Bidliet kostituzzjonali

Il-gvern il-ġdid, immexxi minn Joseph Muscat, rebaħ il-mandat li jmexxi l-pajjiż b’intenzjoni, fost
ħafna intenzjonijiet oħrajn, li jibdel il-Kostituzzjoni ta’ Malta u jinawgura dak li qiegħed isejjaħ it-‘Tieni Repubblika’. Dwar dan bdew id-diskussjonijiet fil-magħluq u fil-miftuħ. L-intenzjoni tidher li se titwettaq.

Liema attitudni?

Il-problema mhijiex li l-intenzjoni se titwettaq, għax din aktarx li nistgħu nkunu xi ftit jew wisq ċerti minnha. Il-problema hi KIF se titwettaq. M’għandix f’moħħi hawnhekk IL-PROĊESS li bih se titwettaq, għax jidher li se jkun hemm, bħalma diġà hawn, konsultazzjoni xi ftit jew wisq wiesgħa. Minn daqshekk, il-proċess demokratiku jidher li qiegħed (u se) jiġi rrispettat.

Għandi aktar f’moħħi hawnhekk L-ATTITUDNI li qiegħda (jew se tkun qiegħda) tittieħed sabiex titwettaq l-intenzjoni, jiġifieri L-ISPIRTU li bih se din il-biċċa xogħol importanti qiegħda (jew se tkun qiegħda) tissawwar u titgħaġġen.

Pass bħal dan mhuwiex ħafif u lanqas ma hu superfiċjali ... dejjem jekk l-intenzjoni titwettaq bis-serjetà u mhux b’xi mod superfiċjali jew perfunzjonarja, li ma nemmix. Għaldaqstant, jeħtieġ ħafna kuraġġ. Jekk l-attitudni bażika ta’ xi bidla fil-Kostituzzjoni hija kkaratterizzata minn biża’ jew pussillanimità, aħjar ma jsir xejn u nħallu kollox kif inhu.

Bil-biża’ u l-pussillanimità ma jitwaqqfux Tieni Repubblikijiet.

’Il quddiem mhux lura

Qiegħed ngħid hekk għax diġà jidher li xi konservattivi qegħdin jilqgħu din l-intenzjoni tal-gvern sabiex IREĠĠGĦU LURA jew idghajfu ċerti provviżjonijiet kostituzzjoni li ma jogħġbuhomx wisq. Iridu li, flok ifasslu Kostituzzjoni li hi aktar avvanzata fl-ideali repubblikani tagħha, joħolqu waħda li trattab jew saħansitra xxejjen għal kollox l-istess ideali.

Jien nifhem li jekk il-gvern għażel li jwettaq din l-intenzjoni tiegħu, li għaliha għandu mandat qawwi, daħal għaliha bil-ħsieb li l-affarijiet imorru ’l quddiem mhux lura. Il-gvern għandu jkun kuraġġuż biżżejjed sabiex ma jibżax ‘iħarrax’ il-provvedimenti repubblikani li diġà jeżistu fil-Kostituzzjoni u għandu jdaħħal fiha provvedimenti repubblikani u liberali li s’issa mhumiex fiha.

L-agħar ikun li l-gvern stess, b’xi politika ta’ ‘nikkuntentaw lil kulħadd’, iwettaq din il-biċċa xogħol mingħajr il-kuraġġ meħtieġ jew ukoll mingħajr fermezza, awdaċità jew kunfidenza. Jekk jiġri hekk, mhux it-‘Tieni Repubblika’ ma jkollniex, imma lanqas l-ewwel waħda!

Infatti, inkunu tlifna opportunità storika rari li Alla biss jaf meta tista’ terġa’ titfaċċa.

Kuraġġ u awdaċità

Dan m’inix qiegħed noħolmu. Ċerti stqarrijiet li l-gvern DIĠÀ għamel rigward xi partijiet tal-Kostituzzjoni donnhom juru (Nittama li żbaljat) li dan it-taħriġ se jkun wieħed fjakk, indulġenti u forsi saħansitra patetiku, għallanqas f’xi partijiet minnu.

Din mhijiex l-attitudni x-xierqa għal taħriġ bħal dan. Il-gvern għandu mandat tant qawwi li jista’ u għandu jkun esiġenti u ambizzjuz ħafna fil-bidliet kostituzzjonali li jitlob li jsiru. B’denbu taħt il-blat m’għandux għalfejn joqgħod. U wisq anqas b’denbu bejn saqajh.

Jidhirli li l-mudelli kostituzzjoni barranin li lejhom inħarsu f’dan kollu għandha tkun lejn Kostituzzjonijiet li l-ideali liberali laħħmuhom fl-implikazzjonijiet kollha tagħhom, u mhux lejn Kostituzzjonijiet li huma miżgħuda kompromessi mal-prinċipji repubblikani.

Kien biss il-kuraġġ u l-awdaċità li għamlu possibbli l-bidliet kostituzzjonali l-kbar fl-istorja reċenti ta’ pajjiżna. Mingħajrhom ebda bidliet sinifikattivi u storiċi ma jistgħu jsiru. Il-gvern jeħtieġ li la jabbanduna l-waħda u lanqas l-oħra jekk irid iniedi xi ‘Tieni Repubblika’.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?