Ir-responsabbiltà fiskali

Ma hi ħaġa ġdida xejn għal ħadd li jisma’ li nies fis-servizz ċivil berbqu (u forsi għadhom) flus addoċċ jew anki kappriċċożament ħolqu ħtiġijiet li belgħu għaxriet u mijiet ta’ eluf ta’ ewros, jekk mhux ukoll miljuni, mill-kaxxa ta’ Malta. Kulħadd jaf jagħmel l-arja bi flus ħaddieħor. Iżda l-agħar hu li għal dan it-tinfiq donnu ma hemm qatt ħadd responsabbli direttament, u dwaru jsiru ġustifikazzjonijiet li jgħaddu minn fuq ras kulħadd.

Għaqal

Jiena nixtieq inkun persważ li waħda mill-barrin il-kbar li l-gvern il-ġdid irid jaqbad minn qrunu—malajr u drastikament—hija l-pjaga tar-responsabbiltà fiskali, kif ukoll l-etika uffiċjali li tikkontrollaha u l-prattika li teżisti dwarha. Ilkoll nafu fl-attitudni tal-‘money no problem’ li faqqret lil Malta u li wikkietha bi djun li prattikament sar kważi insolubbli.

Dan sar b’mod irresponsabbli minn nies fil-gvern li donnhom qiesu flus Malta—flus tiegħi u tiegħek—bħala propretà privata tagħhom li setgħu jiddisponu minnu kif issuġġeriet il-kappriċċożità u l-arbitrarjetà tagħhom. U hekk għamlu. Nifhem li l-gvern attwali biħsiebu jkun aktar għaqli minn hekk. Flus il-poplu mhumiex għad-dispożizzjoni tal-kappriċċi ta’ ħadd.

Dan l-għaqal jitlob li jkun hemm proviżjonijiet etiċi ħafna aktar ċari milli jeżisti llum dwar ir-responsabbiltà fiskali ta’ dawk fis-servizz ċivil. It-tberbiq irid jieqaf sabiex pajjiżna jibda jsib imqar xi tarf żgħir tad-djun li daħal fihom f’isimna u li, wara kollox, irridu nagħmlu tajjeb għalih aħna. Komda din li wieħed jagħmel id-dejn u jħallsu ħaddieħor. Kulħadd jaf jagħmilha din. Imma m’għandhiex tkun. U l-gvern hu fid-dmir li jara li din il-prattika inetika u immorali min-naħa tas-servizz ċivili ma tibqax issir.

Impenn

It-tberbiq ma sarx u ma jsirx biss biex jitħallsu kontijiet astronomiċi li bosta oqsma taċ-ċivil ħolqu arbitrarjament. Ibda biex, ħafna minn dawn il-kontijiet lanqas biss kien imisshom inħolqu. Barra minn hekk, ma jidhirx li kien hemm xi ħtieġa għalihom għajr waħda abbużiva u vvizzjata. Evidentement, xi wħud saru biss biex iħaxxnu bwiet kummerċjanti privati.

Iċ-ċivil huwa wkoll ħati, fil-fehma tiegħi, li ħoloq (u nittama li m’għadux) uffiċċji għal nies b’pagi superstellari, jew ta kummissjonijiet li għalihom ħallas somom għal kollox irrealistiċi. Dejjem mill-kaxxa ta’ Malta. Dejjem minn flus il-poplu. Mid-dehra, il-provedimenti uffiċjali (tal-gvern) għall-etika fiskali dan tippermettih, allavolja jammonta għal serq pur u ċar.

L-impenn li ħa l-gvern li għallanqas itaffi d-dejn nazzjonali sa mill-ewwel leġislatura amministrattiva tiegħu ma jistax ma jimplikax li t-tinfiq enormi tal-gvern fi ħwejjeġ li mhumiex meħtieġa jew li fuqhom qiegħed isir serq legali jiġi kkontrollat drastikament. Din la hija problema ħafifa u lanqas sempliċi. Iżda xi bidu jrid ikun hemm. Ta’ dan il-kontroll il-gvern irid jagħti kont lill-poplu, kif nemmen li se jagħmel, qabel xejn għax dawk huma flusna, mhux flusu, u aħna għandna dritt inkunu nafu x’qiegħed isir minn flusna.

Dnub serju

Il-poplu m’għandux jibqa’ jippermetti li jħallas dejn ħaddieħor. Fuq livell privat u individwali dan ħadd ma jippermettih. Mela għala għandu jiġi permess fuq livell pubbliku u governattiv? Fil-Greċja, fi Spanja u f’pajjiżi oħrajn il-poplu qiegħed jipprotesta li qed jitgħabba b’awsteritajiet. Dan qiegħed jagħmlu issa, meta hu tard wisq.

Jien ma nemminx li hu tard wisq għalina. Nemmen li nistgħu nevitaw id-diżastru fiskali li ħaddieħor daħal fih b’ruħu u ġismu. Nemmen li l-gvern il-ġdid huwa diġà impenjat li jaġixxi malajr u drastikament biex il-prattiċi fiżkali ivvizzjati li jeżistu fiċ-ċivil, kif ukoll dawk abbużivi, jibda jsib tarfhom.

Dawn il-prattiċi u dawn l-abbużi, li jsiru f’pajjiżna minn mijiet (jekk mhux eluf) ta’ nies li forsi jsejħu lilhom infushom insara, mhumiex biss ta’ natura inetika iżda wkoll immorali. Huma dnub u dnub serju. Għaldaqstant, nifhem li l-Knisja għandha d-dmir li tfakkru dan.

Comments

  1. Naqbel, imma trid issib sistema li tpoggi l-edelA TIEGHEK FIL-PRATTIKA. pER EZEMPJU, MIN GHANDU ID-DRITT LI JISTABBILIXXI IS-SELLUN TAL-PAGI?. JEKK KULL TIP TA HADDIEM IKUN IRRAPREZENTAT F-UNION. U KULL TIP TA HADDIEM IKOLLU RAPREZENTANI ADEKWTI BIEX JIGI STABBILIT IS SELLUN TAS-SALAJRI , ID-DIFFERENZA MILL-LIVEL TA LGHOLHA GHAL DAK BAXX, TONQOS HAFNA.IRIDU JIGU STABELITI WKOLL IL KRITERJI LI TPOGGI IL QUDDIEM CERTA KLASSI TA HADDIEMA. WAHDA MINN DIN IL-KRITERJA GHANDHA TKUN,xjIGRI LIL PAJJIZ JEKK DIK IL-FAXXA TA HADDIEMA TAGHMEL STRAJK TA GIMgHA?. JEKK JINQALA BIZA KBIR TA EPIDEMIJA jew pesta, DIN IL-KATEGORIJA TA NIES GHANHA IKOLLHA LIVEL MINN Ta fuq net fil-paqa taghha. ghalek l-ewwel ghandhom jigu stabiliti il-kriterji ta kif jifformola ruhu is-sellum, imbaghad kull forma ta haddiem is-sib posta fis-sellum. nispicca biex nghid li din l-edeja hi kompromes min naha tieghi, ghax nemmen li edejalment m'ghandux ikun hemm differenzi bejn klassi ta haddiem u iehor.

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?