Imħabba akbar minn din

Huwa ta’ min jammirahom dawk in-nies li jinkwetaw u xi minn daqqiet jissieltu għal kawżi li mhumiex tagħhom. Tifhimha li bniedem jinkwieta, jissielet u jiddefendi xi ħaġa li tmissu mill-qrib. Imma li bniedem jagħmel dan għal xi ħaġa li ma jkollhiex x’taqsam miegħu direttament hi tal-għaġeb. Jekk tal-ewwel tista’ tissejjaħ imħabba, kemm aktar tat-tieni. Anzi, nistgħu ngħidu li m’hemmx imħabba akbar minn din.

Imħabba miskina

Ġesù fil-vanġelu jingħad li jgħid: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:13). Possibbli!? Naħseb li tkun akbar l-imħabba jekk wieħed jagħti ħajtu għal dawk li ma jkunux ħbieb tiegħu. U aktar kbira minn hekk tkun l-imħabba jekk wieħed jagħti ħajtu għall-għedewwa tiegħu. Ma taħsibx?

Allura għala Ġesù jidher li qiegħed isemmi lill-ħbieb biss? Il-kliem Grieg fil-vanġelu għal ‘ħbiebu’ huwa ‘ton filon autou’, jiġifieri litteralment dawk li ‘(għandhom) il-ħbiberija tiegħu’. Dan ma jeskludix la lill-għedewwa u lanqas min ma tafux. Għalkemm huma jistgħu ma jkunux ħbieb tiegħek, dan ma jfissirx li int ma tkunx ħabib tagħhom; l-istess bħalma tista’ tħobb lil min ma jħobbokx.

Tkun tabilħaqq imħabba miskina dik li għaliha tkun lest tissagrifika ruħek biss għal min jirrispettak u jurik affett. Kemm hi ferm akbar l-imħabba meta minħabba fiha s-sagrifiċċju jsir għal min ma tafux jew la jurik rispett u lanqas affett!

L-interess dirett

L-imħabba ta’ ħafna nies hija aktar minn tal-ewwel milli minn tat-tieni. Tara li ħafna drabi jkunu lesti li jagħmlu minn kollox, jissagrifikaw kollox, għal dawk li b’xi mod iqisuhom ħbieb tagħhom. Iżda l-imħabba tagħhom tieqaf hemm. Mhijiex ġeneruża biżżejjed biex tinkludi lil kulħadd u lid-dinja kollha.

Minn hawn jiġi li, fil-ħidma tiegħi mal-ħabsin, kont nammira ferm aktar lil dawk li jgħinuni minkejja li ma kellhom ’il ħadd il-ħabs milli lil dawk li kellhom. Għax filwaqt li dawn tal-aħħar kellhom interess dirett, l-oħrajn ma kellhomx. Dak li għamlu għamluh b’ġenerosità akbar ta’ mħabba.

Illum issib ħafna li jagħmlulek ħidmiet, anki voluntarjament, f’oqsma ta’ servizz li fihom għandhom interess dirett mal-benefikarji kkonċernati (bħall-morda, ngħidu aħna, jew l-ħandikappati). Min-naħa l-oħra, benefikarji li ma jistgħux joħolqu relazzjoni ta’ interess dirett bħal dan ħafna drabi ftit issib lil min ikun lesti li jissagrifika imqar ħames minuti għalihom (ngħidu aħna bħall-annimali jew l-ambjent).

Imħabba straordinarja u divina

L-għana ta’ soċjetà ġeneruża jiġi aktar meta tara jitkattru dawn tal-aħħar milli dawk tal-ewwel. Kulħadd għandu l-ħila jħobb dak li jqisu bħala tiegħu, iżda ftit issib lil min jaf iħobb ukoll dak li mhuwiex. Hija hawn il-prova tal-imħabba. Huwa f’dan li tintwera l-ġenerosità.

Għaldaqstant, nifhem ukoll li dawn tal-aħħar għandhom ikollhom aktar għajnuna, kemm ta’ finanzi u kemm ta’ riżorsi oħra, kemm mill-privat u kemm mill-fondi pubbliċi, milli dawk tal-ewwel. Għax filwaqt li dawk qegħdin jagħmlu xi ħaġa naturali u ovvja, dawn qegħdin jagħmlu xi ħaġa straordinarja u saħansitra divina.

Ġesù stess jgħidu dan: “Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin” (Lq 6:32–33). L-imħabba ta’ Alla mhijiex hekk. “Missierkom li hu fis-smewwiet," jgħid Ġesù, "italla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex” (Mt 5:45).

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?