Next: North Korea

Wara l-operazzjonijiet militari tal-Istati Uniti tal-Amerika fl-Iraq, il-Libja u l-Afganistan, issa jidher li ġejja d-daqqa tan-Nord Korea. It-tensjonijiet ilhom jinbnew ix-xhur, sa millanqas Diċembru li għadda, meta n-Nord Korea sostniet li tefgħet satellita fl-ispazju. Iżda issa, li hemm suspett li qed tħejji taħriġ nukleari ġdid, l-Amerika donnha qiegħda tikkarga għal ġlieda.

Ferq fratiċida

Il-Korea tan-Nord u l-Korea tas-Sud qishom żewġ t’itfal żgħar imqabbdin ma’ xulxin. L-ossessjoni inkredibbli li għandhom b’xulxin tasal sal-punt ta’ inkejja banali. Il-problema tagħhom bdiet fl-1945—kważi 70 sena ilu—meta l-art relattivament ċkejkna ta’ 200,000 km kwadrat fil-lvant tal-Asja ġie mifruq fi tnejn: il-parti tan-nord maħkum mill-Unjoni Sovjetika u l-parti tas-sud mill-Istati Uniti tal-Amerika.

Dan seħħ wara li l-Ġappun, li kien ilu jaħkem il-Korea sa mill-1910, tilef it-Tieni Gwerra Dinjija. Fl-1948, sentejn wara l-ferq taż-żewġ Korej minn xulxin, il-Ġnus Magħquda ħolqot żewġ gvernijiet separati, wieħed għal kull żona maħkuma. Il-ġlied bejniethom beda millewwel u skala fl-1950 f’gwerra fratiċida.

Wara tliet snin ta’ ġlied aħrax, għalkemm ftehmu li jieqfu mill-ġlied, iż-żewġ Korej qatt ma ffirmaw trattat formali ta’ paċi u hekk baqgħu sallum uffiċjalment fi stat ta’ gwerra kontra xulxin. Il-Ġnus Magħquda seħbithom magħha separatament fl-1991. Kemm in-Nord u kemm is-Sud huma armati sa snienhom u t-theddida tagħhom hija saħansitra nukleari. Kemm ir-Russja u kemm l-Amerika qatt ma waqfu jindaħlu fi ħwejjeġ interni tal-Koreani tan-Nord u tas-Sud rispettivament.

Amerika ġellieda

L-Istati Uniti tal-Amerika donnha ma tafx toqgħod mingħajr xi gwerra. Mir-Revoluzzjoni kontra l-Gran Britannja fl-1774 lil hawn, jiġifieri f’madwar żewġ seklu u nofs, prattikament ma kien hemm qatt sena waħda li fiha l-Amerika ma kellhiex suldati qegħdin jiġġieldu xi mkien f’darha stess jew fid-dinja.

F’dawn is-snin, l-Amerika kellha madwar 100 operazzjoni militari maġġuri madwar id-dinja kollha, b’14 minnhom jitwettqu fl-aħħar 25 sena biss. L-aħħar operazzjonijiet kbar kienu fil-Libya u l-Afganistan, iżda bħalissa l-Amerika għandha madwar disgħa oħrajn għaddejjin, fosthom fl-Irak, il-Pakistan, il-Jemen, is-Somalja u fil-Magreb.

Fis-Sud Korea, bl-iskuża perenni li trid tħares l-interessi demokratiċi tas-Sud-Koreani, l-Amerika żżomm bażijiet militari preżenti bħala strateġija kontra ċ-Ċina, li tinsab mal-elf kilometru biss ’il bogħod. L-oppożizzjoni ta’ ħafna Sud-Koreani kontra l-indħil Amerikan f’pajjiżhom hija konsiderevoli. Iżda dan ftit jaffettwa lill-politiċi Amerikani u Sud-Koreani li jibqgħu labranzetta u mlebilbin għall-ġlied.

Paċi u ftehim

Anzi, minħabba l-azzjonijiet paċifiċi u paċifisti tagħhom, iluf ta’ Sud-Koreani ġew arrestati, mitfugħa l-ħabs u saħansitra ġarrbu l-konfiska tal-artijiet u d-drittijiet ċivili tagħhom fl-aħħar ħames snin. Dawn mingħand gvern suppost demokratiku mija fil-mija appoġġjat mill-Amerika. Fost dawn in-nies, hemm għexieren ta’ sorijiet u saċerdoti Kattoliċi bħalna.

Is-sitwazzjoni qiegħda ssir dejjem aktar preokkupanti minħabba li issa s-Sud Korea u l-Amerika reġgħet qed tisħnilhom rashom kontra n-Nord Korea. Min-naħa l-oħra, in-Nord Korea qiegħda żżid fid-diskorsi anti-Sud u anti-Amerika tagħha. Minn Marzu lil hawn, l-akkużi ta’ naħa kontra oħra ħraxu. Aktar kmien dan ix-xahar, żdiedu fuq iż-żewġ naħat it-tħejjijiet għal gwerra diretta kontra xulxin. L-Amerika donnha reġgħet qed tfittex skuża biex, wara l-Afganistan, ma tħallix is-suldati tagħha b’idejhom fuq żaqqhom.

Għalkemm madwar 7,500 kilometru ’l bogħod minna, jidhirli li aħna l-Maltin kollha, bħala ċittadini ta’ nazzjon kostituzzjonalment iddedikat għall-paċi, għandna nappoġġjaw bis-sħiħ lil kulmin fid-dinja jħobb il-paċi u jaħdem għaliha, inkluż dawk il-qalbiena fost is-Sud-Koreani u n-Nord Koreani li jridu l-paċi f’pajjiżhom u fl-Asja.

Żgur li kulmin fostna jħobb il-paċi ma jridx li terġa’ tiġi gwerra oħra Koreana, li l-aħħar waħda, bejn l-1950 u l-1953, ħalliet maż-żewġ miljuni u nofs ruħ mejta. Paċi u ftehim fil-Korea!

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?