L-isteriżmu tal-massa

Ħafna drabi, it-termini ‘isteriżmu tal-massa’ jintużaw sabiex jirreferu għal sintomi mentali negattivi li
jibdew jidhru f’aktar minn persuna waħda f’salt. Ismijiet oħra li jintużaw għall-istess fenomenu stramb huma ‘ġenn kollettiv’, ‘ġenn tal-grupp’ jew ‘ossessjoni kollettiva’. Ħafna jaħsbu li dan hu rari. Iżda l-fissazzjoni f’daqqa ta’ għadd imdaqqas jew ta’ għadd kbir ta’ nies mhux dejjem ikun fantastiku jew straordinarju.

Dan l-aħħar

Tassew, meta ngħidu li xi ħadd kien isteriku, ġeneralment nifhmu li għamel frattarija, ġab ruħu bl-aktar mod inkredibbli u għamel tratti tal-indemonjati. Iżda meta għandek isteriżmu tal-massa mhux bilfors l-affarijiet jieħdu xejra tal-għaġeb bħal din. Il-massa tista’ taġixxi b’ġenn kollettiv aktar seren, ikkalkulat u meqjus.

Ftit ilu dan rajnih hekk kif ersaqna lejn il-jum tal-elezzjoni ġenerali. Il-biċċa l-kbira tan-nies qishom bdew jagħtu l-ħabel lil xulxin ħalli f’dak il-jum ‘jagħmlu dmirhom’. Fil-jum innifsu, ma kulmin tiltaqa’ kien jistaqsik, ‘ivvutajt?’, ‘għamiltu dmirek?’, ‘int ġa lest?’, ‘mort tivvota?’, bħallikieku din kienet xi ħaġa li ħadd ma seta’ jgħaddi mingħajrha.

Rajnih ukoll il-ġimgħa li għaddiet fl-hekk imsejħa ‘ċelebrazzjonijiet’ tal-Ġimgħa Mqaddsa, fejn ħafna nies jew jintefgħu f’sentimentaliżmi reliġjużi jew jieħdu vaganza ta’ xalar sfrenat.

In-nies iġennu lil xulxin u jdaħħlu f’moħħ xulxin li hekk biss kien xieraq: li lkoll jaġixxu qishom moħħ wieħed; bħallikieku li ma tagħmilx bħall-massa, ma tkunx ‘normali’; donnu jekk ma tisseħibx f’dak l-aġir komuni, int m’inix bniedem tad-demm u l-laħam.

Delużjonijiet ivvintati

Il-massa hi kkmandata daqskemm tikkmanda. Toqgħod għall-pressjoni daqskemm toħloq pressjoni. L-isteriżmu tagħha, jiġifieri l-fissazzjoni fuq aġir komuni partikulari, jaħkimha daqskemm hi stess taħkem lil ħaddieħor. Il-ġenn tal-merħla li tiffissa li tmur kollha kemm hi f’direzzjoni u mhux f’oħra, jagħfas fuq kulħadd biex jiġġarrab mill-istess ossessjoni.

Dan l-aġir kollettiv hu delużjonali, jiġifieri hu aġir immotivat minn ħwejjeġ fantastiċi li jivvinta xi ħadd u dik l-invenzjoni titferrex u tinfirex minn persuna għal oħra bħal epidemija. Mingħajr ma taf kif, malajr l-aġir kollettiv isir ‘dmir’. Malajr il-merħla tagħmel ‘liġi’ mill-manija u l-passjonijiet tagħha.

Wieħed irid ikun tabilħaqq biered biex ma jinħakimx minn dawn id-‘dmirijiet’ ivvintati u dawn l-entużjażmi maħluqa. F’waqtiet ta’ pressjoni u anzjetà dan hu diffiċli ħafna. Għax il-massa għandha ħabta tgħaffeġ lil kulħadd taħt it-toqol tagħha u ġġiegħel lill-biċċa l-kbira tan-nies jaħsbu bħalha.

Sanità mentali u etika

Il-midja kollha tkompli żżid ma’ din il-pressjoni u ma’ dan it-toqol. Il-midja tagħti impressjonijiet li ma jeżistux, iżda li toħloqhom hi, jew tkabbarhom, sabiex tagħmel il-qligħ minn fuqhom. Għal ħafna nies, dak li tgħid il-midja (li jsegwu huma) huwa vanġelu; jeħduh bħala ben fatt, u jxerrduh madwarhom u jġennu lil ħaddieħor bih.

Il-massa u l-isteriżmu tagħha—bid-‘dmirijiet’ maħluqa tagħha, bir-responsabbiltajiet ivvintati tagħha u bl-obbligazzjonijiet iffabbrikati tagħha—iġġib in-nies qishom nagħaġ li joqogħdu għaliha u jmorru fejn tiddetta hi. Dan il-ġenn minn dejjem kien marda soċjali, iżda kompla jikber mal-effiċjenza tal-mezzi teknoloġiċi tal-mezzi ta’ komunikazzjoni li llum, lanqas jekk trid, ma tista’ tevita.

Jeżistu tassew dmirijiet, responsabbiltajiet u obbligazzjonijiet, bla dubju, iżda dawn mhumiex dawk li tissuġġerixxi jew tħaddan il-massa. Ċertament, jekk wieħed irid iżomm is-sanità ta’ moħħu u tal-aġir tiegħu xi ftit jew wisq intatta jrid jevita l-massa. Fuq kollox, irid jara kif jagħmel biex ma jinħakimx mill-isteriżmu tagħha.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?