta’ April: Jum Manwel Dimech

F’Malta ma jidhirlix li għandna provvedimenti fil-liġi sabiex jistabbilixxu Jum Kommemorattiv li la jkun Festa Nazzjonali u lanqas Btala Pubblika. F’pajjiżi oħrajn, jiem bħal dawn isiru b’kunsens popolari, imbagħad b’reżoluzzjoni tal-Kamra tar-Rappreżentanti rispettivi tagħhom u finalment bi Proklamazzjoni tal-Kap tal-Istat.

Jum Kommemorattiv

Appuntamenti uffiċjali bħal dawn jingħataw ismijiet differenti skont il-pajjiż. Fl-Amerika u fil-Gran Britannja jissejħu ‘Jiem Kommemorattivi’; b’bosta pajjiżi oħrajn jissejħu ‘Jiem ta’ Tifkira’ jew ‘Jiem ta’ Għarfien’. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-Jiem mhumiex festi nazzjonali jew btajjel pubbliċi. Huma biss jiem li jagħtu ġieħ lil xi persuna biex ixerrdu l-ideali tagħha, jew jiem li fihom titfakkar xi tema partikulari sabiex ikompli jitqajjem għarfien dwarha.

Biex nagħti biss żewġ eżempj, insemmi l-ewwel ‘Jum Helen Keller’ fl-Amerika. Dan il-Jum ġie pproklamat mill-President Jimmy Carter fid-19 ta’ Ġunju tal-1980 f’għeluq il-100 sena mit-twelid ta’ Keller. Dan sar wara li resoluzzjoni konġunta tal-Kungress awtorizzat lill-President sabiex jistabbilixxi s-27 ta’ Ġunju ta’ kull sena bħala ‘Jum Helen Keller’ “bħala sinjal ta’ ġieħ għall-kisbiet tagħha”.

Eżempju ieħor jista’ jkun ‘Jum Guy Fawkes’ fl-Ingilterra. Dan il-Jum ġie pproklamat b’Att tal-Parlament fit-23 ta’ Jannar tal-1606 u stabbilit għall-5 ta’ Novembru ta’ kull sena “b’radd il-ħajr lil Alla l-Imbierek”.

Kemm Jum Helen Keller, kemm Jum Guy Fawkes u kemm diversi Jiem oħra kommemorattivi madwar id-dinja la huma uffiċjalment Jiem Nazzjonali u lanqas btajjel pubbliċi. Huma jiem ta’ tifkira u għarfien marbuta madwar il-kommemorazzjoni ta’ persuni sinifikanti fl-istorja tan-nazzjon rispettiv tagħhom u l-valuri li jirrappreżentaw.

Jum Manwel Dimech

Manwel Dimech miet fis-17 ta’ April tal-1921. Nhar l-Erbgħa jagħlaq 92 sena mejjet. Jiena jidhirli li, minħabba l-importanza li dan il-bniedem għandu fl-istorja soċjali u politika tagħna, is-17 ta’ April ta’ kull sena għandu jiġi uffiċjalment ipproklamat ‘Jum Manwel Dimech’.

Dan il-jum la jkun Jum Nazzjonali u lanqas Btala Pubblika skont kif definit f’Kapitlu 252 tal-Liġijiet ta’ Malta. B’Proklama tal-President ta’ Malta, ikun sempliċiment jum kommemorattiv uffiċjali li jħalli għal kollox f’idejn l-inizzjattiva u l-kreattività taċ-ċittadini li jfakkruh kif iħossu huma li jkun l-aktar xieraq.

‘Jum Manwel Dimech’ jagħti l-opportunità mill-aqwa lill-poplu Malti li jkompli jistħarreġ u jiskopri l-ideali li għalihom ħadem, bata’ u miet Dimech. Fl-istess waqt, ikun jum li fih il-poplu Malti jkun jista’ jagħraf aktar lilu nnifsu, l-għana tal-ġid nazzjonali li għandu, kif ukoll il-ħtieġa li jibqa’ dejjem jitgħallem u jitħarreġ kif iħares id-demokrazija u jkabbarha.

Isem Manwel Dimech jirrappreżenta aktar minn sempliċi personalità ta’ bniedem wieħed. Dimech hu xbieha ta’ poplu fix-xewqa, ir-rieda u l-ħidma tiegħu sabiex ikun stmat fil-komunità tan-nazzjonijiet. Dimech huwa ikona nazzjonali fl-isbaħ ilwien tagħha.

Jum għal ġieħna

Imma fl-istess waqt, Dimech jirrappreżenta wkoll lil kull ċittadin individwali. Għaldaqstant, mhuwiex biss ikona ta’ statura nazzjonali imma wkoll ikona tal-persuna umana. Dimech jirrappreżenta l-ġieħ u d-dinjità li għandha, u jixraq li tingħata dejjem, kull persuna.

Jien jidhirli—u nifhem li hawn eluf li jistgħu jaqblu miegħi—li dak li Dimech jirrappreżenta fuq livell uman, soċjali, politiku u kostituzzjonali għandu jkun rikonoxxut u mfakkar fil-kalendarju annwali tan-nazzjon. ‘Jum Manwel Dimech’ kull 17 ta’ April ikun jum li, qabel kollox, jagħti ġieħ lilna nfusna u liċ-ċiviltà tagħna stess.

Kull sena, ikun ukoll jum li jistieden liċ-ċittadin sabiex, bi kreattività u inventiva, jiċċelebra l-valuri li kabbruh u għamluh poplu sovran. Imma wkoll iħares ’il quddiem lejn futur li dejjem iħares id-dritt ta’ kull wieħed u waħda minna li jkun ħieles, rispettat u emanċipat.




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?